Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Stat tal-Unjoni 2018 - Superviżjoni aktar b'saħħitha kontra l-ħasil tal-flus u settur bankjaru u finanzjarju stabbli

Strasburgu, it-12ta' settembru 2018

Fit-12 ta' Settembru 2018, fl-okkażjoni tad-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President Jean-Claude Juncker qal: “L-Ewropej jistennew Unjoni li tħarishom. Illum, qed nipproponu miżuri li jippermettulna niġġieldu kontra l-ħasil tal-flus b'mod aktar effettiv bejn il-fruntieri.”

Strixxun SOTEU

Il-Kummissjoni Ewropea llum qed tipproponi li tkompli tissaħħaħ is-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE biex jiġi indirizzat aħjar il-ħasil tal-flus u t-theddid tal-finanzjament tat-terroriżmu.  

Filwaqt li l-UE għandha regoli fis-seħħ sodi kontra l-ħasil tal-flus, każijiet riċenti li jinvolvu l-ħasil tal-flus f'xi banek tal-UE qajmu tħassib li dawk ir-regoli mhumiex dejjem taħt superviżjoni u infurzati b'mod effettiv madwar l-UE. Dan mhux biss joħloq riskji għall-integrità u r-reputazzjoni tas-settur finanzjarju Ewropew, iżda jista' jkollu wkoll implikazzjonijiet fuq l-istabbiltà finanzjarja ta' banek speċifiċi. Bħala parti minn sforzi usa' biex titlesta l-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, il-Kummissjoni Ewropea għalhekk qed tipproponi llum li jiġi emendat ir-Regolament li jistabbilixxi l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) sabiex jisaħħaħ ir-rwol tal-ABE fis-superviżjoni tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus fis-settur finanzjarju. Dan huwa parti minn strateġija ġenerali biex jissaħħaħ il-qafas tal-UE għal superviżjoni prudenzjali u kontra l-ħasil tal-flus għal istituzzjonijiet finanzjarji, li l-Kummissjoni qed tippreżenta f'Komunikazzjoni. Dawn il-miżuri se jikkontribwixxu biex jippromwovu l-integrità tas-sistema finanzjarja tal-UE, filwaqt li se jiżguraw l-istabbiltà finanzjarja u l-protezzjoni minn reati finanzjarji. 

Il-Viċi-President tal-Kummissjoni Valdis Dombrovskis, responsabbli għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanazjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, qal: “L-Unjoni Bankarja tal-Ewropa trid tkun mibnija fuq l-ogħla standards ta' integrità. Is-superviżjoni kontra l-ħasil tal-flus falliet wisq ta' spiss fl-UE. Illum qed nagħtu s-setgħa lill-Awtorità Bankarja Ewropea biex tiżgura li superviżuri differenti jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni u li r-regoli kontra l-ħasil tal-flus jiġu infurzati b'mod effettiv madwar il-pajjiżi kollha tal-UE. L-ABE se tkun ukoll intitolata li titlob investigazzjoni dwar allegat ksur tar-regoli u se ssir numru tat-telefown ta' referenza tal-Ewropa għall-kooperazzjoni ma' sħab internazzjonali dwar kwistjonijiet relatati mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus fis-settur finanzjarju.” 

Il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, Věra Jourová, qalet: L-Ewropa għandha r-regoli l-iktar b'saħħithom fid-dinja kontra l-ħasil tal-flus. Iżda każijiet riċenti fis-settur bankarju wrew li mhux dejjem ikunu taħt superviżjoni u infurzati bl-istess standards għoljin kullimkien madwar l-UE. Is-sistema tagħna hija b'saħħitha daqs l-iktar ħolqa dgħajfa tagħna. Fi żminijiet fejn il-flus jiċċaqlqu bejn il-fruntieri b'tagħfisa ta' buttuna tal-maws, irridu niżguraw superviżjoni li tkun proattiva u veloċi. Il-bidliet tal-lum se jiżguraw li r-regoli jiġu infurzati b'mod aktar uniformi madwar l-UE.” 

Titjib tar-rwol tal-Awtorità Bankarja Ewropea  

Il-Kummissjoni qed tipproponi li tikkonċentra s-setgħat ta' kontra l-ħasil tal-flus fir-rigward tas-settur finanzjarju fi ħdan l-Awtorità Bankarja Ewropea u ssaħħaħ il-mandat tagħha biex tiżgura li r-riskji ta' ħasil tal-flus ikunu taħt superviżjoni b'mod effettiv u konsistenti mill-awtoritajiet rilevanti kollha u li l-awtoritajiet rilevanti jikkooperaw u jaqsmu l-informazzjoni. 

Ir-Regolament emendat se:

  • jiżgura li l-ksur tar-regoli kontra l-ħasil tal-flus ikun investigat b'mod konsistenti: l-ABE se tkun tista' titlob lis-superviżuri nazzjonali ta' kontra l-ħasil tal-flus biex jinvestigaw ksur materjali potenzjali u biex titlobhom jikkunsidraw azzjonijiet immirati - bħal sanzjonijiet;

  • jiżgura l-konformità tas-superviżuri nazzjonali ta' kontra l-ħasil tal-flus mar-regoli tal-UE u kooperazzjoni xierqa ma' superviżuri prudenzjali. Is-setgħat eżistenti tal-ABE se jissaħħu sabiex, bħala l-aħħar tentattiv jekk l-awtoritajiet nazzjonali ma jaġixxux, l-ABE tkun tista' tindirizza deċiżjonijiet direttament lil operaturi individwali tas-settur finanzjarju.

  • itejjeb il-kwalità tas-superviżjoni permezz ta' standards komuni, rieżamijiet perjodiċi tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u valutazzjonijiet tar-riskju;

  • jippermetti li jkun jista' jsir ġbir ta' informazzjoni dwar ir-riskji u x-xejriet ta' kontra l-ħasil tal-flus u trawwem l-iskambju ta' tali informazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali (hekk imsejħa ċentri tad-data);

  • jiffaċilita l-kooperazzjoni ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE dwar każijiet transfruntiera;

  • jistabbilixxi kumitat permanenti ġdid li jlaqqa' flimkien l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali ta' kontra l-ħasil tal-flus; 

Isir użu sħiħ tal-għodod superviżorji eżistenti 

Il-Kummissjoni qiegħda wkoll tippreżenta strateġija biex jitjieb l-iskambju ta' informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet prudenzjali u dawk ta' kontra l-ħasil tal-flus. Hija titlob lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, u, b'mod partikolari, lill-ABE, biex tadotta gwida li tgħin lis-superviżuri prudenzjali fl-integrazzjoni tal-aspetti ta' kontra l-ħasil tal-flus fl-għodod varji tagħhom u biex tiġi żgurata konverġenza superviżorja. 

Il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll lill-Bank Ċentrali Ewropew biex jikkonkludi mas-superviżuri ta' kontra l-ħasil tal-flus memorandum ta' ftehim multilaterali dwar l-iskambju ta' informazzjoni sal-10 ta' Jannar 2019 - bħalma titlob il-ħames Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus.

Il-passi li jmiss 

Il-proposta tal-lum biex jissaħħaħ ir-rwol tal-Awtorità Bankarja Ewropea issa se tiġi diskussa mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Dawn l-emendi mmirati se jiġu inklużi fid-diskussjonijiet li għaddejjin tal-proposta tal-Kummissjoni għal rieżami tar-Regolamenti tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE), adottati mill-Kummissjoni f'Settembru 2017, bil-ħsieb li tissaħħaħ il-kapaċità tal-ASE biex tiġi żgurata superviżjoni finanzjarja konverġenti u effettiva. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jilħqu ftehim dwar dawn il-proposti malajr. 

Sfond 

Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu hija prijorità tal-Kummissjoni Juncker, u hija parti integrali tal-aġenda tat-tnaqqis tar-riskju segwita mill-Unjoni Bankarja u mill-Unjoni tas-Swieq Kapitali. L-adozzjoni tar-raba' - fis-seħħ minn Ġunju 2017 - u tal-ħames Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus - fis-seħħ mid-9 ta' Lulju 2018 u li se tiġi trasposta sa Jannar 2020 - saħħet konsiderevolment il-qafas regolatorju tal-UE, inklużi r-regoli dwar il-kooperazzjoni bejn il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u s-superviżuri prudenzjali. Il-Kummissjoni qed issegwi mill-qrib l-implimentazzjoni korretta tar-4 Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus, inkluż permezz ta' proċeduri ta' ksur fejn meħtieġ. 

Minkejja dan il-qafas leġiżlattiv imsaħħaħ, xi każijiet riċenti ta' ħasil tal-flus f'banek Ewropej taw lok għal tħassib dwar l-artikolazzjoni bejn ir-regoli prudenzjali u r-regoli kontra l-ħasil tal-flus għall-istituzzjonijiet finanzjarji. 

Dan it-tħassib ġie mtenni mill-Kunsill, mill-Ministri tal-Finanzi, l-aktar riċentement mill-President tal-Grupp tal-Euro, Centeno, fl-ittra tiegħu tal-25 ta' Ġunju 2018 lill-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk. Id-dikjarazzjoni u l-pjan direzzjonali Franko-Ġermaniż Meseberg li nħarġu fid-19 ta' Ġunju 2018 jenfasizzaw ukoll din il-kwistjoni. 

F'Mejju 2018, il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet grupp ta' ħidma li jlaqqa' flimkien l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-President tal-Kumitat ta' Kontra l-Ħasil tal-Flus, biex jirriflettu dwar azzjonijiet possibbli biex jiżguraw kooperazzjoni bla skossi bejn is-superviżuri tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u s-superviżuri prudenzjali fl-Unjoni Ewropea

Għal aktar informazzjoni 

MEMORANDUM

L-Istat tal-Unjoni 2018

Subpaġna relatata mal-ekonomija

 

IP/18/5724

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar