Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Is-Suq Uniku Diġitali: direttorju tal-films Ewropej biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għalihom online

Lyon, it-18ta' ottubru 2018

Illum, fl-okkażjoni tal-Marché international du film classique (suq internazzjonali tal-films klassiċi) f'Lyon, Mariya Gabriel, il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, se tippreżenta l-prototip ta' direttorju tal-films Ewropej. Din hija azzjoni ewlenija tal-istrateġija Digital4Culture li tidħol ukoll fil-qafas tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018.

Id-direttorju ġdid tnieda bl-għajnuna tal-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew u se jippermetti lill-professjonisti, lill-awtoritajiet pubbliċi u liċ-ċittadini jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar il-films Ewropej u d-disponibbiltà tagħhom online fis-servizzi tal-vidjo fuq talba (video on demand, VOD) fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissarju Gabriel stqarret: “Huwa d-dmir tagħna li nippromwovu x-xogħlijiet Ewropej biex ikollhom l-udjenza li jistħoqqilhom. It-trasformazzjoni diġitali għandha potenzjal determinanti fit-tisħiħ tal-effetti pożittivi tal-kultura, kemm fil-qasam ekonomiku kif ukoll fil-qasam soċjetali.Dan huwa l-objettiv tad-Direttorju tal-films Ewropej, u b'mod usa' l-isfida tal-istrateġija tagħna #Digital4Culture: li nibbenefikaw minn din il-konnessjoni produttiva bejn it-teknoloġiji diġitali u l-kultura.”

Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura, Tibor Navracsics, żied jgħid: “Il-wirt kulturali tal-Ewropa mhuwiex magħmul mill-monumenti, mil-letteratura, mill-pittura jew mit-tradizzjonijiet diversi biss, iżda jinkludi wkoll ir-rikkezza straordinarja tal-wirt ċinematografiku tagħna. Nilqa' din l-inizjattiva meħuda fil-qafas tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali li se tiffaċilita l-aċċess għal numru kbir ta' films Ewropej, tal-imgħoddi u tal-lum”.

Illum, il-preżenza tal-films Ewropej online tirrappreżenta biss 25 % tal-films offerti mis-servizzi VOD fl-UE. Jeżistu bażijiet ta' data nazzjonali iżda ma jeżisti xejn bħal dan fil-livell Ewropew. L-Ewropa hija attur ewlieni fiċ-ċinema dinjija b'aktar minn 18,000 film prodotti bejn l-2007 u l-2016 u volum dinji ta' produzzjonijiet li żdied b'47 %, minn 1,444 film għal 2,214 film fl-2016.

Bħalissa, id-Direttorju għadu fl-istat ta' prototip u fih data li ġejja minn 115-il servizz ta' VOD u dwar 35,000 film Ewropew. It-tnedija tal-verżjoni beta hija ppjanata għar-rebbiegħa tal-2019 u t-tnedija tal-verżjoni definittiva se sseħħ fi tmiem is-sena d-dieħla. 

Bosta vantaġġi 

Din l-għodda innovattiva hija ffinanzjata mill-Programm MEDIA ta' appoġġ għas-settur awdjoviżiv Ewropew, u se tkun aċċessibbli għaċ-ċittadini, għall-professjonisti u għall-awtoritajiet pubbliċi. L-idea ta' dan id-direttorju għandha bosta vantaġġi:

  • għaċ-ċittadini: viżibbiltà aħjar taċ-ċinema Ewropea fl-UE kollha bis-saħħa tal-ħolqien ta' arkivju ċinematografiku virtwali, rikk u varjat.

  • għall-professjonisti: l-awturi u l-produtturi jkunu jafu f'liema pajjiżi u f'liema servizzi se jkunu disponibbli l-films tagħhom fuq VOD; id-distributuri li jixtiequ jbiegħu aħjar il-films Ewropej tagħhom ikunu jistgħu jidentifikaw is-servizzi ta' VOD li joffru xogħlijiet simili u għalhekk li x'aktarx ikunu interessati li jieħdu l-films tagħhom; is-servizzi tal-VOD ikunu jistgħu jidentifikaw il-films Ewropej online f'territorji oħra li x'aktarx jinteressaw lill-udjenzi tagħhom.

  • għall-awtoritajiet pubbliċi: indikazzjoni dwar il-kwalità tal-offerta legali tal-films Ewropej fid-dinja diġitali; b'mod partikolari, il-fondi ta' appoġġ u l-aġenziji li jippromwovu l-films ikunu jafu jekk il-films li jappoġġaw ikunux realment disponibbli u jekk humiex esportati fl-Istati Membri l-oħra; u maż-żmien, id-Direttorju se jipprovdi lir-regolaturi għodda li tista' tgħinhom jikkontrollaw l-implimentazzjoni tar-reviżjoni reċenti tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva kkaratterizzata mill-adozzjoni tal-kwota minima ta' 30 % ta' xogħlijiet Ewropej sabiex tiżdied u tissaħħaħ il-preżenza tal-films Ewropej online.

Kuntest

L-inizjattiva hija parti mill-qafas tal-Istrateġija Digital4Culture u tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018. Ir-rivoluzzjoni diġitali tippermetti forom ġodda u innovattivi ta' kreazzjoni artistika; aċċess usa' u aktar demokratiku għall-kultura u l-wirt; u modi ġodda ta' aċċess, konsum u monetizzazzjoni tal-kontenut kulturali. Biex jiġu riflessi dawn l-iżviluppi, l-istrateġija Digital4Culture hija bbażata wkoll fuq il-proposti bl-għan li jimmodernizzaw ir-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u biex jiffaċilitaw l-aċċess transfruntiera għall-programmi tat-televiżjoni u tar-radju online, li qed jiġu nnegozjati bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE u li jagħmlu parti mill-Istrateġija għal suq uniku diġitali.

Id-Direttorju Ewropew huwa appoġġat mill-programm MEDIA ta' Creative Europe. Għal 27 sena, il-programm MEDIA ppermetta l-iżvilupp u d-distribuzzjoni ta' aktar 2,000 film, dokumentarju, serje televiżiva u reċentement anki animazzjonijiet. Il-Kummissjoni tipproponi li jiżdied il-baġit ta' MEDIA bi 30 %, jiġifieri €1.2 biljun euro għall-perjodu baġitarju li jmiss 2021–2027. Fis-snin li ġejjin, se jiġu investiti aktar flus fil-promozzjoni u d-distribuzzjoni internazzjonali tax-xogħlijiet Ewropej u tar-rakkontar innovattiv tal-istejjer, inkluż permezz tar-realtà virtwali.

Għal aktar informazzjoni

Skeda informattiva: Direttorju tal-films Ewropej online

L-Istrateġija Digital4Culture

Sit web tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali

Skeda informattiva: Skeda informattiva Media/QFP

Skeda informattiva: MEDIA Movies and documentaries

IP/18/6134

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar