Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Istat tad-Dritt: Il-Kummissjoni Ewropea tressaq lill-Polonja quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja sabiex tipproteġi l-indipendenza tal-Qorti Suprema Pollakka

Brussell, I-24ta' settembru 2018

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Polonja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE minħabba l-ksur tal-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja maħluq mil-Liġi Pollakka l-ġdida dwar il-Qorti Suprema, u biex titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna miżuri interim sakemm hija tkun ħarġet sentenza dwar il-każ

Il-liġi l-ġdida Pollakka dwar il-Qorti Suprema tbaxxi l-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema minn 70 għal 65, li jqiegħed 27 mit-72 imħallef tal-Qorti Suprema f'riskju li jiġu mġiegħla jirtiraw. Din il-miżura tapplika wkoll għall-Ewwel President tal-Qorti Suprema, li l-mandat ta' sitt snin tiegħu, stabbilit fil-Kostituzzjoni Pollakka, jiġi tterminat qabel iż-żmien.

Skont il-liġi, li daħlet fis-seħħ fit-3 ta' April 2018, l-imħallfin affettwati mill-età tal-irtirar aktar baxxa jingħataw l-opportunità li jitolbu estensjoni tal-mandat tagħhom, li tista' jingħata mill-President tar-Repubblika għal perjodu ta' tliet snin, u tiġġedded darba. M'hemm l-ebda kriterju ċar stabbilit għad-deċiżjoni tal-President u ma hemm l-ebda stħarriġ ġudizzjarju disponibbli jekk huwa jirrifjuta t-talba. Barra minn hekk, l-unika salvagwardja proposta mill-awtoritajiet Pollakki hija konsultazzjoni mhux vinkolanti tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, korp li issa huwa ffurmat bi ksur tal-istandards Ewropej dwar l-indipendenza ġudizzjarja.

Il-Kummissjoni Ewropea ssostni li l-liġi Pollakka dwar il-Qorti Suprema mhijiex kompatibbli mad-dritt tal-UE billi ddgħajjef il-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja, inkluża l-pożizzjoni fissa tal-imħallfin, u b'hekk il-Polonja tonqos milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jinqara f'konnessjoni mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni bagħtet Ittra ta' Intimazzjoni lill-awtoritajiet Pollakki fit-2 ta' Lulju 2018 rigward il-Liġi dwar il-Qorti Suprema, u segwiet din b'Opinjoni Motivata fl-14 ta' Awwissu 2018. Ir-rispons tal-awtoritajiet Pollakki fiż-żewġ okkażjonijiet naqas milli jtaffi t-tħassib legali tal-Kummissjoni.

L-implimentazzjoni tar-reġim ta' rtirar li qed jiġi kkontestat għall-imħallfin tal-Qorti Suprema fil-Polonja qed tiġi aċċellerata u qed toħloq riskju ta' dannu gravi u irreparabbli għall-indipendenza tal-ġudikatura fil-Polonja, u għalhekk għall-ordni ġuridiku tal-UE. L-indipendenza tal-qrati u tat-tribunali nazzjonali hija essenzjali għall-funzjonament tal-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri tal-UE, u b'mod partikolari għall-mekkaniżmu tad-deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE.

Il-Kummissjoni, għalhekk, imxiet għall-istadju li jmiss tal-proċedura ta' ksur, fejn iddeċidiet li tressaq il-każ quddiem il-qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Permezz tat-tressiq tagħha, il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tordna miżuri interim, li jreġġgħu il-Qorti Suprema tal-Polonja lura għas-sitwazzjoni tagħha qabel it-3 ta' April 2018, meta l-liġijiet ġodda kkonstestati ġew adottati. Finalment, il-Kummissjoni ddeċiediet li titlob proċedura mħaffa fil-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tikseb sentenza finali mill-aktar fis possibbli.

Sfond

L-Istat tad-dritt huwa wieħed mill-valuri komuni li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea. Huwa mnaqqax fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, hija responsabbli skont it-Trattati sabiex tiggarantixxi r-rispett tal-istat tad-dritt bħala valur fundamentali tal-Unjoni tagħna u sabiex taċċerta li l-liġi, il-valuri u l-prinċipji tal-UE jiġu rispettati.

Żviluppi fil-Polonja wasslu lill-Kummissjoni Ewropea biex tiftaħ djalogu mal-Gvern Pollakk f'Jannar 2016 fil-Qafas tal-Istat tad-Dritt. Il-proċess huwa bbażat fuq djalogu kontinwu bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. Il-Kummissjoni żżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill infurmati regolarment.

Fid-29 ta' Lulju 2017, il-Kummissjoni nediet proċedura ta' ksur dwar il-Liġi Pollakka dwar il-Qrati Ordinarji, anki fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet dwar l-irtirar tagħha u l-impatt tagħhom fuq l-indipendenza tal-ġudikatura. Fl-20 ta' Diċembru 2017 il-Kummissjoni ressqet dan il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-każ huwa pendenti quddiem il-Qorti.

Fl-20 ta' Diċembru 2017, minħabba nuqqas ta' progress permezz tal-Qafas tal-Istat tad-Dritt, il-Kummissjoni attivat il-proċedura skont l-Artikolu 7(1) għall-ewwel darba u ppreżentat Proposta Motivata għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur serju tal-istat tad-dritt mill-Polonja. L-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jipprovdi li l-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza ta' erbgħa minn ħamsa tal-membri tiegħu, jiddetermina li jkun hemm riskju ċar ta' ksur serju minn Stat Membru tal-valuri komuni msemmija fl-Artikolu 2 tat-Trattat.

Fis-seduta tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja fis-26 ta' Ġunju 2018, fil-kuntest tal-proċedura skont l-Artikolu 7(1), ma ingħatat l-ebda indikazzjoni mill-awtoritajiet Pollakki ta' miżuri li kienu se jittieħdu, li jindirizzaw il-preokkupazzjonijiet pendenti tal-Kummissjoni. Minħabba dan il-fatt, u n-nuqqas ta' progress dwar din il-kwistjoni fid-djalogu tal-Istat tad-Dritt mal-Polonja, il-Kummissjoni ħarġet Ittra ta' Intimazzjoni lill-Polonja fit-2 ta' Lulju 2018, li tistabbilixxi t-tħassib legali tal-Kummissjoni b'mod ċar. Fit-2 ta' Awwissu 2018, l-awtoritajiet Pollakki wieġbu għal din l-Ittra ta' Intimazzjoni, filwaqt li ċaħdu t-tħassib tal-Kummissjoni. Sussegwentement, il-Kummissjoni bagħtet Opinjoni Motivata lill-awtoritajiet Pollakki dwar il-kwistjoni fl-14 ta' Awwissu 2018, u rċeviet risposta fl-14 ta' Settembru 2018, li naqset ukoll milli ttaffi t-tħassib legali tal-Kummissjoni.

Fit-18 ta' Settembru 2018, it-tieni smigħ dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja ġie organizzat fil-Kunsill Affarijiet Ġenerali fil-kuntest tal-proċedura tal-Artikolu 7(1). L-awtoritajiet Pollakki reġgħu żammew il-pożizzjoni tagħhom u rrifjutaw li jipproponu xi miżuri biex jindirizzaw it-tħassib tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri l-oħra.

Din il-proċedura ta' ksur ma twaqqafx id-djalogu li għaddej dwar l-istat tad-dritt mal-Polonja, li għadu l-kanal preferut tal-Kummissjoni għar-riżoluzzjoni tat-theddid sistemiku għall-istat tad-dritt fil-Polonja.

Għal aktar informazzjoni

Dwar il-proċedura ta' ksur ġenerali, ara MEMO/12/12

Stqarrija għall-istampa dwar l-Opinjoni Motivata dwar il-liġi dwar il-Qorti Suprema

Stqarrija għall-istampa dwar l-Ittra ta' Intimazzjoni dwar il-liġi dwar il-Qorti Suprema

Stqarrija għall-istampa dwar il-Proposta Motivata, ir-Raba' Rakkomandazzjoni dwar l-Istat tad-Dritt, u l-proċedura ta' ksur rigward il-liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji

 

 

IP/18/5830

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar