Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Regoli tal-Konsumatur tal-UE: Airbnb timpenja ruħha li tikkonforma mat-talbiet tal-Kummissjoni Ewropea u tal-awtoritajiet tal-konsumatur tal-UE

Brussell, I-20ta' settembru 2018

Wara s-sejħa tal-Kummissjoni Ewropea u tal-awtoritajiet tal-konsumatur tal-UE f'Lulju, Airbnb issa impenjat ruħha li tagħmel il-bidliet meħtieġa għat-termini u l-kundizzjonijiet tagħha u li ttejjeb il-preżentazzjoni tal-prezz tagħha.

Il-kumpanija għandha sal-aħħar tal-2018 biex tagħmel dawn il-bidliet fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha tal-UE fuq il-websajt tagħha.

Věra Jourová, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, qalet: “Il-parteċipanti online irrevoluzzjonaw il-mod kif nivvjaġġaw, insibu akkomodazzjoni u kif nesperjenzaw il-vaganzi tagħna. Iżda jeħtiġu ukoll li jikkonformaw bis-sħiħ mar-regoli u jaċċettaw ir-responsabbiltà meta l-affarijiet imorru ħażin. Iżda l-konsumaturi tal-UE jgawdu drittijiet kemm offline u wkoll online. Napprezza r-rieda ta' Airbnb li tagħmel il-bidliet neċessarji biex tiżgura trasparenza sħiħa u fehim dwar dak li l-konsumaturi jħallsu għalih. Din l-azzjoni hija parti minn spinta akbar għal protezzjoni aktar qawwija tal-konsumaturi online. Huwa għalhekk li aħna proponejna regoli msaħħa tal-konsumatur fil-“Ftehim Ġdid għall-Konsumaturi” ftit xhur ilu.”

It-trasparenza tal-prezzijiet u prattiki kummerċjali żleali oħra

Airbnb impenjat ruħha li tippreżenta l-prezz totali tal-prenotazzjonijiet, inklużi tariffi addizzjonali, bħal tariffi tas-servizz u tat-tindif. Meta ma jkunx possibbli li jiġi kkalkolat il-prezz finali bil-quddiem, hija impenjat ruħha li l-konsumatur ikun infurmat biċ-ċar li tariffi addizzjonali jistgħu japplikaw.

Barra minn hekk, Airbnb impenjat ruħha wkoll li tidentifika b'mod ċar jekk offerta ssirx permezz ta' ospitant privat jew minn professjonist, minħabba li r-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur huma differenti għal kull wieħed.

Termini aktar ċari u t-tneħħija ta' termini illegali

Airbnb impenjat ruħha għal serje ta' bidliet fit-termini ta' servizz tagħha sabiex iġġibhom konformi mar-regoli tal-konsumatur tal-UE:

  • Se jkun ċar li l-konsumaturi jistgħu jużaw ir-rimedji legali kollha disponibbli u b'mod partikolari id-dritt tagħhom li jħarrku ospitant f'każ ta' ħsara personali jew danni oħra;
  • Airbnb se tagħmilha ċara lill-konsumaturi li huma intitolati li jressqu proċedimenti kontra Airbnb quddiem il-qrati tal-pajjiż ta' residenza tagħhom;
  • Airbnb se jkollha tinforma lill-konsumaturi meta tiddeċiedi li tittermina kuntratt jew tneħħi kontenut u se toffri lill-konsumaturi d-dritt li jappellaw u għal kumpens jekk ikun xieraq.

Il-passi li jmiss

Il-kumpanija hija mistennija tiffinalizza l-proposti tagħha u tipproċedi bl-implimentazzjoni tal-bidliet fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha tal-UE / taż-Żona Ekonomika Ewropea sal-aħħar ta' Diċembru 2018. F'każ ta' nuqqas ta' konformità, l-awtoritajiet tal-konsumaturi jistgħu jiddeċiedu li jirrikorru għal miżuri ta' infurzar.

Kuntest

Airbnb ppreżentat il-bidliet fit-termini tas-servizzi tagħha u l-mod kif tippreżenta informazzjoni dwar il-prezzijiet matul laqgħa mal-Kummissjoni u mal-awtoritajiet tal-konsumatur tal-UE.

F'Ġunju 2018, il-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPC - Consumer Protection Cooperation) wettqet valutazzjoni (pożizzjoni komuni) tal-prattiki ta' negozju ta' Airbnb bil-koordinazzjoni tal-Awtorità Norveġiża tal-Konsumatur (Forbrukertilsynet). L-awtoritajiet talbu lil Airbnb biex sa tmiem Awwissu tipproponi soluzzjonijiet dettaljati dwar kif tista' ġġib l-aġir tagħha konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-konsumatur (ara l-istqarrija għall-istampa). Il-Kummissjoni Ewropea ffaċilitat din il-ħidma.

Ir-Regolament tal-UE dwar il-Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi (CPC) iservi bħala kollegament bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-konsumatur f'netwerk pan-Ewropew tal-infurzar. Skont dan il-qafas, awtorità nazzjonali f'pajjiż tal-UE tista' titlob l-assistenza tal-kontroparti tagħha f'pajjiż ieħor tal-UE biex twaqqaf ksur transfruntier tal-liġi tal-konsumatur tal-UE.

Il-kooperazzjoni tista' tiġi attivata biex tinforza diversi korpi ta' leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-konsumatur, bħal pereżempju d-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali, id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur jew id-Direttiva dwar Klawżoli kuntrattwali inġusti.

Għal Aktar Informazzjoni

L-Istqarrija għall-istampa dwar it-tnedija tal-azzjoni ta' infurzar ta' Airbnb (Lulju 2018)

Ittra tal-pożizzjoni komuni tal-Awtoritajiet tan-Netwerk CPC

Aktar informazzjoni dwar l-azzjonijiet ta' infurzar tal-konsumatur

 

IP/18/5809

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar