Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Istat tal-Unjoni 2018: Nagħmlu l-UE attur globali aktar b'saħħtu – Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi teħid ta' deċiżjonijiet aktar effiċjenti fil-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni

Brussell, it-12ta' settembru 2018

.

strixxun

Fit-12 ta' Settembru tal-2018, fl-okkażjoni tad-Diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President Jean-Claude Juncker qal:  “Irridu ntejbu l-ħila tagħna biex nitkellmu b'vuċi waħda meta niġu għall-politika barranija. Din hija r-raġuni għaliex illum il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li timxi lejn Votazzjoni b'Maġġoranza Kwalifikata f'oqsma speċifiċi tar-relazzjonijiet esterni tagħna. Mhux fl-oqsma kollha iżda f'oqsma speċifiċi: inklużi d-drittijiet tal-bniedem u missjonijiet ċivili. Dan hu possibbli fuq il-bażi tat-Trattati preżenti u nemmen li wasal iż-żmien biex nagħmlu użu mill-passerelle clause li tippermettilna nimxu lejn votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata – il klawsola li hija t-“teżor mitluf” tat-Trattat ta' Lisbona.

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ssuġġeriet modi biex tittejjeb il-kapaċità tal-Unjoni Ewropea li jkollha rwol akbar u aktar effiċjenti fix-xena globali. B'mod partikolari, il-President Juncker ippropona li l-Istati Membri jagħmlu użu minn regoli eżistenti tal-UE biex ikun hemm bidla minn unanimità għal votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata f'ċerti oqsma tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) tal-UE. Dan jippermetti li l-UE ssir attur globali aktar b'saħħtu, aktar kapaċi biex issawwar l-avvenimenti globali u jerfa' r-responsabbiltajiet internazzjonali.

Il-Kummissjoni identifikat tliet oqsma speċifiċi fejn dan jista' jsir biex jiġi żgurat li l-UE tippromwovi l-valuri tagħha aħjar globalment, tiddefendi l-interessi tagħha u tieħu deċiżjonijiet malajr biex: (1) tirreaġixxi b'mod kollettiv għal attakki fuq id-drittijiet tal-bniedem (2) tapplika sanzjonijiet effettivi u (3) tniedi u timmaniġġja missjonijiet għas-sigurtà ċivili u d-difiża.

Nisfruttaw il-potenzjal tat-Trattati

Permezz ta' tibdiliet suċċessivi fit-Trattati, l-Istati Membri gradwalment imxew lejn żieda fit-teħid ta' deċiżjonijiet b'maġġoranza kwalifikata. Madanollu d-dispożizzjonijiet eżistenti tat-Trattat, li jippermettu aktar flessibbiltà fi kwistjonijiet tal-Politika Estera ta' Sigurtà Komuni, fil-biċċa l-kbira tagħhom għadhom mhux qed jintużaw. Dan huwa l-każ fir-rigward tal-Artikoli 31(2) u 31(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) – fejn il-potenzjal kbir tagħhom, sa issa għadu ma ġiex sfruttat. Fid-dinja kumplessa, konnessa u kontestata tal-lum, wasal iż-żmien li jintużaw dawn l-għodod eżistenti biex b'hekk nagħtu s-setgħa lill-UE biex tipproteġi liċ-ċittadini tagħha, tippromwovi l-interessi kollettivi u tiżgura l-istabbiltà fil-viċinat tagħha u lil hinn minnu.

Filwaqt li l-Politika Barranija u tas-Sigurtà Komuni tal-UE ssaħħet b'mod konsiderevoli matul dawn l-aħħar snin, għad hemm numru ta' każijiet fejn l-unanimità kienet ta' xkel għat-teħid effettiv tad-deċiżjonijiet u waqqfet lill-UE milli taġixxi malajr u b'mod sod. Għalhekk, il-Kummissjoni Ewropea identifikat oqsma konkreti fejn tista' tittejjeb ħafna l-kapaċità tal-UE li taġixxi. Fil-Komunikazzjoni ppreżentata llum, il-Kummissjoni Ewropea indikat fejn il-Kunsill jista' jisfrutta l-potenzjal tat-Trattati eżistenti sabiex jiżdied l-użu tal-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata filwaqt tiġi ppreservata l-kultura ta' kunsens fl-UE. Iż-żieda fl-effiċjenza tat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-politika barranija hija saħansitra aktar essenzjali fid-dawl tat-tkabbir possibbli tal-Unjoni Ewropea fil-futur.

B'mod aktar speċifiku, il-Kummissjoni Ewropea tistieden lill-Mexxeja li waqt is-Summit f'Sibiu fid-9 ta' Mejju 2019 jaqblu li jwessgħu il-kamp ta' applikazzjoni l-Votazzjoni b'Maġġoranza Kkwalifikata fil-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, permezz tal-Artikolu 31(3) TUE, l-hekk imsejħa “passerelle clause" li permezz tagħha l-Kunsill Ewropew jista' jawtorizza (b'unanimità) lill-Kunsill biex jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata f'ċerti każijiet tal-Politika Estera ta' Sigurtà Komuni. Dawn jirrigwardaw:

  1. Il-pożizzjonijiet dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw id-drittijiet tal-bniedem f'fora internazzjonali;
  2. Id-deċiżjonijiet biex jiġu stabbiliti reġimi ta' sanzjonijiet;
  3. Id-deċiżjonijiet dwar il-missjonijiet ċivili tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni.

Votazzjoni b'maġġoranza kkwalifikata ssaħħaħ l-Unjoni u tgħin biex jintlaħaq kunsens

F'oqsma oħra fejn il-maġġoranza kwalifikata hija r-regola – b'mod partikolari l-politika kummerċjali tal-UE – l-esperjenza turi li dan mhux biss isaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala attur globali iżda wkoll iwassal biex jittieħdu deċiżjonijiet aktar effettivi. Il-prospett ta' votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata huwa katalizzatur b'saħħtu biex l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom fil-bini ta' kunsens effettiv u tinkiseb unità. Kunsens ifisser ukoll sjieda akbar tad-deċiżjonijiet li jittieħdu.

Barra minn hekk, it-Trattat jipprevedi numru ta' salvagwardji imfassla apposta biex jiġu protetti l-interessi ewlenin u l-prerogattivi tal-Istati Membri fil-Politika Estera ta' Sigurtà Komuni: Id-deċiżjonijiet b'implikazzjonijiet militari u tad-difiża huma esklużi minn votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata (l-Artikolu 31(4) TUE). Barra minn hekk, l-Artikolu 31(2) TUE jipprevedi ‘brejk ta' emerġenza' li jippermetti li Stat Membru joġġezzjona li tittieħed deċiżjoni permezz ta' maġġoranza kwalifikata minħabba “raġunijiet vitali u indikati ta' politika nazzjonali”.

 

Kuntest

L-oqsma ta' politika li ġejjin ikomplu jiġu adottati b'mod sistematiku b'unanimità: it-tassazzjoni, is-sigurtà soċjali jew il-protezzjoni soċjali, l-adeżjoni ta' pajjiżi ġodda mal-UE, il-kooperazzjoni operattiva tal-pulizija u il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni – anki jekk it-Trattati jipprevedu possibilitajiet biex wieħed jirrikorri għal forom aktar flessibbli tat-teħid ta' deċiżjonijiet.

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jipprevedi l-possibbiltà li r-regola ġenerali tal-lum ta' unanimità għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tinbidel f'votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata. Fil-fatt, l-Artikolu 31(2) TUE diġà jippermetti lill-Kunsill jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifikata f'ċerti każijiet predefiniti. Il-“passerelle clause” speċifika tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni fl-Atkolu 31(3) tat-TUE tagħti s-setgħa lill-Kunsill Ewropew li jestendi uterjorment il-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fi kwistjonijiet tal-Politika Estera ta' Sigurtà Komuni, jekk l-Istati Membri b'mod unanimu jaqblu li jagħmlu hekk. Iż-żewġ dispożizzjonijiet tat-Trattat jirriflettu l-affermazzjoni li Politika Estera ta' Sigurtà Komuni effiċjenti, tempestiva u kredibbli gradwalment tista' timxi lil hinn minn votazzjoni b'unanimità, tal-anqas f'ċerti oqsma magħżula.

Kif rikonoxxut mid-Dikjarazzjoni ta' Ruma tal-2017, adottata fl-okkażjoni tas-60 anniversarju tat-Trattat ta' Ruma, il-ħtieġa ta' UE b'saħħitha hija importanti aktar minn qatt qabel. Sabiex l-Unjoni ssir attur globali aktar b'saħħtu, il-President Juncker issuġġerixxa, fid-Diskors tiegħu tal-2017 dwar l-Istat tal-Unjoni li wieħed“jeżamina liema deċiżjonijiet ta' politika barranija jistgħu jinbidlu minn votazzjoni b'mod unanimu għal dik b'maġġoranza kwalifikata”, li għandu jikkontribwixxu biex l-UE ssir attur globali aktar effiċjenti. B'dan il-għan, id-Dikjarazzjoni ta' Meseberg dwar it-Tiġdid tal-wegħdi tal-Ewropa ta' sigurtà u prosperità, mill-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel u l-President Franċiż Emmanuel Macron f'Ġunju 2018 appellaw ukoll “jiġu miflija modi ġodda kif tista' tiżdied il-ħeffa u l-effikaċja tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE fil-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tagħna” u “jiġu esplorati l-possibilitajiet tal-użu tal-vot tal-maġġoranza fil-qasam tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni” fi ħdan il-qafas ta' dibattitu aktar wiesa' fuq vot maġġoritarju rigward il-politiki tal-UE.”

 

Għal aktar informazzjoni:

SKEDA INFORMATTIVA: Votazzjoni b'maġġoranza kkwalifikata: Għodda biex Nagħmlu l-Politika Estera u ta' Sigurtà Ewropea aktar Effettiva

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea Attur globali aktar b'saħħtu: għal teħid ta' deċiżjonijiet aktar effiċjenti fil-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-UE

Id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2018 tal-President Juncker

 

ANNESS: l-Artikolu 31 TUE

1. Id-deċiżjonijiet taħt dan il-Kapitolu [KAPITOLU 2 — DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI DWAR POLITIKA ESTERA U TA' SIGURTÀ KOMUNI] għandhom jittieħdu mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill li jaġixxu b'mod unanimu, ħlief fil-każijiet fejn dan il-Kapitolu jipprevedi mod ieħor. L-adozzjoni ta' atti leġislattivi għandha tkun eskluża.

Meta jastjeni minn xi vot, kull membru tal-Kunsill jista' jikkwalifika l-astensjoni tiegħu billi jagħmel dikjarazzjoni formali skont dan is-subparagrafu. F'dan il-każ, hu ma jkunx obbligat li japplika d-deċiżjoni, imma għandu jaċċetta li d-deċiżjoni tikkommetti lill-Unjoni. Fi spirtu ta' solidarjetà reċiproka, l-Istat Membru kkonċernat għandu joqgħod lura minn xi azzjoni li aktarx toħloq kunflitt, jew tostakola l-azzjoni tal-Unjoni li tkun ibbażata fuq dik id-deċiżjoni u l-Istati Membri l-oħra għandhom jirrispettaw il-pożizzjoni tiegħu. Jekk il-membri tal-Kunsill li jikkwalifikaw l-astensjoni tagħhom b'dan il-mod jirrappreżentaw mill-inqas terz tal-Istati Membri li jinkludu mill-inqas terz tal-popolazzjoni tal-Unjoni, id-deċiżjoni ma' għandhiex tiġi adottata.

2. B' deroga mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata:

- meta jadotta deċiżjoni li tiddefinixxi azzjoni jew pożizzjoni tal-Unjoni abbażi ta' deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew dwar l-interessi u l-objettivi strateġiċi tal-Unjoni, kif previst fl-Artikolu 22(1),

- meta jadotta deċiżjoni li tiddefinixxi azzjoni jew pożizzjoni tal-Unjoni, fuq proposta ppreżentata mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà wara talba speċifika lilu mill-Kunsill Ewropew fuq inizjattiva ta' dan stess jew fuq dik tar-Rappreżentant Għoli,

- meta jadotta xi deċiżjoni li timplimenta deċiżjoni li tiddefinixxi azzjoni jew pożizzjoni tal-Unjoni,

- meta jaħtar rappreżentant speċjali skont l-Artikolu 33.

Jekk membru tal-Kunsill jiddikjara li, minħabba raġunijiet vitali u indikati ta' politika nazzjonali, hu jkollu l-intenzjoni li jopponi l-adozzjoni ta' deċiżjoni meħudha b'maġġoranza kwalifikata, il-vot ma' għandux jittieħed. Ir-Rappreżentant Għoli jfittex, b'konsultazzjoni mill-qrib mal-Istat Membru kkonċernat, soluzzjoni aċċettabbli għal dan tal-aħħar. Fin-nuqqas ta' riżultat, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jitlob li l-kwistjoni titressaq quddiem il-Kunsill Ewropew għal deċiżjoni b'unanimità.

3. Il-Kunsill Ewropew jista', b'mod unanimu, jadotta deċiżjoni li tipprevedi li l-Kunsill jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata f'każijiet oħra minbarra dawk previsti fil-paragrafu 2.

4. Il-paragrafi 2 u 3 ma' għandhomx japplikaw għal deċiżjonijiet li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża.

5. Għar-rigward tal-kwistjonijiet ta' proċedura, il-Kunsill għandu jaġixxi bil-maġġoranza tal-membri tiegħu.

IP/18/5683

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar