Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Istat tal-Unjoni 2018: Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi miżuri għal elezzjonijiet Ewropej liberi u ġusti

Strasburgu, it-12ta' settembru 2018

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi miżuri għal elezzjonijiet Ewropej liberi u ġusti.

strixxun

Fit-12 ta' Settembru tal-2018, fl-okkażjoni tad-Diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President Jean-Claude Juncker qal: “Irridu nipproteġu l-elezzjonijiet liberi u ġusti tagħna. Din hija r-raġuni għalfejn illum il-Kummissjoni qed tipproponi regoli ġodda biex tipproteġi aħjar il-proċessi demokratiċi tagħna mill-manipulazzjoni minn pajjiżi terzi jew minn interessi privati."

Biex jara li l-elezzjonijiet tas-sena d-dieħla għall-Parlament Ewropew jiġu organizzati b'mod liberu, ġust u sikur, il-President Jean-Claude Juncker ħabbar matul id-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tiegħu għadd ta' miżuri konkreti, inkluża trasparenza akbar fir-riklami politiċi onlajn u l-possibbiltà ta' sanzjonijiet għall-użu illegali ta' data personali biex jiġi influwenzat b'mod intenzjonat ir-riżultat tal-elezzjonijiet Ewropej. L-għan tal-proposti tal-Kummissjoni tal-lum huwa li jiġi indirizzat it-theddid potenzjali għall-elezzjonijiet u b'hekk tissaħħaħ r-reżiljenza tas-sistemi demokratiċi tal-Unjoni.

Każijiet riċenti wrew ir-riskji għaċ-ċittadini li jkunu fil-mira ta' kampanji kbar onlajn ta' diżinformazzjoni bl-għan li jiskreditaw u jnaqqsu mil-leġittimità tal-elezzjonijijet. Huwa mifhum li d-data personali tan-nies ukoll ġiet użata b'mod illegali. Barra minn hekk, l-attakki fuq l-infrastruttura elettorali u s-sistemi ta' informazzjoni tal-kampanji huma theddid ibridu li jrid jiġi indirizzat. Qabel l-elezzjonijiet Ewropew tas-sena d-dieħla, huwa għalhekk essenzjali li tissaħħaħ ir-reżiljenza demokratika Ewropea u li jiġi żgurat li r-regoli offline li ġew maħluqa għat-trasparenza u biex jiġi protett il-proċess elettorali mill-interferenza barranija jiġu applikati wkoll onlajn.

L-ewwel Viċi President Frans Timmermans qal: “Flimkien mal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, id-demokrazija hija parti minn “min aħna” u tiddefinixxi l-Unjoni tagħna. Ma għandniex inkunu inġenwi: hemm min jixtieq ifixkel l-elezzjonijiet Ewropej u l-għodda tagħhom huma sofistikati. U għalhekk irridu naħdmu lkoll flimkien b'mod urġenti biex insaħħu r-reżiljenza demokratika tagħna. Il-pakkett għall-elezzjonijiet tal-lum huwa kontribut b'saħħtu lejn dak l-isforz.”

Il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, Věra Jourová żiedet tgħid: “Irridu nitgħallmu mill-esperjenzi tal-elezzjonijiet u mir- referendum riċenti. Irridu nnaqqsu r-riskju fl-elezzjonijiet li ġejjin, mir-riklami politiċi mhux trasparenti sal-użu ħażin tad-data personali tan-nies, speċjalment minn atturi barranin. Irrid li l-Ewropej ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni ħielsa meta jitfgħu il-vot tagħhom. Biex dan isir, l-anarkija onlajn tar-regoli tal-elezzjoni trid tieqaf.”

Is-sett ta' miżuri ppreżentat illum mill-Kummissjoni jikkonsisti fi:

  • Rakkomandazzjoni dwar in-netwerks ta' kooperazzjoni għall-elezzjonijiet, it-trasparenza onlajn, il-protezzjoni kontra l-inċidenti ċibernetiċi u l-ġlieda kontra l-kampanji ta' diżinformazzjoni: L-Istati Membri huma mħeġġa jwaqqfu netwerk nazzjonali ta' kooperazzjoni għall-elezzjonijiet magħmul minn awtoritajiet nazzjonali - bħal awtoritajiet elettorali, taċ-ċibersigurtà, tal-protezzjoni tad-data u tal-eżekuzzjoni tal-liġi – u biex jaħtru punt ta' kuntatt biex jipparteċipa f'netwerk ta' kooperazzjoni għall-elezzjonijiet fuq livell Ewropew. B'hekk l-awtoritajiet ikunu jistgħu jidentifikaw it-theddid potenzjali malajr, jiskambjaw informazzjoni u jiżguraw rispons rapidu u kkoordinat sew.
  • Il-Kummissjoni tirrakomanda wkoll li tiġi żgurata aktar trasparenza fir-reklami u l-immirar politiku onlajn. Il-partiti politiċi nazzjonali u Ewropej, il-fondazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet tal-kampanja għandhom jagħtu informazzjoni dwar in-nefqa tagħhom fuq il-kampanji ta' riklamar onlajn, billi jindikaw liema partit jew grupp ta' appoġġ politiku huwa responsabbli għar-riklami politiċi onlajn kif ukoll billi jippubblikaw informazzjoni dwar il-kriterji ta' mira wżati għad-diseminazzjoni ta' informazzjoni liċ-ċittadini. Meta dawn il-prinċipji ma jiġux applikati, jenħtieġ li l-Istati Membri japplikaw sanzjonijiet nazzjonali.
  • Jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali, il-partiti politiċi u l-midja wkoll jieħdu miżuri sabiex jipproteġu s-sistemi tal­informazzjoni u n-netwerks tagħhom mit-theddid taċ-ċibersigurtà, abbażi tal-gwida żviluppata mill-awtoritajiet nazzjonali fi ħdan il-grupp ta' kooperazzjoni tan-Netwerk u s-Sistemi ta' Informazzjoni (NIS - Network and Information Systems), mal-aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà u l-Kummissjoni Ewropea;
  • Gwida dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data. Il-gwida se tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-partiti politiċi Ewropej u nazzjonali biex japplikaw l-obbligi tal-protezzjoni tad-data skont il-liġi tal-UE fil-kuntest elettorali. Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (General Data Protection Regulation - GDPR) japplika minn Mejju 2018 u jkopri wkoll il-partiti politiċi nazzjonali u Ewropej kollha u l-atturi oħra fil-kuntest elettorali bħal intermedjarji tad-data u pjattaformi ta' midja soċjali. Fid-dawl tal-każ ta' Cambridge Analytica u b'mod aktar ġenerali l-impatt dejjem jikber tal-immirar fuq bażi micro (micro-targeting) tal-votanti ibbażat fuq id-data personali tagħhom, il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni fuq l-obbligi ta' protezzjoni tad-data għall-atturi kollha fl-elezzjonijiet Ewropej;
  • Emenda leġiżlattiva biex jiġu ssikkati r-regoli dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej. Il-bidla fil-mira tar-Regolament tal-2014 dwar il-finanzjament tal-partiti se tippermetti l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet finanzjarji għal ksur ta' regoli tal-protezzjoni tad-data li jsir b'mod intenzjonat biex jinfluwenza r-riżultat tal-elezzjonijiet Ewropej. Is-sanzjonijet jammontaw għal 5% tal-baġit annwali tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni kkonċernata. Is-sanzjoni se tiġi eżegwita mill-Awtorità għall-partiti politiċi Ewropej u għall-fondazzjonijiet politiċi Ewropej. Barra minn hekk, dawk li jinstabu ħatja ta' ksur ma jkunux jistgħu japplikaw għal finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea fis-sena li fiha tkun ġiet imposta s-sanzjoni.
  • Regolament biex jinġabru flimkien riżorsi u għarfien espert fit-teknoloġija taċ-ċibersigurtà. Il-Kummissjoni qed tipproponi li jinħoloq Netwerk ta' Ċentri ta' Kompetenza dwar iċ-Ċibersigurtà biex jiġi mmirat u kkoordinat aħjar il-finanzjament disponibbli għall-kooperazzjoni, riċerka u innovazzjoni fiċ-ċibersigurtà. Ċentru ta' Kompetenza dwar iċ-Ċibersigurtà ġdid se jkollu f'idejh l-għajnuna finanzjarja marbuta maċ-ċibersigurtà mill-baġit tal-UE u jiffaċilità l-investiment konġunt mill-Unjoni, mill-Istati Membri u mill-industrija biex jixpruna l-industrija taċ-ċibersigurtà tal-UE u jiżgura li s-sistemi ta' difiża tagħna huma tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku.

Il-miżuri proposti llum jikkumplimentaw miżuri oħra mwettqa mill-Kummissjoni, bħall-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, il-ġabra wiesgħa ta' miżuri biex tinbena ċibersigurtà b'saħħitha fl-UE li bħalissa qiegħda tiġi nnegozjata mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, u l-isforzi kontinwi biex tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni onlajn.

Kuntest

L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta' Mejju 2019 se jsiru f'ambjent politiku u legali differenti ħafna meta mqabbla mal-2014. L-atturi kollha involuti fl-elezzjonijiet, b'mod partikolari l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-partiti politiċi, jridu jerfgħu responsabbiltà speċjali biex jipproteġu l-proċess demokratiku mill-interferenza barranija u mill-manipulazzjoni illegali.

Ir- Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data huwa direttament applikabbli mill-25 ta' Mejju 2018, u jagħti lill-Unjoni Ewropea l-għodda biex tindirizza każijiet ta' użu illegali tad-data personali anke fil-kuntest elettorali.

Il-Parlament u l-Kunsill ftehmu biex jemendaw l-Att li jirregola l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, biex jipprovdu għal trasparenza mtejba għal l-elezzjonijiet tal-membri tal-Parlament Ewropew. Ir- Regolament dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej emendat fit-3 ta' Mejju 2018, iżid il-viżibbiltà, ir-rikonoxximent, l-effettività, it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej.

Il-Kummissjoni Ewropea ħarġet ukoll Rakkomandazzjoni fi Frar 2018 li tenfasizza l-passi ewlenin biex tkompli titjieb it-tmexxija effettiva tal-elezzjonijiet tal-2019.

Il-perjodi tal-elezzjonijiet wrew li huma mira partikolarment strateġika u sensittiva tat-theddid ibridu. Għal dan il-għan il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli identifikaw oqsma fejn iridu jittieħdu passi addizzjonali fil-Komunikazzjoni Konġunta ta' Ġunju 2018 dwar iż-żieda fir-reżiljenza u l-bini tal-kapaċità biex jiġi indirizzat it-theddid ibridu.

Sabiex l-Ewropa jkollha l-għodod it-tajba biex tindirizza l-attakki ċibernetiċi, f'Settembru 2017 il-Kummissjoni Ewropea pproponiet sett wiesa' ta' miżuri biex tibni ċibersigurtà b'saħħitha fl-UE. Fosthom hemm proposta biex tissaħħaħ l-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà kif ukoll skema ġdida ta' ċertifikazzjoni Ewropea li tiżgura li l-prodotti u s-servizzi fid-dinja diġitali jistgħu jintużaw mingħajr periklu.

Il-Kummissjoni ressqet ukoll approċċ Ewropew għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni onlajn fil-Komunikazzjoni tagħha tas-26 ta' April 2018. Dan l-approċċ jinkludi Kodiċi ta' Prattika għal awtoregolazzjoni għall-pjattaformi onlajn u l-industrija tar-reklamar bħala pass essenzjali biex tiġi żgurata kampanja onlajn trasparenti, ġusta u affidabbli qabel l-elezzjonijiet Ewropej. Il-pjattaformi onlajn u l-industrija tar-reklamar huma mistennija jaqblu flimkien mal-midja, mal-akkademiċi u mar-rappreżentanti ta' min jivverifika l-fatti fuq il-Kodiċi ta' Prattika dwar id-diżinformazzjoni fil-ġimgħat li ġejjin u jibdew japplikawh.

Għal aktar informazzjoni

Is-sit web tad-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni

Skeda informattiva: Għal kisba ta' elezzjonijiet Ewropej liberi u ġusti

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kisba ta' elezzjonijiet Ewropej liberi u ġusti

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-netwerks ta' kooperazzjoni għall-elezzjonijiet, it-trasparenza onlajn, il-protezzjoni mill-inċidenti ċibernetiċi u l-ġlieda kontra l-kampanji ta' diżinformazzjoni fil-kuntest tal-elezzjonijiet lill-Parlament Ewropew.

Gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni tal-protezzjoni tad-data fil-kuntest elettorali

Skeda informattiva: Il-protezzjoni tad-data personali tal-Ewropej fl-elezzjonijiet

Proposta biex jiġi emendat ir-Regolament dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej

Skeda informattiva: Nibnu sigurtà ċibernetika b'saħħitha fl-Ewropa

Proposta għal Regolament tal-Kummissjoni li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta' Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Netwerk taċ-Ċentri Nazzjonali ta' Koordinazzjoni

IP/18/5681

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar