Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Istat tal-Unjoni 2018: Il-Kummissjoni tipproponi li jintemmu l-bidliet staġonali tal-arloġġ

Strasburgu, it-12ta' settembru 2018

Il-Kummissjoni tipproponi li jintemmu l-bidliet staġonali tal-arloġġ.

Banner

Fit-12 ta' Settembru 2018, fl-okkażjoni tad-Diskors tiegħu tal-Istat tal-Unjoni, il-President Jean-Claude Juncker qal: “Aħna kollna kemm aħna ngħidu fid-diskorsi sbieħ tagħna li rridu nkunu b'saħħitna fi kwistjonijiet kbar u inqas b'saħħitha fuq kwistjonijiet żgħar. Iżda ħadd ma jċapċap meta l-liġi tal-UE tiddetta li l-Ewropej jridu jmexxu l-arloġġ darbtejn f'sena. Illum il-Kummissjoni qed tipproponi li dan jinbidel. Il-bidliet tal-arloġġ iridu jieqfu. Huma l-Istati Membri li jridu jiddeċiedu jekk iċ-ċittadini għandhomx jgħixu bil-ħin tas-sajf jew tax-xitwa. Hija kwistjoni ta' sussidjarjetà. Jien qed nistenna li l-Parlament u l-Kunsill se jaqsmu din l-opinjoni u jsibu soluzzjonijiet li jiffunzjonaw għas-suq intern tagħna. M'għandiex aktar żmien.

Illum il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi li fl-2019 jintemmu l-bidliet staġonali tal-arloġġ fl-Ewropa, u li l-Istati Membri jingħataw il-libertà jiddeċiedu darba għal dejjem jekk iridux japplikaw b'mod permanenti il-ħin tas-sajf jew tax-xitwa. Il-proposta leġiżlattiva għandha l-għan li tiżgura li kwalunkwe bidla ssir b'mod ikkoordinat bejn il-pajjiżi ġirien sabiex jiġi ssalvagwardjat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u tiġi evitata l-frammentazzjoni, li jista' jkun hemm jekk xi Stati Membri jżommu l-arranġamenti ta' bidliet staġonali tal-arloġġ filwaqt li oħrajn ikomplu għaddejjin mingħajrhom.

Il-Kummissarju tal-UE għat-Trasport, Violeta Bulc qalet: “Qed niipproponu li mis-sena li jmiss jintemmu l-bidliet staġonali tal-arloġġ. Din l-iskeda ambizzjuża ħafna se tippermetti liċ-ċittadini li jieħdu l-benefiċċji mingħajr dewmien. Issa qegħdin nistiednu lill-Istati Membri u lin-negozji biex jagħmlu t-tħejjijiet meħtieġa biex jiżguraw approċċ koordinat fl-UE kollha.”

Il-proposta tal-Kummissjoni:

  • ittemm il-bidliet staġonali tal-arloġġ għall-Unjoni Ewropea kollha;
  • tistabbilixxi skeda ta' żmien ċara u qasira biex il-bidliet isiru effettivi;
  • tħeġġeġ il-konsultazzjoni fil-livell nazzjonali u dak Ewropew, biex jiġi żgurat approċċ ikkoordinat fost l-Istati Membri.

Il-proposta tal-lum hija eżempju ieħor tal-Kummissjoni Juncker li tkun b'saħħitha fi kwistjonijiet kbar, u li tħalli f'idejn l-Istati Membri sabiex jieħdu deċiżjonijiet fejn dawn jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jagħmlu dan.

Kif u meta dawn il-bidliet se jsiru effettivi?

Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea issa se tgħaddi għand il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għall-qbil tagħhom.

Biex ikun hemm tranżizzjoni bla xkiel, skont il-proposta tal-Kummissjoni sa April 2019 kull Stat Membru għandu jinnotifika jekk ikollu l-ħsieb li japplika l-ħin tas-sajf jew tax-xitwa permanenti. L-aħħar bidla obbligatorja għall-ħin tas-sajf se ssir nhar il-Ħadd, il-31 ta' Marzu 2019. Wara dan, l-Istati Membri li jixtiequ jerġgħu lura għall-ħin tax-xitwa b'mod permanenti xorta jkunu jistgħu jagħmlu l-aħħar bidla staġonali tal-arloġġ nhar il-Ħadd, is-27 ta' Ottubru 2019. Wara dik id-data, il-bidliet staġonali tal-arloġġ ma jkunux iktar possibbli.

Din il-kronoloġija hija bil-kundizzjoni li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw il-proposta tal-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn Marzu 2019.

Għaliex il-Kummissjoni qed tipproponi din il-bidla?

Fis-seklu li għadda, il-pajjiżi Ewropej introduċew arranġamenti tal-ħin tas-sajf biex jiffrankaw l-enerġija, partikolarment fiż-żminijiet ta' gwerra jew waqt il-kriżi taż-żejt tas-sebgħinijiet. Fl-1980, l-Unjoni Ewropea bdiet gradwalment tadotta leġiżlazzjoni li temmet l-iskedi diverġenti tal-bidliet tal-arloġġ nazzjonali. Madankollu, fl-2018, l-għan tal-bidliet tal-arloġġ sar inqas rilevanti, bi studji li jissuġġerixxu li l-iffrankar tal-enerġija issa huwa marġinali u li kulma jmur iċ-ċittadini qed jilmentaw aktar dwar impatti negattivi fuq is-saħħa.

Fil-verità, il-bidliet tal-arloġġ kienu qed jiġu ddubitati dejjem iktar miċ-ċittadini, mill-Parlament Ewropew u minn numru ta' Stati Membri li kulma jmur qed jiżdied. Wara talba li saret mill-Parlament Ewropew, u bħala parti minn valutazzjoni tal-arranġamenti attwali, fis-sajf tal-2018 il-Kummissjoni għamlet konsultazzjoni pubblika li rċeviet 4.6 miljun tweġibiet, l-ogħla numru li qatt rċeviet kwalunkwe konsultazzjoni pubblika organizzata mill-Kummissjoni Ewropea. 84 % ta' dawk li wieġbu kienu favur li jintemmu l-bidliet staġonali tal-arloġġ.

Fid-dawl ta' dawn il-punti, il-Kummissjoni Ewropea kkonkludiet li ma hemm ebda raġuni biex Brussell jibqa' jirregola l-bidliet staġonali tal-ħin u li l-Istati Membri għandhom ikunu liberi li jiddeċiedu jekk iridux jibqgħu fil-ħin tas-sajf inkella tax-xitwa u li jittrattaw il-kwistjoni fil-livell nazzjonali, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Aktar informazzjoni

Is-sit web tal-Istat tal-Unjoni Ewropea 2018

Is-subpaġna dwar il-Bidliet Staġjonali tal-Arloġġ

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-proposta tal-Kummissjoni biex jintemmu l-bidliet staġonali tal-arloġġ

Rapport finali tal-konsultazzjoni pubblika

IP/18/5709

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar