Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Pajjiżi jniedu l-ħidma tan-NU biex iwaqqfu l-kummerċ dinji tal-istrumenti tat-tortura

Brussell, il-25ta' settembru 2018

In-NU jaħdmu biex iwaqqfu l-kummerċ dinji tal-istrumenti tat-tortura.

Nhar it-Tnejn, l-24 ta' Settembru, l-Alleanza għal Kummerċ Liberu mit-Tortura qablet li żżid il-pass tal-isforzi tagħha u taħdem favur strument tan-Nazzjonijiet Uniti - bħalma hija konvenzjoni vinkolanti - biex jieqaf il-kummerċ fl-istrumenti għat-torturi u għall-piena tal-mewt. L-Alleanza għal Kummerċ Liberu mit-Tortura hija inizjattiva tal-Unjoni Ewropea, tal-Arġentina u tal-Mongolja. 

Il-ħidma tal-Alleanza ngħatat spinta 'l quddiem meta ssieħbu fiha ħames pajjiżi oħra, biex issa b'kollox hemm aktar minn 60 pajjiż. Il-pajjiżi, meta jingħaqdu mal-Alleanza, ikunu qed jimpenjaw ruħhom li jillimitaw l-esportazzjonijiet ta' dawn il-prodotti u jagħmluha aktar faċli għall-awtoritajiet tad-dwana biex jintraċċaw kunsinni u jidentifikaw prodotti ġodda.

Il-Kummissarju għall-Kummerċ Cecilia Malmström, li kkoospitat l-ewwel Laqgħa Ministerjali tal-Alleanza li saret waqt l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNGA - United Nations General Assembly), fi New York qalet: “L-użu sistematiku tat-tortura huwa delitt kontra l-umanità. Illum qed nuru l-impenn tagħna favur id-drittijiet tal-bniedem u biex jittieħdu passi konkreti sabiex jispiċċaw it-torturi u l-pieni kapitali. It-tortura hija strument ta' biża',u fl-ebda soċjetà ma hemm postha. Ingħaqadna b'vuċi waħda biex ngħidu li aħna mhux se nittolleraw dan il-kummerċ – mhux fil-pajjiżi tagħna u fl-ebda post ieħor fid-dinja.”

Il-ħames pajjiżi l-oħra li fil-Laqgħa Ministerjali ngħaqdu mal-Alleanza għal Kummerċ Liberu mit-Torturi kienu l-Awstralja, Cape Verde, New Zealand, Palau u Vanuatu.

L-Alleanza temmen li l-istrumenti tan-NU bħalma huma l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet fil-Periklu (CITES - Convention on International Trade in Endangered Species) u t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (ATT - Arms Trade treaty) huma eżempji ta' ftehimiet internazzjonali li jiffunzjonaw biex jitwaqqaf il-kummerċ mhux mixtieq. Il-Ftehim tal-lum sabiex sseħħ azzjoni tan-NU huwa pass 'il quddiem fil-proċess biex jinħoloq qafas dinji biex jispiċċa l-kummerċ ta' strumenti użati biex jiġu ttorturati u biex jiġu ġġustizzjati n-nies.

L-Alleanza għandha fil-mira oġġetti bħal lembubi b'ponot tal-metall, ċintorini li jagħtu x-xokkijiet elettriċi, tagħmir li jaqbad persuni waqt li jixxukkjahom, kimiki użati għall-eżekuzzjonijiet, kif ukoll kmamar tal-gass u siġġijiet tal-elettriku.

Fil-laqgħa Ministerjali, li nfetħet minn Michelle Bachelet, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, għadd ta' Ministri u ta' esperti internazzjonali, fosthom Kumi Naidoo, is-Segretarju Ġenerali ta' Amnesty International, taw il-kontribut tagħhom. Huma taw xhieda dwar l-orruri li għadhom jitwettqu ta' kuljum bil-varjetà ta' oġġetti mmanifatturati li mbagħad jinxtraw u jinbiegħ internazzjonalment fil-qafas ta' kummerċ ta' qligħ kbir.

Fid-diskors tal-ftuħ tagħha, Michelle Bachelet, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem qalet li t-tortura affettwat direttament lill-familtha. “It-tortura hija attakk serju fuq id-dinjità tal-bniedem,” stqarret Bachelet. “Tikkaġuna uġigħ serju kemm fuq il-vittmi kif ukoll fuq is-soċjetajiet.”

F'dawn l-aħħar snin, il-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta' tagħmir ta' tortura u ta' eżekuzzjoni - bħal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-UE - għamlet il-kummerċ f'dawn l-oġġetti aktar diffiċli. Madankollu dawn il-liġijiet ma waqqfuhx; it-traffikanti jsibu modi kif iduru mal-projbizzjonijiet u mal-kontrolli permezz ta' pajjiżi oħra. Din hija r-raġuni għaliex l-Alleanza għal Kummerċ Liberu mit-Tortura issa għandha l-għan li tespandi u tieħu passi oħra.

Lista sħiħa tal-pajjiżi li qegħdin fl-Alleanza għal Kummerċ Liberu mit-Tortura

L-Albanija, l-Arġentina, l-Armenja, l-Awstralja, l-Awstrija, il-Belġju, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Brażil, il-Bulgarija, il-Kanada, Cape Verde, iċ-Ċilì, il-Kolombja, il-Costa Rica, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Ekwador, El Salvador, l-Estonja, il-Finlandja, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja , Franza, il-Georgia, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Iżlanda, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Liechtenstein, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Madagaskar, Malta, il-Messiku, il-Moldova, il-Mongolja, il-Montenegro, in-Netherlands, New Zealand, in-Nikaragwa, in-Norveġja, Palau, il-Panama, il-Paragwaj, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Serbja, is-Seychelles, is-Slovenja, is-Slovakkja, Spanja, l-Iżvezja, l-Iżvizzera, l-Ukrajna, ir-Renju Unit, l-Urugwaj, Vanuatu, l-Unjoni Ewropea. 

Għal aktar informazzjoni

Is-sit web tal-Alleanza

Id-dikjarazzjoni miftiehma mill-pajjiżi waqt il-Laqgħa Ministerjali

Ir-ritratti u l-videos huma disponibbli fuq EbS

Ritratti tal-laqgħa Ministerjali

Video tal-laqgħa Ministerjali

Ritratti tal-istampa ta' strumenti ta' tortura

IP/18/5907

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar