Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Tbassir Ekonomiku Interim tax-Xitwa 2018: espansjoni solida u durevoli

Brussell, is-7ta' frar 2018

Ir-rati ta' tkabbir għaż-Żona tal-Ewro u għall-UE, is-sena li għaddiet qabżu kull stennija hekk kif għadha għaddejja t-tranżizzjoni mill-irkupru ekonomiku għall-espansjoni. Kemm iż-Żona tal-Ewro kif ukoll l-ekonomiji tal-UE huwa stmat li kibru b'2.4 % fl-2017, l-aktar pass mgħaġġel f'għaxar snin.

Din il-prestazzjoni robusta hija mistennija li titkompla fl-2018 u fl-2019 bi tkabbir ta' 2.3 % u 2.0 % rispettivament kemm fiż-Żona tal-Ewro kif ukoll fl-UE.

Il-Viċi President għall-Ewro u d-Djalogu Soċjali, Valdis Dombrovskis, responsabbli wkoll mill-Istabbiltà Finanzjarja, mis-Servizzi Finanzjarji u mill-Unjoni tas-Swieq Kapitali, qal: L-ekonomija Ewropea sejra aħjar minn kull stennija u t-tkabbir robust huwa mistenni li jissokta s-sena d-dieħla. Aħna għandna nkomplu bil-ħidma tagħna biex niżguraw li l-benefiċċji ta' dan it-tkabbir jinħassu mill-Ewropej kollha. Għandna nużaw dan iż-żmien biex l-ekonomiji tagħna nagħmluhom aktar reżiljenti u biex napprofondixxu l-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

Il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana, Pierre Moscovici, qal: “L-ekonomija tal-Ewropa bdiet is-sena 2018 f'kundizzjoni ta' saħħa tajba ħafna. Iż-Żona tal-Ewro qed tgawdi minn rati ta' tkabbir li ilu ma jkun hemm bħalhom minn qabel il-kriżi finanzjarja. Il-qgħad u d-defiċits qed ikomplu jonqsu u l-investiment, fl-aħħar, qed jiżdied b'mod sinifikattiv. It-tkabbir ekonomiku huwa wkoll aktar ibbilanċjat minn dak ta' għaxar snin ilu, u dment li naraw li nimplimentaw riformi strutturali għaqlin u linji ta' politika fiskali responsabbli, jista' wkoll ikun aktar durevoli. Din it-tieqa ta' opportunità għar-riforma mhix se tibqa' miftuħa għal dejjem: issa huwa l-waqt li nieħdu d-deċiżjonijiet ambizzjużi li hemm bżonn biex insaħħu l-Unjoni Ekonomika u Monetarja.”

It-tkabbir x'aktarx li jibqa' wieħed solidu

It-tkabbir tal-PDG ta' 2.4 % li issa huwa stmat għall-2017 huwa aktar mill-projezzjonijiet tat-Tbassir Ekonomiku tal-Ħarifa ta' Novembru, li kienu ta' 2.2 % għaż-Żona tal-Ewro u 2.3 % għall-UE. It-tbassir tat-tkabbir għall-2018 u l-2019 żdied ukoll minn Novembru 'l hawn kemm għall-ekonomiji taż-Żona tal-Ewro kif ukoll għal dawk tal-UE: minn 2.1 % għal 2.3 % għal din is-sena u minn 1.9 % għal 2.0 % għall-2019. Dan huwa r-riżultat kemm ta' momentum ċikliku aktar qawwi fl-Ewropa, fejn is-swieq tax-xogħol qed ikomplu jitjiebu u s-sentiment ekonomiku huwa partikolarment għoli, kif ukoll ta' rpiljar b'qawwa akbar milli mistenni fil-kummerċ u fl-attività ekonomika globali.

Domanda qawwija, użu għoli tal-kapaċità u kundizzjonijiet ta' finanzjament li jservu ta' sostenn huma mistennija li jiffavorixxu l-investiment tul il-perjodu tat-tbassir.

Il-perspettiva tal-inflazzjoni tibqa' kkontrollata

L-inflazzjoni bażi, li teskludi l-prezzijiet volatili tal-enerġija u tal-ikel mhux ipproċessat, hija mistennija li tibqa' taħt kontroll hekk kif l-istaġnar fis-suq tax-xogħol qed jibda jbatti bil-mod il-mod u l-pressjonijiet fuq il-pagi għadhom imrażżna. L-inflazzjoni kumplessiva se tibqa' tirrifletti l-influwenza sinifikanti tal-prezzijiet tal-enerġija u hija mbassra li tiżdied modestament. L-inflazzjoni fiż-Żona tal-Ewro laħqet 1.5 % fl-2017. Hija mbassra li tibqa' 1.5 % fl-2018 u li tiżdied għal 1.6 % fl-2019.

Ir-riskji huma bbilanċjati, b'riskji b'xaqliba għall-aħjar fuq terminu qasir

Ir-riskji għal dan it-tbassir tat-tkabbir għadhom ġeneralment ibbilanċjati. It-tkabbir ekonomiku jista' jisboq kull stennija fuq terminu qasir kif indikat mil-livell għoli ta' sentiment. Fuq terminu medju, il-prezzijiet tal-assi globali għoljin jistgħu jkunu vulnerabbli għal rivalutazzjoni tar-riskji u tal-elementi fundamentali. Ir-riskji negattivi marbuta mal-eżitu inċert tan-negozjati tal-Brexit għadhom hemm, bħalma għadhom dawk assoċjati ma' tensjonijiet ġeopolitiċi u ċaqliqa fid-direzzjoni ta' linji ta' politika li jħarsu aktar 'il ġewwa u aktar protezzjonisti.

Għar-Renju Unit, suppożizzjoni purament teknika għall-2019

Minħabba n-negozjati li għadhom għaddejjin dwar it-termini tat-tluq tar-Renju Unit mill-UE, il-projezzjonijiet tagħna għall-2019 huma bbażati fuq suppożizzjoni purament teknika ta' status quo f'dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE27 u r-Renju Unit. Dan huwa għal raġunijiet ta' tbassir biss u ma għandu l-ebda effett fuq it-taħditiet li għaddejjin fil-kuntest tal-proċess tal-Artikolu 50.

Sfond

Dan it-tbassir huwa bbażat fuq sett ta' suppożizzjonijiet tekniċi li jikkonċernaw ir-rati tal-kambju, ir-rati ta' mgħax u l-prezzijiet tal-komoditajiet b'data limitu tas-26 ta' Jannar 2018. Rigward id-dejta kollha l-oħra li dieħla, dan it-tbassir iqis l-informazzjoni sat-30 ta' Jannar.

Minn din is-sena, il-Kummissjoni Ewropea se terġa' tibda tippubblika żewġ tbassiriet komprensivi (fir-Rebbiegħa u fil-Ħarifa) u żewġ tbassiriet interim (fix-Xitwa u fis-Sajf) kull sena, minflok it-tliet tbassiriet komprensivi fix-Xitwa, fir-Rebbiegħa u fil-Ħarifa li kienet qed toħroġ kull sena sa mill-2012.

It-tbassiriet interim se jkopru l-PDG annwali u ta' kull tliet xhur u l-inflazzjoni għas-sena attwali u s-snin ta' wara għal kull Stat Membru u għaż-Żona tal-Ewro, kif ukoll l-aggregati tal-UE.

Din il-bidla tirrappreżenta ritorn lejn il-mudell ta' tbassir preċedenti tal-Kummissjoni u terġa' tallinja l-iskeda tat-tbassir tal-Kummissjoni ma' skedi ta' istituzzjonijiet oħra (pereż. il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Fond Monetarju Internazzjonali, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi).

Għal aktar informazzjoni

-Id-dokument komplut: It-Tbassir Ekonomiku Interim tax-Xitwa 2018

-Segwi lill-Viċi President Dombrovskis fuq Twitter: @VDombrovskis

-Segwi lill-Kummissarju Moscovici fuq Twitter: @pierremoscovici

-Segwi lid-DĠ ECFIN fuq Twitter: @ecfin

-Stqarrija għall-Istampa: Tbassir Ekonomiku tal-Ħarifa 2017: aktar tkabbir f'kuntest ta' politika li qed jinbidel

-Id-dokument komplut: It-Tbassir Ekonomiku tal-Ħarifa 2017

IP/18/604

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar