Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta: isir il-ftehim dwar il-kooperazzjoni operattiva mas-Serbja

Belgrade, I-20ta' settembru 2018

Illum, il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni, u ċ-Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos u Nebojša Stefanović, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Intern tar-Repubblika tas-Serbja, inizjalaw ftehim dwar l-i status li se jippermetti li timijiet tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta jiġu mibgħuta fis-Serbja.

L-Aġenzija se tkun tista' tassisti lis-Serbja fil-ġestjoni tal-fruntieri u twettaq operazzjonijiet konġunti mas-Serbja, b'mod partikolari f'każ ta' bidla f'daqqa fil-flussi migratorji.

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni, u ċ-Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos qal: “Illum għamilna pass ieħor fil-kooperazzjoni tagħna mas-Serbja dwar il-migrazzjoni, il-ġestjoni tal-fruntieri u s-sigurtà. Nixtieq nirringrazzja lill-awtoritajiet Serbi għall-isforzi, ir-rieda u l-impenn tagħhom biex jintlaħaq dan il-ftehim. Pass pass, qed nipproteġu aħjar il-fruntieri esterni tal-UE, u dan qed nagħmluh ukoll billi nikkooperaw aktar mill-qrib ma' pajjiżi sħab fil-viċinat dirett tagħna u lil hinn minnu. Jiena qed nistenna bil-ħerqa li l-ftehim jiġi finalizzat dalwaqt u nittama wkoll li nikkonkludu malajr in-negozjati li għaddejjin bħalissa ma' sħab oħra tal-Balkani tal-Punent.”

L-appoġġ u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi li mhumiex fl-UE huma essenzjali għall-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE. Fl-2016, il-Kummissjoni saħħet il-mandat tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta biex tippermetti l-iskjeramenti fil-viċinat immedjat tal-UE. Il-ġimgħa li għaddiet, wara d-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2018 tal-President Juncker, il-Kummissjoni pproponiet li l-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta tkompli tissaħħaħ, li jtiha l-livell xieraq ta' ambizzjoni u li jippermetti li l-operazzjonijiet u l-iskjeramenti konġunti jseħħu f'pajjiżi lil hinn mill-viċinat immedjat tal-UE.

Il-ftehim tal-lum dwar l-istatus mas-Serbja huwa t-tielet ftehim inizjalat ma' pajjiżi sħab mir-reġjun tal-Balkani tal-Punent, wara l-Albanija fi Frar u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja f'Lulju. In-negozjati mal-Montenegro u mal-Bożnija-Ħerzegovina jinsabu għaddejjin.

Passi li Jmiss

L-abbozz tal-ftehim dwar l-istatus inizjalat illum mas-Serbja se jiġi ffirmat formalment f'data aktar tard, wara li ż-żewġ naħat ilestu l-proċeduri legali meħtieġa. Huwa meħtieġ ukoll il-kunsens tal-Parlament Ewropew.

Ladarba l-ftehim jidħol fis-seħħ, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta se tkun tista' twettaq attivitajiet operattivi u tibgħat timijiet fir-reġjuni tas-Serbja li għandhom fruntiera mal-UE, bi ftehim kemm mal-awtoritajiet Serbi kif ukoll mal-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-UE ġirien.

Sfond

L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta diġà tista' twettaq skjeramenti u operazzjonijiet konġunti fit-territorju ta' pajjiżi ġirien li mhumiex fl-UE, soġġett għal konklużjoni preċedenti ta' ftehim dwar l-istatus bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiż ikkonċernat. Skont il-proposta l-ġdida biex il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta tissaħħaħ aktar, ftehimiet bħal dawn jistgħu jiġu konklużi wkoll ma' pajjiżi lil hinn mill-viċinat immedjat tal-UE.

Għal Aktar Informazzjoni

Stqarrija għall-istampa: Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta: ftehim ta' kooperazzjoni operazzjonali milħuq ma' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

Stqarrija għall-istampa: Il-ġestjoni tal-fruntieri: l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta ssaħħaħ il-kooperazzjoni operattiva mal-Albanija

Sit web: L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta

Sit web: Id-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni

IP/18/5835

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar