Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Stat tal-Unjoni 2018 - Il-Kummissjoni tipproponi l-aħħar elementi meħtieġa biex jintlaħaq kompromess dwar ir-riforma tal-migrazzjoni u l-fruntieri

Strasburgu, it-12ta' settembru 2018

Il-Kummissjoni tipproponi l-aħħar elementi meħtieġa biex jintlaħaq kompromess dwar ir-riforma tal-migrazzjoni u l-fruntieri.

strixxun

Fit-12 ta' Settembru tal-2018, fl-okkażjoni tad-Diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President Jean-Claude Juncker qal: “Ma nistgħux nibqgħu nikkustinjaw biex insibu soluzzjoni skont il-każ kull darba li jasal bastiment ġdid. Is-solidarjetà temporanja mhijiex tajba biżżejjed. Neħtieġu solidarjetà dejjiema - illum u għal dejjem.”

Fid-Diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2018, il-President Jean-Claude Juncker ippreżenta tliet proposti ġodda u ambizzjużi biex tiġi żgurata s-soldarjetà sħiħa tal-UE dwar il-migrazzjoni u għall-protezzjoni aħjar tal-fruntieri esterni tal-Ewropa. Dawn l-inizjattivi l-ġodda qed jiġu ppreżentati ġimgħa qabel il-Laqgħa Informali f'Salzburg u jikkostitwixxu kontribuzzjoni konkreta għad-diskussjonijiet li l-Mexxejja tal-UE mistennija li jkollhom dwar il-migrazzjoni. Huma intiżi li jiffaċilitaw kompromess ġenerali dwar ir-riforma li tinsab għaddejja tas-sistema tal-ażil tal-UE. Il-proposti tal-lum jistabbilixxu livell ġdid ta' ambizzjoni għall-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u għall-Aġenzija tal-UE għall-Ażil, li ser jissaħħu t-tnejn li huma biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddependu fuq appoġġ operazzjonali sħiħ min-naħa tal-UE f'kull ħin. Illum il-Kummissjoni qiegħda tipproponi wkoll li ttejjeb l-effettività tal-proċeduri ta' ritorn, bl-aġġornament tar-regoli eżistenti tal-UE dwar ir-ritorn u t-tfassil tal-passi li jmiss dwar il-migrazzjoni legali, li huwa komponent essenzjali għal politika dwar il-migrazzjoni bbilanċjata.

L-Ewwel Viċi President, Frans Timmermans, qal: “Il-fergħa operattiva ġdida tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, magħmula minn 10,000 membru tal-persunal tal-UE u Aġenzija tal-UE għall-Ażil imsaħħa ser jiżguraw li s-solidarjetà tal-UE tingħata b'mod effettiv fil-prattika - kull meta u kull fejn tkun meħtieġa. Qegħdin nipprovdu lill-Istati Membri bl-għodod meħtieġa biex jiftiehmu dwar ir-riforma ġenerali tas-sistema tal-ażil tal-UE u jintlaħaq l-aħjar bilanċ bejn is-solidarjetà u r-responsabbiltà. Wasal il-waqt li nwettqu dan l-impenn.” 

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni, u ċ-Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos qal: “Illum qegħdin noffru aktar azzjoni tal-Ewropa fejn l-Ewropa hija meħtieġa billi nimmassimizzaw l-appoġġ tal-UE għall-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni. Mil-lum 'il quddiem, il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-Aġenzija tal-UE għall-Ażil tal-ġejjieni se jkunu jistgħu jiżguraw is-solidarjetà fil-prattika f'kull ħin, fis-sitwazzjonijiet kollha, fir-rispett sħiħ tal-kompetenzi tal-Istati Membri. Qegħdin indaħħlu fis-seħħ ukoll regoli aktar b'saħħithom biex niżguraw sistema ta' ritorn aktar armonizzata u effettiva madwar l-UE. Fl-aħħar nett, nappellaw lill-Istati Membri sabiex iwettqu ħidma kredibbli u ambizzjuża fuq ir-rotot legali, kemm dawk għal skopijiet umanitarji kif ukoll dawk ekonomiċi.”

Diġà sar progress enormi fuq il-ħidma ġenerali tar-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil tal-Unjoni. L-isforzi bla hedu ta' dawn l-aħħar sentejn sarrfu fil-fatt li ħamsa mis-seba' proposti li ressqet il-Kummissjoni fl-2016 dalwaqt jiġu finalizzati. L-elementi addizzjonali tal-lum huma maħsuba li jgħinu biex jintlaħaq kompromess fuq il-proposti kollha meħuda flimkien. Illum il-Kummissjoni qiegħda twieġeb is-sejħa li għamlu l-Mexxejja fil-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2018 kif ukoll tħejji t-triq għal progress rapidu fuq ir-riformi kollha marbutin mal-ażil.

Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta mgħammra bis-sħiħ

Il-Kummissjoni qiegħda tibni fuq sentejn ħidma u qiegħda tipproponi li l-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta tissaħħaħ aktar u tingħata l-livell ta' ambizzjoni xieraq, li jikkorrispondi għall-isfidi li qiegħda tħabbat wiċċha magħhom l-Ewropa b'rabta mal-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-fruntieri. Filwaqt li l-mandat tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta qiegħed jikber, din qiegħda hemm biex tappoġġa lill-Istati Membri u ma tissostitwixxix ir-responsabbiltajiet tagħhom fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni u tar-ritorn. Il-proposta tal-lum tinkludi:

  • Korp permanenti ġdid ta' 10 000 membru tal-persunal operazzjonali sal-2020: Sabiex jiġu żgurati l-prevedibbiltà u r-riżorsi xierqa, l-Aġenzija ser tkun tista' tiddependi fuq il-persunal tagħha u t-tagħmir tagħha stess, bħal bastimenti, dgħajjes u vetturi;
  • Setgħat eżekuttivi: Il-membri tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, taħt il-kontroll tal-Istat Membru fejn jintbagħtu, se jkunu jistgħu jwettqu kompiti li jirrekjedu setgħat eżekuttivi bħal kontrolli tal-identità, l-awtorizzazzjoni jew ir-rifjut tad-dħul fil-fruntieri esterni, u l-interċettazzjoni ta' persuni fil-fruntieri biex jiżguraw l-effettività operazzjonali tagħhom;
  • Aktar appoġġ għar-ritorn: Minbarra l-organizzazzjoni u l-finanzjament ta' operazzjonijiet konġunti ta' ritorn, issa l-Aġenzija ser tkun tista' tappoġġa proċeduri ta' ritorn fl-Istati Membri, pereżempju billi tidentifika ċittadini ta' pajjiżi mhux membri tal-UE li jkunu qegħdin jissoġġornaw irregolarment, tikseb dokument tal-ivvjaġġar u tħejji deċiżjonijiet ta' ritorn għall-awtoritajiet nazzjonali, li se jibqgħu responsabbli mid-deċiżjonijiet ta' ritorn infushom;
  • Kooperazzjoni aktar b'saħħitha mal-pajjiżi mhux membri tal-UE: L-Aġenzija se tkun tista' - sakemm jintlaħaq ftehim minn qabel mal-pajjiż ikkonċernat - tniedi operazzjonijiet konġunti u tibgħat persunal barra mill-UE, lil hinn minn pajjiżi li huma ġirien tal-UE;
  • Żieda fil-mezzi finanzjarji: Il-kost totali tal-aġġornament propost tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta ilaħħaq il-€1.3* biljun għall-perjodu bejn l-2019 u l-2020. Qiegħed jiġi propost ammont totali ta' €11.3 biljun taħt il-baġit tal-UE li jmiss għall-perjodu bejn l-2021 u l-2027.

Aġenzija għall-Ażil imsaħħa

Il-proposta tal-lum se tkompli tipprovdi lill-Aġenzija tal-UE għall-Ażil bil-mandat, l-għodda u l-mezzi finanzjarji meħtieġa sabiex tagħti servizz rapidu u sħiħ lill-Istati Membri matul il-proċedura kollha tal-ażil. Il-proposta tal-lum tinkludi:

  • Appoġġ operazzjonali sħiħ għall-proċeduri għall-ażil: It-timijiet ta' appoġġ għall-ażil tal-Aġenzija se jkun disponibbli biex jipprovdu l-firxa sħiħa ta' attivitajiet ta' appoġġ, fosthom billi jwettqu l-istadju amministrattiv kollu tal-proċedura tal-ażil;
  • Timijiet konġunti ta' appoġġ tal-UE għall-ġestjoni tal-migrazzjoni se jgħinu lill-Istati Membri kull meta jkun meħtieġ u kull meta jintalbu jagħmlu dan, fosthom f'hotspots u f'ċentri kontrollati. Dawn it-timijiet, li se jkunu magħmula minn esperti mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, mill-Aġenzija tal-UE għall-Ażil u mill-Europol, se jkunu koordinati mill-Kummissjoni. Taħt l-awtorità tal-Istat Membru ospitanti, huma se jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti kollha neċessarji għall-akkoljenza tal-wasliet ġodda, jagħmlu distinzjoni bejn il-persuni li jeħtieġu protezzjoni u dawk li jeħtiġuhiex u jwettqu proċeduri tal-ażil u r-ritorn;
  • Żieda fil-mezzi finanzjarji: Sabiex jiġi żgurat li l-Aġenzija tkun tista' twettaq il-kompiti li żdidulha, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi baġit ta' €321 miljun għall-perjodu bejn l-2019 u l-2020 u ammont ta' €1.25 biljun għall-perjodu bejn l-2021 u l-2027.

Politika Ewropea ta' ritorn aktar b'saħħitha u aktar effettiva

Analiżi mmirata tad-Direttiva dwar ir-Ritorn se tikkontribwixxi sabiex il-proċeduri ta' ritorn jiġu mgħaġġla, jiġu prevenutib'mod aħjar il-ħarba ta' persuni u l-movimenti irregolari sekondarji u tiżdied l-effettività tar-ritorn b'rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali.

  • Proċedura ġdida fuq il-fruntieri: Il-persuni li l-applikazzjonijiet għall-ażil tagħhom ikunu ġew rifjutati waqt il-proċeduri fuq il-fruntiera ser jitpoġġew direttament fi proċedura ta' ritorn simplifikata, fejn ma japplikax perjodu għal tluq volontarju u b'perjodi iqsar għall-appelli. Dan se jiżgura li d-deċiżjonijiet ta' ritorn ikunu jistgħu jiġu adottati u infurzati rapidament fil-fruntiera u fiċ-ċentri kontrollati;
  • Proċeduri ċari u regoli għall-prevenzjoni tal-abbużi: Sabiex jiġi evitat id-dewmien, id-deċiżjonijiet ta' ritorn se jkollhom jinħarġu minnufih wara d-deċiżjoni li ttemm is-soġġorn legali, jew fl-istess waqt magħha. Se japplikaw perjodi komuni ta' mhux aktar minn ħamest ijiem għall-appelli għad-deċiżjonijiet ta' ritorn f'każ ta' rifjut ta' persuna li tfittex l-ażil u ser jiġi introdott obbligu għal kooperazzjoni għal persuni li fir-rigward tagħhom tkun tapplika proċedura ta' ritorn, fosthom dwar il-verifika tal-identità u sabiex jinkisbu dokumenti tal-ivvjaġġar;
  • Ritorni volontarji effiċjenti: Sabiex issir il-promozzjoni tar-ritorni volontarji u jitjieb l-appoġġ finanzjarju u prattiku, l-Istati Membri ser ikollhom jistabbilixxu programmi ta' ritorn volontarju. Fl-istess waqt, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jqassru l-perjodu li jingħata għar-ritorn volontarju, pereżempju biex jipprevjenu l-ħarba tal-persuni kkonċernati;
  • Regoli ċari dwar id-detenzjoni: L-introduzzjoni ta' kriterji komuni sabiex jiġi determinat ir-riskju tal-ħarba ta' persuni, li huwa wieħed mill-fatturi determinanti dwar jekk id-detenzjoni tkun ġustifikata, se jgħin biex jiġi żgurat użu aktar effiċjenti tad-detenzjoni waqt il-proċeduri ta' ritorn b'rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali. Sabiex il-perjodu ta' żmien meħtieġ għar-ritorni jiġi rifless aħjar, u sakemm jiġu rispettati l-kundizzjonijiet sabiex isir użu mid-detenzjoni, l-Istati Membri ser jiġu obbligati jippermettu perjodu ta' detenzjoni inizjali ta' mhux anqas minn tliet xhur. Barra minn hekk, issa l-Istati Membri ser ikunu jistgħu wkoll iżommu f'detenzjoni lil dawk il-persuni suġġetti għal deċiżjoni ta' ritorn u li jkunu ta' theddida għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà nazzjonali.

It-tisħiħ tar-rotot legali lejn l-Ewropa

L-iżvilupp ta' rotot legali ordnati għal persuni fil-bżonn ta' protezzjoni kif ukoll il-ħolqien ta' rotot attraenti għall-migrazzjoni tal-ħaddiema bbażata fuq il-bżonnijiet hija element indispensabbli għal politika dwar il-migrazzjoni bilanċjata u komprensiva. Il-Kummissjoni diġà ressqet għadd ta' inizjattivi u proposti sabiex issaħħaħ il-migrazzjoni sikura u legali li issa jenħtieġ li tiġi implimentata malajr mill-Istati Membri:

  • Karta Blu tal-UE Ġdida: Il-Kunsill jeħtieġ li jilħaq ftehim dwar l-iskema l-ġdida tal-Karta Blu tal-UE li ilha li ġiet proposta mill-Kummissjoni sa mill-2016 sabiex l-UE tħajjar ħaddiema bi kwalifiki għoljin u tittejjeb il-kompetittività tal-ekonomija tal-UE;
  • Risistemazzjoni: L-Istati Membri jridu jżidu l-ħidma fl-impenn li ħadu fir-rigward tar-risistemazzjoni ta' 50,000 persuna fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali sa Ottubru tal-2019. Sabiex jiġu żgurati sforzi koordinati fit-tul, jenħtieġ li jintlaħaq ftehim dwar il-proposta tal-Kummissjoni tal-2016 dwar Qafas tal-Unjoni għar-Risistemazzjoni;
  • Il-kooperazzjoni ma' pajjiżi li mhumiex membri tal-UE trid tissaħħaħ fosthom billi jitnedew proġetti pilota dwar il-migrazzjoni legali ma' pajjiżi Afrikani ewlenin sa tmiem l-2018, billi dawn ikunu jistgħu jitejbu l-kooperazjoni fuq il-ġestjoni ġenerali tal-migrazzjoni.

Kuntest

Mill-Linji Gwida Politiċi ta' Lulju 2014 tal-President Juncker sal-aħħar Diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni fit-12 ta' Settembru 2018, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-migrazzjoni ilhom jingħataw prijorità politika sa mill-bidu nett tal-mandat tal-Kummissjoni ta' Juncker.

Inkiseb progress konsiderevoli fir-rigward tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni tal-2015 biex l-UE tingħata l-għodod għall-ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni f'perjodu medju u fit-tul, fl-oqsma tal-migrazzjoni irregoli, il-fruntieri, l-ażil u l-migrazzjoni legali.

Illum il-Kummissjoni qiegħda tiffinalizza l-ħidma tagħha fuq l-Aġenda dwar il-Migrazzjoni bi tliet proposti ġodda biex tiżgura approċċ Ewropew sħiħ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni fl-ispirtu ta' solidarjetà u r-responsabbiltà u bħala segwitu tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju.

Għal aktar informazzjoni

Sit web tal-Istat tal-Unjoni 2018

Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta mgħammra bis-sħiħ – Mistoqsijiet u Tweġibiet

Aġenzija għall-Ażil imsaħħa – Mistoqsijiet u Tweġibiet

Regoli tal-UE aktar b'saħħithom dwar ir-ritorn — Mistoqsijiet u Tweġibiet

Skedi informattivi, dokumenti legali u dokumenti utli oħra, kif elenkat hawn taħt - huma kollha disponibbli hawnhekk

Skedi informattivi
Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta msaħħa u mgħammra bis-sħiħ
Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil imsaħħa
Politika Ewropea ta' ritorn aktar b'saħħitha u akar effettiva
It-tisħiħ ta' rotot legali u sikuri għall-Ewropa

Dokumenti legali
Regolament: Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta
 - Annessi
 - Rapport dwar il-valutazzjoni tas-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri

Regolament: Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (proposta emendata)
Direttiva: Standards u proċeduri komuni għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (tfassil mill-ġdid)
 - Annessi
Komunikazzjoni: It-tisħiħ tar-rotot legali lejn l-Ewropa

 

* Aġġornata fl-12/09/2018 fis-10:31

IP/18/5712

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar