Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tniedi għodda ġdida li tappoġġa t-tagħlim diġitali fl-iskejjel

Brussell, il-25ta' ottubru 2018

Il-Kummissjoni tniedi għodda ġdida li tappoġġa t-tagħlim diġitali fl-iskejjel

Illum il-Kummissjoni Ewropea nediet għodda ġdida biex tgħin lill-iskejjel kollha fl-UE, u dawk fir-Russja, fil-Georgia u fis-Serbja ħalli jivvalutaw kif qed jużaw it-teknoloġiji diġitali fit-tagħlim. Fl-UE se tiġi offruta l-għodda SELFIE (Awtoriflessjoni dwar it-Tagħlim Effettiv billi jitrawwem l-użu ta' Teknoloġiji Edukattivi Innovattivi) lil 76.7 miljun student u għalliema f'250,000 skola fuq bażi volontarja. Għalissa din qed titnieda bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE, iżda fil-futur se tkun disponibbli wkoll b'lingwi oħra. L-iskejjel tal-primarja superjuri, tas-sekondarja u l-kulleġġi vokazzjonali li huma interessati, jistgħu jsiru membri tal-pjattaforma SELFIE u jwettqu l-awtoriflessjoni fl-iskola tagħhom. Il-Kummissjoni timmira li sa tmiem l-2019 tilħaq miljun student, għalliema u kapijiet ta' skejjel.

Qabel it-tnedija ta' SELFIE fl-Iskola Superjuri IX Klementyna Hoffmanowa, skola sekondarja f'Varsavja, il-Polonja, Tibor Navracsics, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport, qal:“SELFIE tista' tgħin lill-iskejjel tagħna biex jintegraw it-teknoloġiji fit-tagħlim b'mod siewi u komprensiv. Din l-għodda tlaqqa' l-fehmiet tal-kapijiet tal-iskejjel, tal-għalliema u tal-istudenti, u b'hekk tista' taqdi rwol importanti biex fl-Ewropa l-edukazzjoni tkun adattata għall-era diġitali. Fiduċjuż li SELFIE se tgħinna ntejbu l-ħiliet diġitali tal-Ewropej. Din hi essenzjali jekk irridu li kulħadd jaħtaf l-opportunitajiet tal-ekonomiji globalizzati bbażati fuq l-għarfien. Barra minn hekk, din hi indispensabbli biex insawru soċjetajiet b'utenti kunfidenti u kritiċi fejn jidħlu t-teknoloġiji ġodda, u mhux konsumaturi passivi.”

SELFIE hija waħda mill-11-il inizjattiva tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali li ppreżentat il-Kummissjoni f'Jannar ta' din is-sena. Il-Pjan ta' Azzjoni għandu l-għan li jsaħħaħ il-ħiliet diġitali fl-Ewropa u jsostni l-użu innovattiv tat-teknoloġiji diġitali fit-tagħlim.

Kif taħdem SELFIE

Ladarba skola tiddeċiedi li tuża SELFIE, l-istudenti, il-kapijiet tal-iskola u l-għalliema jirriflettu dwar serje ta' stqarrijiet qosra biex jistħarrġu jekk it-teknoloġija hix qed tintuża fit-tagħlim. L-għodda hija modulari, u l-iskejjel jistgħu jagħżlu minn għadd ta' stqarrijiet fakultattivi u sa tmien mistoqsijiet apposta li jkunu jgħoddu għall-ħtiġijiet u l-prijoritajiet rispettivi tagħhom. Għal kull stqarrija jkunu jeħtieġu bejn 20 u 30 minuta. Imbagħad, l-iskola tirċievi rapport imfassal apposta bir-riżultati. Dan ir-Rapport tal-Iskola SELFIE jista' jintuża għal djalogu fil-komunità tal-iskola, biex jiġu stabbiliti passi li jtejbu l-użu tat-teknoloġiji diġitali għal tagħlim aħjar. Ngħidu aħna, jista' jsir taħriġ speċifiku għall- għalliema jew jingħata appoġġ lill-istudenti dwar kwistjonijiet bħas-sikurezza online. It-tweġibiet kollha mogħtija permezz ta' SELFIE huma anonimi u mhi tinġabar l-ebda data personali. Id-data mhix se tintuża għal klassifikazzjoni tal-iskejjel jew tas-sistemi edukattivi..

Il-passi li jmiss

SELFIE diġà tinsab fi skejjel fis-Serbja u minn kmieni s-sena d-dieħla se tkun disponibbli għall-pajjiżi kollha fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent. L-ewwel konferenza ta' SELFIE se ssir f'Madrid bejn l-4 u l-5 ta' April 2019 flimkien mal-Ministeru Spanjol għall-Edukazzjoni. Dan l-avveniment se jlaqqa' skejjel minn madwar l-Ewropa kollha li qed jużaw l-għodda, filwaqt li l-esperjenzi u t-tweġibiet tagħhom se jintużaw biex tkompli tittejjeb.

Il-Kummissjoni se toħloq ukoll materjal ta' appoġġ għall-iskejjel biex tgħinhom jieħdu l-passi meħtieġa biex iżidu l-użu tat-teknoloġiji diġitali wara li jkunu lestew l-eżerċizzju ta' SELFIE. U l-Kummissjoni qed tesplora sinerġiji potenzjali ma' netwerks eżistenti tal-għalliema u l-iskejjel, b'mod partikolari tal-eTwinning, pjattaforma online bl-appoġġ tal-programm Erasmus+ li saret l-akbar netwerk tal-għalliema fid-dinja.

Il-kuntest

It-tnedija qed issir illum fi skola sekondarja f'Varsavja, fejn il-Kummissarju Navracsics qed jattendi wkoll il-konferenza annwali tal-eTwinning. Il-Kummissarju Navracsics u l-Ministru Pollakka tal-Edukazzjoni, Anna Zalewska, qed iżiru l-iskola biex jiltaqgħu mal-istudenti u l-għalliema u jaraw kif l-iskola qed tintegra t-teknoloġija fit-tagħlim.

Biex tiżviluppa l-għodda SELFIE, il-Kummissjoni ħadmet ma' Ministeri għall-Edukazzjoni u ma' għadd ta' esperti fl-edukazzjoni diġitali minn madwar l-Ewropa. Fost l-istituzzjonijiet sħab hemm il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ, iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (CEDEFOP) u l-Istitut tal-UNESCO għat-Teknoloġiji tal-Informatika fl-Edukazzjoni.

Is-sena l-oħra ġiet ittestjata verżjoni bikrija ta' din l-għodda f'650 skola f'14-il pajjiż. Minn dan il-proġett pilota nkisbu 67,000 kumment fuq kif din l-għodda tista' tibqa' titjieb u tiġi ssimplifikata ‒ rispons li ssarraf f'titjib għall-verżjoni mnedija llum.

Għal aktar informazzjoni

Is-sit web ta' SELFIE, li tinkludi filmat

Skeda informattiva ta' SELFIE

SELFIE fuq Twitter: #SELFIE_EU 

IP/18/6178

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar