Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Istat tal-Unjoni 2018: Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew imsaħħaħ fil-ġlieda kontra t-terroriżmu transfruntier

Strasburgu, it-12ta' settembru 2018

Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew imsaħħaħ fil-ġlieda kontra t-terroriżmu transfruntier.

 

Strixxun

Fit-12 ta' Settembru 2018, fl-okkażjoni tad-Diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President Jean-Claude Juncker qal: “L-Ewropej bir-raġun jistennew li l-Unjoni tagħhom iżżommhom sikuri. Din hija r-raġuni l-għaliex illum il-Kummissjoni qed tipproponi regoli ġodda biex il-kontenut terroristiku jitneħħa minn fuq l-internet fi żmien siegħa — il-perjodu kritiku li fih ssir l-akbar ħsara. Jenħtieġ li fl-Unjoni tagħna nkunu nistgħu nressqu quddiem il-ġustizzja lit-terroristi b'mod aktar ikkoordinat.” It-terroristi ma jafux fruntieri. Aħna m'għandniex insiru kompliċi mingħajr ma nintebhu minħabba n-nuqqas tagħna sabiex nikkooperaw.”

B'segwitu tal-idea ppreżentata għall-ewwel darba mill-President Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tas-sena l-oħra, illum il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi li ssaħħaħ l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew billi tagħtih is-setgħa jiġġieled t-terroriżmu transfruntier.

Günther H. Oettinger, il-Kummissarju għall-Baġit u r-Riżorsi Umani, qal: “Il-protezzjoni taċ-ċittadini Ewropej mit-terroriżmu hija l-objettiv primarju ta' Unjoni tas-Sigurtà reali. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, mgħammar bil-kompetenza biex jiġġieled kontra r-reati terroristiċi transfruntiera, se jippermetti lill-Istati Membri jikkoordinaw aħjar il-ħidma tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam mal-investigazzjoni u mal-prosekuzzjoni ta' dawn ir-reati. Dan se jrendi lill-UE aktar effettiva fl-isforzi tagħha fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u se jwassal biex tissaħħa s-sigurtà taċ-ċittadini tagħna kollha.”

Věra Jourová, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, żiedet tgħid: “Il-Programm il-ġdid tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, ladarba jkunu qed jitħaddem, se jġib bidla radikali fil-ġlieda kontra r-reati finanzjarji relatati ma' frodi fil-baġit tal-UE u fil-VAT. Qed naħdem bla heda biex jitwaqqaf u jibda jaħdem sa tmiem l-2020 u nistieden lill-Istati Membri kollha biex jissieħbu. Illum, aħna qed nissuġġerixxu li nsaħħu l-Uffiċċju tal-Prosekuturi Pubbliċi Ewropew li jista' wkoll isir għodda b'saħħitha fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fl-UE.”

Reazzjoni Ewropea biex tiġġieled aħjar it-theddid terroristiku transfruntier

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew imsaħħaħ se jtejjeb il-ġlieda kontra t-terroriżmu billi jimla l-lakuni eżistenti:

  • Investigazzjonijiet ikkoordinati: Illum, l-Istati Membri tal-UE huma kompetenti biex jinvestigaw u jipproċedu kontra r-reati terroristiċi imma s-setgħat tagħhom jintemmu mal-fruntieri nazzjonali tagħhom. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jkun responsabbli mill-investigazzjonijiet, u se jidderieġi lill-awtoritajiet tal-Istati Membri differenti u lill-aġenziji tal-UE li jittrattaw każijiet ta' terroriżmu li jaffettwaw aktar minn Stat Membru wieħed;
  • L-iskambju f'waqtu tal-informazzjoni: Għalkemm sar progress sinifikanti b'każijiet ta' kooperazzjoni transfruntiera b'suċċess, l-iskambju tal-informazzjoni dwar każijiet kriminali bejn l-Istati Membri dwar l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi, fil-preżent, kultant għadu bil-mod wisq. Dan jista' jirriżulta f'li xi terroristi jirnexxilhom jaħarbu l-prosekuzzjoni. Bl-istruttura integrata tiegħu, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jkun f'pożizzjoni li jikseb ħarsa kumplessiva unika tal-attivitajiet terroristiċi fl-Istati Membri kollha li jipparteċipaw. Se jkollhom aċċess aħjar għall-informazzjoni mill-Istati Membri permezz tal-parti tal-Prosekuturi Ewropej tal-kulleġġ tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, jew mill-prosekuturi delegati Ewropej. Ikun fl-aħjar pożizzjoni biex jiġbor u jikkondividi l-informazzjoni fl-Unjoni kollha, inkluż mal-Aġenziji Eurojust u Europol tal-UE, kif ukoll ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE;
  • Il-koerenza tal-investigazzjonijiet fl-Istati Membri differenti: Illum, hemm riskju li każijiet ta' terroriżmu li jaffettwaw aktar minn Stat Membru wieħed jiġu investigati b'mod mhux ikkoordinat, u jpoġġu f'riskju prosekuzzjoni li tkun qed titwettaq b'suċċess. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jmexxi l-investigazzjonijiet ċentralment, irrispettivament mill-post fejn seħħew ir-reati u mbagħad jgħaqqad aħjar l-investigazzjoni mal-prosekuzzjoni. Barra minn hekk, il-Prosekutur Pubbliku Ewropew imsaħħaħ, bħala attur fil-livell tal-Unjoni, se jevita prosekuzzjonijiet paralleli ineffiċjenti ta' każijiet konnessi, li ta' sikwit jipperikolaw il-ġlieda b'suċċess kontra r-reati terroristiċi.

Il-passi li jmiss

Fid-dawl tas-Samit ta' Sibiu f'Mejju 2019, il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill Ewropew biex flimkien mal-Parlament Ewropew imexxi 'l quddiem din l-inizjattiva u jiddeċiedi dwar l-estensjoni tal-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għal reati terroristiċi li jaffettwaw aktar minn Stat Membru wieħed. Ladarba l-Kunsill Ewropew ikun iddeċieda b'mod unanimu li jestendi l-kompetenzi tiegħu, il-Kummissjoni tkun tista' tkompli bil-proċess billi tipproponi emenda fir-Regolament li jistabbilixxi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.

Kuntest

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jkun uffiċċju ta' prosekuzzjoni indipendenti mill-Unjoni Ewropea bil-kompetenza li jinvestiga, iwettaq prosekuzzjonijiet u jressaq quddiem il-ġustizzja reati kontra l-baġit tal-UE, bħal frodi, korruzzjoni jew frodi transfruntiera serja fil-VAT. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ser isir operazzjonali bis-sħiħ sa tmiem l-2020. Din l-inizjattiva mhux se jkollha impatt fuq it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew attwali.

Attwalment, 22 Stat Membru tal-UE jipparteċipaw fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, il-Finlandja, Franza, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja.

L-Artikolu 86(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi l-possibbiltà li l-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jiġu estiżi permezz ta' emenda tal-Artikolu 86 tat-TFUE biex is-setgħat tiegħu jiġu estiżi biex jinkludu reati serji li jaffettwaw aktar minn Stat Membru wieħed. Din id-deċiżjoni tittieħed unanimament mill-Istati Membri kollha li qed jipparteċipaw fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, kif ukoll mill-oħrajn, wara li jinkiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew u wara li tiġi kkonsulta l-Kummissjoni Ewropea. Il-Komunikazzjoni tal-lum hija akkumpanjata minn Anness b'inizjattiva għall-possibilità ta' adozzjoni ta' deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li temenda l-Artikolu 86 tat-TFUE.

Għal Aktar Informazzjoni

Is-Sit web dwar l-Istat tal-Unjoni 2018

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Ewropa li tipproteġi: inizjattiva biex jiġu estiżi l-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għar-reati terroristiċi transfruntiera.

Skeda informattiva: Intejbu l-ġlieda kontra t-terroriżmu permezz ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew imsaħħaħ

L-att li jwaqqaf l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew: Ir-Regolament 2017/1939

L-istruttura tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

graph

IP/18/5682

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar