Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Istat tal-Unjoni 2018: Lejn "Alleanza ġdida bejn l-Afrika u l-Ewropa" biex tapprofondixxi r-relazzjonijiet ekonomiċi u tagħti spinta lill-investiment u l-impjiegi

Brussell, it-12ta' settembru 2018

Il-Kummissjoni llum qed tipproponi “Alleanza ġdida Afrika - Ewropa għal investiment sostenibbli u impjiegi”.

banner

Fit-12 ta' Settembru, fl-okkażjoni tad-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President Jean-Claude Juncker qal: “L-Afrika ma għandhiex bżonn ta' karità, hija teħtieġ sħubija veritiera u ġusta. U aħna, l-Ewropej neħtieġu din is-sħubija daqstant. Illum, qed nipproponu Alleanza ġdida għal investiment sostenibbli u impjiegi bejn l-Ewropa u l-Afrika. Din l-Alleanza, kif qed narawha aħna, għandha tgħin biex jinħolqu sa 10 miljun impjieg fl-Afrika, biss biss fil-5 snin li ġejjin. Nemmen li għandna niżviluppaw l-għadd numeruż ta' ftehimiet kummerċjali bejn l-UE u l-Afrika għal ftehim ta' kummerċ ħieles minn kontinent għall-ieħor, bħala sħubija ekonomika bejn l-ugwali.”

Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi “Alleanza ġdida Afrika-Ewropa għal Investiment Sostenibbli u Impjiegi” sabiex iżżid b'mod sostanzjali l-investiment fl-Afrika, issaħħaħ il-kummerċ, toħloq l-impjiegi, u tinvesti fl-edukazzjoni u l-ħiliet. Il-pakkett tal-lum jibni fuq l-impenji meħuda matul is-Summit bejn l-Unjoni Afrikana u l-Unjoni Ewropea li sar f'Novembru tas-sena li għaddiet f'Abidjan, fejn iż-żewġ kontinenti qablu li jsaħħu s-sħubija tagħhom. Huwa jistabbilixxi elementi ewlenin ta' azzjoni għal aġenda ekonomika aktar b'saħħitha għall-UE u għas-sħab Afrikani tagħha.

Ir-Rappreżenant Għoli/Viċi President Federica Mogherini qalet: “L-Ewropa u l-Afrika jikkondividu ħafna mill-istess interessi: it-tnejn li aħna rridu Afrika aktar b'saħħitha — b'impjiegi ta' kwalità għaż-żgħażagħ, titjib tal-klima tan-negozju, u paċi u sigurtà għal kulħadd. F'dawn is-snin diġà bdejna nibnu sħubija reali bejn partijiet ugwali mal-Afrika. Aħna diġà sħab politiċi b'saħħithom, il-pass li jmiss huwa li nkunu msieħba ekonomiċi u li napprofondixxu r-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment tagħna. Irridu nagħtu liż-żgħażagħ opportunitajiet biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom. It-tisħiħ tal-investiment responsabbli fl-Afrika huwa xi ħaġa li minnha jirbaħ kulħadd.”

Il-Kummissarju għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali, Neven Mimica, qal: “Din l-Alleanza hija dwar l-iżblukkar tal-investiment privat u l-esplorazzjoni tal-opportunitajiet enormi li jistgħu jipproduċu benefiċċji għal ekonomiji Afrikani u Ewropej. Hija dwar it-tisħiħ tas-sħubija tagħna u l-appoġġ tagħna għall-inizjattivi Afrikani bħaż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Kontinentali.”

Il-proposta tal-lum turi impenn biex tissaħħaħ is-Sħubija Afrika-UE u tiddeskrivi serje ta' azzjonijiet ewlenin li jinkludu:

  • tingħata spinta għall-investiment strateġiku u jissaħħaħ ir-rwol tas-settur privat, notevolment permezz ta' aktar tneħħija tar-riskji tal-proġetti ta' investiment permezz ta' taħlit ta' għotjiet u self, u garanziji;
  • isir investiment fin-nies permezz tal-investiment fl-edukazzjoni u l-ħiliet, fil-livell kontinentali u fil-livell nazzjonali biex jissaħħu l-impjegabilità u għat-tlaqqigħ tal-ħiliet mal-impjiegi, inklużi wkoll boroż ta' studju u programmi ta' skambju, b'mod partikolari permezz ta' Erasmus+;
  • jissaħħaħ l-ambjent tan-negozju u l-klima tal-investiment, b'mod partikolari billi jsaħħu d-djalogu mas-sħab Afrikani u jingħata appoġġ għar-riformi tagħhom f'dan il-qasam;
  • ikun sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-integrazzjoni ekonomika u tal-kummerċ: filwaqt li tibni fuq l-implimentazzjoni taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Kontinentali Afrikana, il-perspettiva fit-tul hija li jinħoloq minn ftehim ta' kummerċ ħieles komprensiv bejn iż-żewġ kontinenti. Biex dan jitħejja, il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika, il-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles inklużi ż-Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi offruti lill-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq, u reġimi kummerċjali oħra tal-UE għandhom jiġu sfruttati sal-massimu, bħala element konstitwenti għall-benefiċċju taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Kontinentali Afrikana;
  • ikun immobilizzat pakkett importanti ta' riżorsi finanzjarji, kif rifless b'mod partikolari fil-proposta ambizzjuża għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali futur tal-UE dwar finanzjament estern, fejn l-Afrika hija enfasizzata bħala reġjun ta' prijorità.

Riżultati mistennija

L-Alleanza se twassal għal riżultati konkreti bħal pereżempju l-ħolqien ta' massimu ta' 10 miljun impjieg fil-5 snin li ġejjin. Bl-appoġġ finanzjarju tal-UE mobilizzat sal-2020:

  • 35 000 student u akkademiku mill-Afrika se jibbenefikaw minn Erasmus+ sal-2020. 70 000 oħra se jibbenefikaw sal-2027, biex b'hekk jilħqu total ta' 105 000 f'għaxar snin.
  • 750 000 persuna se jirċievu taħriġ vokazzjonali għall-iżvilupp tal-ħiliet.
  • 30 miljun ruħ u kumpaniji se jibbenefikaw minn aċċess għall-elettriku bis-saħħa tal-investiment ingranat tal-UE fl-enerġija rinnovabbli u kapaċità tal-ġenerazzjoni mtejba b'5 GW.
  • 24 miljun persuna se jkollhom aċċess għal toroq tajbin f'kull staġun permezz tal-investiment ingranat tagħna fl-infrastruttura tat-trasport.
  • 3.2 miljun impjieg fl-Afrika huma mistennija li jinħolqu skont il-Pjan ta' Investiment Estern mill-Programmi ta' Investimenti biss iffokati fuq intrapriżi żgħar u ta' daqs medju biss.
  • B'garanzija ta' EUR 75 miljun, programm wieħed ta' investiment mill-Pjan ta' Investiment Etern se jiġġenera 800 000 impjieg

Konsultazzjoni u djalogu mal-imsieħba Afrikani se jiġu organizzati fix-xhur li ġejjin biex jiddefinixxu flimkien il-prijoritajiet u jieħdu azzjoni ulterjuri. L-Alleanza se tqis id-diversità madwar il-kontinent Afrikan u l-ispeċifiċitajiet ta' kull pajjiż, inklużi r-relazzjonijiet kuntrattwali tal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq permezz tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni tagħhom u tal-esperjenza tagħhom ta' kooperazzjoni mal-UE permezz tal-Politika Ewropea tal-Viċinat.

Sfond

Il-proposta tal-Kummissjoni għal “Alleanza Afrika-Ewropa għal Investiment Sostenibbli u Impjiegi” hija parti minn pakkett li jinkludi wkoll proposta dwar arkitettura finanzjarja aktar effiċjenti għal investiment barra mill-Unjoni Ewropea, li se tappoġġa wkoll l-investiment fl-Afrika.

Taħt it-tmexxija tal-President Juncker, l-UE qiegħda ssaħħaħ is-sħubija tagħha mal-Afrika, anki, b'għodod innovattivi ġodda, flimkien mal-istrumenti ta' kooperazzjoni tradizzjonali, notevolment il-Pjan ta' Investiment Estern li huwa verament ambizzjuż.

L-UE hija l-eqreb ġar tal-Afrika u l-akbar investitur, is-sieħeb prinċipali għall-kummerċ u l-iżvilupp u fornitur ewlieni tas-sigurtà. L-UE qed tipprovdi EUR 31 biljun f'Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp lill-Afrika bejn l-2014 u l-2020 biex tagħti spinta lill-ekonomija tal-Afrika sabiex iż-żgħażagħ fil-kontinent ikollhom opportunità jibnu futur, tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel u l-aċċess għall-enerġija, u sabiex jiġu ankrati l-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. L-Istati Membri tal-UE kellhom stokk ta' investiment ta' EUR 291 biljun fl-2016, li jagħmel lill-UE l-akbar investitur fl-Afrika. Barra minn hekk, l-UE toffri aċċess ħieles għas-suq tal-UE permezz tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika, inklużi Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles inkluż Żoni ta' Kummerċ ħieles approfonditi u komprensivi mal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq u l-iskema Kollox Ħlief Armi mal-pajjiżi Afrikani.

Għal Aktar Informazzjoni

IP/18/5702

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar