Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Sena wara: Il-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Kanada jagħti riżultati pożittivi

Brussell, I-20ta' settembru 2018

Il-Ġimgħa 21 ta' Settembru se tikkommemora l-ewwel anniversarju tad-dħul fis-seħħ proviżorju tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn l-UE u l-Kanada.

L-ewwel sinjali qed juru li l-ftehim diġà beda jagħti r-riżultati għall-esportaturi tal-UE. Il-Kummissarju Malmström se żżur il-Kanada fis-26 u s-27 ta' Settembru biex tqis il-progress li kien hemm s'issa.

Waqt li se tkun qiegħda Montreal, il-Kummissarju se tiltaqa' mal-Ministru tad-Diversifikazzjoni Kummerċjali Internazzjonali, James Gordon Carr. Fis-26 ta' Settembru, hija se tattendi l-ewwel Kumitat Konġunt UE-Kanada, li hu l-ogħla korp għaż-żewġ sħab, biex tiddiskuti kwistjonijiet ta' interess relatati mal-ftehim. Hija se żżur ukoll diversi kumpaniji Ewropej u Kanadiżi, tiddiskuti mar-rappreżentanti tal-kumpaniji li diġà qed jagħmlu użu mill-ftehim, u titkellem fil-Université de Montréal fis-27 ta' Settembru.

Il-Kummissarju għall-Kummerċ Cecilia Malmström qalet: “Il-ftehim kummerċjali UE-Kanada issa ilu jopera għal sena u jien sodisfatta bil-progress li sar s'issa. Id-data preliminari turi li hemm raġuni biex niċċelebraw, anki f'dan l-istadju. L-esportazzjonijiet żdiedu b'mod ġenerali u diversi setturi raw żidiet impressjonanti. Din hija aħbar tajba ħafna għan-negozji Ewropej, kemm kbar kif ukoll żgħar. Bħal ma jiġri dejjem b'dawn il-ftehimiet, hemm ċerti oqsma fejn irridu nkunu żguri li nimplimentaw b'mod sħiħ dak li ġie miftiehem, bil-għan li niżguraw li ċ-ċittadini u l-kumpaniji jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ minn opportunitajiet ġodda. Din hija xi ħaġa li biħsiebni niddiskuti mal-kontropartijiet Kanadiżi fil-Kumitat Konġunt il-ġimgħa d-dieħla. Jiena kuntenta li ngħid li s-sħubija tagħna mal-Kanada hija aktar b'saħħitha minn qatt qabel – strateġikament kif ukoll ekonomikament. Flimkien, qed niddefendu ordni kummerċjali internazzjonali miftuħ u bbażat fuq ir-regoli. Is-CETA hija wirja ċara ta' dan.”

Għadna fil-bidu iżda x-xejriet huma pożittivi

Barra li virtwalment neħħa d-dazji doganali kollha, is-CETA kkontribwixxa biex isaħħaħ l-ambjent kummerċjali bejn l-UE u l-Kanada, filwaqt li offra ċertezza legali għall-kumpaniji tal-UE li qed ifittxu li jesportaw. Għalkemm għadu kmieni wisq biex wieħed jasal għal konklużjonijiet sodi, ir-riżultati inizjali tal-kummerċ qed jippuntaw fid-direzzjoni t-tajba. Fl-UE kollha, l-aħħar statistika disponibbli, li tkopri l-perjodu minn Ottubru 2017 sa Ġunju 2018, tissuġġerixxi li l-esportazzjonijiet żdiedu b'aktar minn 7 % minn sena għal oħra.

Minn dawn, ċerti setturi sejrin partikolarment tajjeb. Il-makkinarju u t-tagħmir mekkaniku, li jifformaw wieħed minn kull ħamsa tal-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Kanada, żdiedu b'aktar minn 8 %. Il-prodotti mediċinali, li jirrappreżentaw 10% tal-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Kanada, żdiedu b'10%. Esportazzjonijiet importanti oħra tal-UE qed jiżdiedu: l-għamara b'10%, il-fwejjaħ/kożmetiċi bi 11%, iż-żraben bi 8% u l-ħwejjeġ bi 11%.

F'termini ta' prodotti agrikoli, hemm ukoll xi ċifri inkoraġġanti: l-esportazzjonijiet ta' frott u ġewż żdiedu b' 29 %, iċ-ċikkulata b'34%, l-inbid frizzanti b'11% u l-whisky b'5%.

Il-kumpaniji li diġà qed jibbenefikaw mis-CETA b'modi differenti jinkludu pereżempju:

  • Il-konsorzju ta' produtturi tal-perżut Taljan ta' San Daniele żied il-bejgħ tiegħu lejn il-Kanada b'35%. B'mod ġenerali, l-esportazzjonijiet ta' prodotti agrikoli Taljani għall-Kanada żdied b'7,4%.
  • Il-kumpanija taċ-ċikkulata Belġjana Smet Chocolaterie li għadha kif fetħet l-ewwel ħanut tagħha f'Ontario, il-Kanada, biex tindirizza d-domanda addizzjonali għall-prodotti tagħha; grazzi għat-tneħħija ta' dazji tal-importazzjoni ta' 15%, il-bejgħ tagħhom żdied b'20% meta mqabbel ma' sena ilu. B'mod ġenerali, l-esportazzjonijiet Ewropej taċ-ċikkulata lejn il-Kanada żdiedu b'34%.
  • Il-kumpanija Spanjola Hiperbaric tagħmel magni innovattivi għall-preservazzjoni tal-ikel bl-użu ta' pressjoni għolja. Grazzi għas-CETA, huwa aktar faċli għall-ħaddiema li jidħlu l-Kanada temporanjament biex jinstallaw u jmantnu t-tagħmir tagħhom.

Eżempji ta' kumpaniji mill-Belġju, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, in-Netherlands, Spanja u l-Iżvezja huma disponibbli hawnhekk.

Sfond

Is-CETA joffri opportunitajiet ġodda biex in-negozji tal-UE ta' kull daqs jesportaw lejn il-Kanada. Il-ftehim elimina t-tariffi fuq 98% tal-prodotti li l-UE tinnegozja mal-Kanada. Dan jammonta għal madwar €590 miljun f'dazji ffrankati fis-sena ladarba jibda t-tnaqqis kollu tat-tariffi. Jagħti wkoll lill-kumpaniji tal-UE l-aħjar aċċess li qatt ingħata lill-kumpaniji barra l-Kanada biex jitfgħu l-offerta tagħhom għall-kuntratti ta' akkwist pubbliku tal-pajjiż - mhux biss fil-livell federali iżda anke fil-livelli provinċjali u muniċipali.

Is-CETA joħloq opportunitajiet ġodda għall-bdiewa u għall-produtturi tal-ikel Ewropej, filwaqt li jipproteġi bis-sħiħ is-setturi sensittivi tal-UE. Il-ftehim issa jfisser li 143 prodott tal-ikel u tax-xorb tal-UE ta' kwalità għolja (l-"indikazzjonijiet ġeografiċi") issa jistgħu jinbiegħu taħt l-isem tagħhom stess fil-Kanada u huma mħarsa mill-imitazzjonijiet.

Il-ftehim joffri wkoll kundizzjonijiet aħjar għall-fornituri tas-servizzi, aktar mobilità għall-impjegati ta' kumpaniji, u qafas li jippermetti r-rikonoxximent reċiproku ta' kwalifiki professjonali, mill-periti għall-operaturi tal-krejnijiet.

Is-CETA ilu fis-seħħ provviżorjament mill-21 ta' Settembru 2017 wara l-approvazzjoni tiegħu mill-Istati Membri tal-UE, espressa fil-Kunsill, u mill-Parlament Ewropew. Madankollu, jidħol fis-seħħ bis-sħiħ u b'mod definittiv biss meta l-Istati Membri tal-UE kollha jkunu rratifikaw il-ftehim.

L-UE għandha fis-seħħ 39 ftehim kummerċjali ma' 69 pajjiż. L-aħħar ftehim konkluż mal-UE huwa mal-Ġappun. Il-ftehimiet kummerċjali ġew ipprovati li jixprunaw it-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa. Eżempju ta' dan huwa l-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Korea t'Isfel. Minn meta daħal fis-seħħ fl-2011, l-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Korea t'Isfel żdiedu b'aktar minn 55%, l-esportazzjonijiet ta' ċerti prodotti agrikoli żdiedu b'70%, il-bejgħ ta' karozzi fil-Korea t'Isfel ittrippla u d-defiċit tal-kummerċ inbidel f'surplus. 31 miljun impjieg fl-Ewropa jiddependu fuq l-esportazzjonijiet. Bħala medja, kull €1 biljun addizzjonali ta' esportazzjonijiet jappoġġa 14,000 impjieg fl-UE.

Għal aktar informazzjoni

Stejjer ta' esportaturi tal-UE

Skedi informattivi

Bliet li jesportaw lejn il-Kanada

Test tas-CETA

Aktar riżorsi dwar is-CETA

IP/18/5828

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar