Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Stat tal-Unjoni 2018: Il-Kummissjoni tiżvela pjan għal arkitettura finanzjarja iktar effiċjenti biex tappoġġa l-investiment barra mill-UE

Brussell, it-12ta' settembru 2018

Il-Kummissjoni qed tippreżenta azzjonijiet għal mudell ta' governanza iktar effikaċi u iktar kollaborazzjoni bejn l-atturi għall-iżvilupp multilaterali u nazzjonali.

 

banner

 

Fit-12 ta' Settembru, fl-okkażjoni tad-diskors annwali tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President Jean-Claude Juncker ippropona Alleanza ġdida bejn l-Afrika u l-Ewropa għal Investiment Sostenibbli u Impjiegi sabiex l-investimenti jiġu ffukkati fejn huma l-iktar importanti: fil-ħolqien tal-ħiliet u l-impjiegi. Sabiex dan jintlaħaq, hemm bżonn ta' mudell ta' governanza iktar effikaċi u iktar kollaborazzjoni bejn l-atturi għall-iżvilupp multilaterali u nazzjonali fl-Ewropa. Għaldaqstant, illum il-Kummissjoni Ewropea qed tistabbilixxi għadd ta' possibbiltajiet kif jistgħu jiġu indirizzati l-isfidi għall-investiment u l-opportunitajiet fl-Afrika, fil-Viċinat tal-UE u fid-dinja kollha. Dawn jinkludu sejħiet għal inizjattivi konġunti bejn l-atturi għall-iżvilupp multilaterali u nazzjonali u arkitettura finanzjarja Ewropea msaħħa li jkunu kapaċi jissodisfaw l-ambizzjoni tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali ġdid propost.

Il-President Jean-Claude Juncker qal: “L-Unjoni Ewropea għandha rekord impressjonanti fir-rigward tal-appoġġ tal-investiment barra mill-UE. Iżda nistgħu niksbu ħafna iktar jekk naħdmu b'mod iktar effiċjenti u eqreb lejn xulxin. Ma għandniex bżonn ta' istituzzjonijiet oħra jew gruppi ta' għorrief biex nilħqu l-għanijiet tagħna: għandna bżonn deċiżjonijiet għarfa, li jittieħdu malajr billi niddependu fuq l-istrutturi u s-sħab eżistenti tagħna. Il-Kummissjoni lesta li tagħmel il-parti tagħha biex tipprovdi l-gwida t-tajba. Il-ħafna sfidi u opportunitajiet għall-investiment fl-Afrika, fil-Viċinat tal-UE u fid-dinja ma jistgħux jistennew.”

Il-Viċi President Jyrki Katainen, responsabbli għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, qal: “Għandna bżonn insaħħu l-qawwa finanzjarja tal-azzjoni esterna tal-UE. Il-prinċipju huwa sempliċi. Permezz tal-mudell innovattiv tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, se nimmultiplikaw il-fondi disponibbli billi niġbru flimkien il-baġit tal-UE u l-fondi mill-BEI, mill-BERŻ, mill-banek tal-iżvilupp tal-Istati Membri u mis-settur pubbliku. Dan se jippermettilna ninvestu aktar fi programmi li japoġġaw it-tkabbir, l-impjiegi u l-iżvilupp, u jgħinna nindirizzaw l-għeruq tal-kawżi tal-migrazzjoni fil-viċinat tagħna, fl-Afrika u lil hinn.”

Il-Kummissarju għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali, Neven Mimica, qal: “L-iffaċilitar tal-investiment pubbliku u privat fl-Afrika, fil-Viċinat u fi sħab oħra madwar id-dinja, huwa essenzjali biex jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli, tiġi promossa l-istabbiltà u jingħelbu l-isfidi globali f'kuntest ta' fraġilità ekonomika u politika. Il-Kummissjoni, permezz tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali propost reċentement, trid tkun ambizzjuża ferm f'dan il-qasam. Ninsab konvint li l-arkitettura li qed nipproponu llum hija l-aħjar u l-iktar mod effiċjenti fit-terminu qasir biex nimplimentaw il-proposti ambizzjużi tagħna.”

Nevitaw id-duplikazzjoni permezz ta' aktar kollaborazzjoni

Il-Kummissjoni identifikat lok għal kollaborazzjoni eqreb bejn il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) bħala l-Bank tal-UE, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), u l-atturi għall-iżvilupp nazzjonali u reġjonali, sabiex tibbenefika mill-esperjenza u l-għarfien espert rispettiv tagħhom, filwaqt li tinżamm id-diversità fis-suq. Eżempju ta' suċċess huwa l-koordinazzjoni diġà fis-seħħ fil-Qafas ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent li fih il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp huma sħab konġunti fih, flimkien mal-Kummissjoni, l-Bank ta' Żvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa u diversi donaturi bilaterali. Dan il-mudell jista' jiġi replikat f'oqsma oħra. Jenħtieġ li jintużaw l-istrutturi eżistenti diġà fis-seħħ iktar milli jinħolqu oħrajn ġodda, u l-enfasi għandha tkun fuq is-sinerġiji u l-ħidma flimkien b'mod iktar effiċjenti. Dan jista' jsir pereżempju permezz tal-ispeċjalizzazzjoni reġjonali u tematika rilevanti tal-istituzzjonijiet finanzjarji sħab individwali u eżistenti, jew ta' inizjattivi konġunti.

Iktar effiċjenza permezz ta' arkitettura finanzjarja Ewropea msaħħa

Sabiex jiġi żgurat li l-UE tilħaq l-għanijiet tal-politika esterna tagħha u li flus il-kontribwenti jintefqu b'mod effiċjenti, il-Kummissjoni lesta li tipprovdi gwida politika u sorveljanza iktar b'saħħithom meta jasal il-mument biex tittieħed deċiżjoni dwar l-użu tal-garanzija tal-baġit tal-UE għall-investiment estern – mingħajr ma tassumi l-kompiti tal-bank tal-iżvilupp. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tipproponi li tikkoordina iktar mal-Istati Membri minn qabel sabiex ikun hemm leħen wieħed fl-istrutturi ta' governanza tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u jintlaħqu aħjar l-objettivi finanzjarji ta' żvilupp tal-UE. Fit-terminu twil, dan jista' jwitti t-triq għal vot konġunt fil-Bord tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp f'isem l-Istati Membri tal-UE kollha.

Fl-aħħar nett, l-UE għandha twaqqaf pjattaforma għall-investiment estern skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), li tiġbor flimkien il-programmi u l-istrumenti kollha eżistenti tal-baġit tal-UE għall-investiment estern taħt pjattaforma unika. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistabbilixxu prijoritajiet settorjali u ġeografiċi, b'esperti indipendenti li jwettqu l-valutazzjoni tar-riskju ta' programmi u portafolli ta' proġetti. Il-Bank Ewropew tal-Investiment – is-sieħeb tal-UE fl-investiment – u istituzzjonijiet finanzjarji ta' żvilupp oħrajn, abbażi tal-għarfien espert rispettiv tagħhom, ikollhom aċċess dirett għall-garanzija tal-UE sabiex jiksbu l-ogħla valur miżjud fil-prattika. Il-Kummissjoni tkun responsabbli mill-verifika tal-konformità mal-politika tal-proġetti ppjanati u mill-ġestjoni globali tal-użu tal-garanzija tal-UE, madankollu mingħajr ma twettaq ebda operazzjoni bankarja.

Il-passi li jmiss

F'Ottubru 2018, il-Kummissjoni se ssejjaħ flimkien lill-atturi rilevanti kollha, inkluż l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-iżvilupp u partijiet ikkonċernati oħra, sabiex l-azzjonijiet ippreżentati llum jitħaddmu malajr kemm jista' jkun. Dan se jsir mingħajr preġudizzju għan-negozjati li għaddejjin dwar l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali tal-ġejjieni li l-Kummissjoni pproponiet f'Ġunju 2018 b'EUR 89.2 biljun mill-baġit tal-UE. Permezz tat-tliet flussi tiegħu – ġeografiku, tematiku u reazzjoni rapida – l-Istrument se jindirizza sfidi globali bħad-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi, it-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni u l-prevenzjoni ta' kunflitti. Il-proposta tagħti ħarsa lejn l-għodod finanzjarji l-aktar xierqa għall-kuntest partikolari, bħal għotjiet, strumenti finanzjarji u garanziji, jew taħlita ta' dawn. Tintegra l-mudell tal-Pjan ta' Investiment Estern u tespandi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli billi tagħti Garanzija ta' Azzjoni Esterna sa EUR 60 biljun. Il-proposta qed tiġi nnegozjata bħalissa mill-Parlament Ewropew u l-Istati Membri fil-Kunsill.

Kuntest

Sabiex tindirizza l-isfidi li kulma jmur qed ikunu dejjem iktar kumplessi fid-dinja ta' madwarna, mill-kunflitti u l-migrazzjoni għat-tibdil fil-klima u l-isfidi demografiċi, il-finanzjament tal-iżvilupp jeħtieġ li juża taħlita ta' sorsi ta' finanzjament, kemm pubbliċi kif ukoll privati. L-UE trid tadatta l-mudelli attwali tagħha sabiex timmassimizza l-effikaċja tagħha fid-dinja li qed tiżviluppa.

Il-Pjan ta' Investiment Estern Ewropew tnieda fl-2016 biex jagħti spinta lill-investiment f'pajjiżi sħab fl-Afrika u fil-Viċinat Ewropew. L-għan tiegħu hu li jikseb l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli tan-NU (SDG) u li jimmobilizza l-investiment sostenibbli pubbliku u privat u l-ingranaġġ tiegħu sabiex jitjieb l-iżvilupp ekonomiku u soċjali u jinħolqu l-impjiegi. Il-finanzjatur tiegħu, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli, jibni fuq l-esperjenza ta' suċċess tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi tal-Pjan Juncker billi juża l-garanzija tal-baġit tal-UE ta' EUR 4.1 biljun biex jattira investituri privati għal proġetti fl-ogħla naħa tal-innovazzjoni u r-riskju. B'garanzija ta' EUR 75 miljun, programm ta' investiment uniku fil-qafas tal-Pjan ta' Investiment Estern jista' jiġġenera 800,000 impjieg.

Il-Pjan ta' Investiment Estern diġà qed jieħu l-ewwel frott tax-xogħol tiegħu. Fl-10 ta' Lulju 2018, l-UE approvat il-pakkett ta' programmi ta' garanziji finanzjarji ta' EUR 800 miljun. Dan se jgħin l-ingranaġġ ta' madwar EUR 8-9 biljun stmat f'investiment pubbliku u privat fl-Afrika u fil-Viċinat, b'mira ta' EUR 44 biljun sal-2020. B'kontribuzzjonijiet korrispondenti minn Stati Membri u sorsi oħra, il-Pjan jista' jirdoppja ċ-ċifra ta' dan l-investment għal EUR 88 biljun.

Għall-baġit tal-UE fit-terminu twil li jmiss għall-perjodu 2021–2027, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi żieda fil-baġit tal-azzjoni esterna għal EUR 123 biljun, biex tissimplifika b'mod sinifikanti l-istruttura tiegħu, u tagħmlu ferm iktar flessibbli u effikaċi biex jiġu indirizzati l-isfidi globali tal-lum.

Għal aktar informazzjoni

Memo: Stat tal-Unjoni 2018: Pjan għal arkitettura finanzjarja iktar effiċjenti biex tappoġġa l-investiment barra mill-UE: Mistoqsijiet Frekwenti

Komunikazzjoni: "Lejn arkitettura finanzjarja iktar effiċjenti għall-investiment barra mill-Unjoni Ewropea

Komunikazzjoni: "Alleanza ġdida Afrika-Ewropa għal Investiment u Impjiegi Sostenibbli"

Is-sit web tal-Pjan ta' Investiment Estern

Stqarrija għall-Istampa, 11 ta' Lulju 2018: The EU's External Investment Plan: first projects in Africa and the Neighbourhood

Stqarrija għall-Istampa, 14 ta' Ġunju 2018: Il-Baġit tal-UE: Nagħmlu l-UE xierqa għar-rwol tagħha bħala attur globali b'saħħtu

Id-diskors tal-2018 tal-President Juncker dwar l-Istat tal-Unjoni

IP/18/5703

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar