Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Strateġija għall-Balkani tal-Punent: l-UE tistabbilixxi inizjattivi ewlenin ġodda u appoġġ għar-reġjun xprunat mir-riforma

Strasburgu, is-6ta' frar 2018

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat strateġija għal “Perspettiva kredibbli ta' tkabbir kif ukoll impenn imsaħħaħ tal-UE għall-Balkani tal-Punent”.

Kif ħabbar il-President Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017, il-Kummissjoni llum adottat strateġija għal “Perspettiva kredibbli ta' tkabbir kif ukoll impenn imsaħħaħ tal-UE għall-Balkani tal-Punent”,li tikkonferma l-futur Ewropew tar-reġjun bħala investiment ġeostrateġiku f'Ewropa stabbli, b'saħħitha u magħquda bbażata fuq valuri komuni. L-Istrateġija tippreżenta l-prijoritajiet u l-oqsma ta' kooperazzjoni konġunta msaħħa, u tindirizza l-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw il-Balkani tal-Punent, b'mod partikolari l-bżonn għal riformi fundamentali u relazzjonijiet tajbin ta' viċinat. Perspettivakredibbli ta' tkabbir teħtieġ sforzi konsistenti u riformi irriversibbli. Il-progress matul il-perkors Ewropew huwa proċess oġġettiv u bbażat fuq il-mertuli jiddependi fuq ir-riżultati konkreti li jikseb kull pajjiż individwali.

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret sitt inizjattivi ewlenin - azzjonijiet speċifiċi li l-UE se tieħu matul is-snin li ġejjin sabiex tappoġġa l-isforzi ta' trasformazzjoni tal-Balkani tal-Punent. Dawn ivarjaw minn inizjattivi biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt, kooperazzjoni rinfurzata dwar is-sigirtà u l-migrazzjoni permezz ta' skwadri ta' investigazzjoni konġunta u l-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, l-Unjoni tal-Enerġija tal-UE tiġi estiża għall-Balkani tal-Punent jew jitbaxxew it-tariffi tar-roaming u jinfirex il-broadband fir-reġjun. L-Istrateġija tenfasizza wkoll il-bżonn li l-UE tkun imħejjija biex tilqa' membri ġodda ladarba jkunu ssodisfaw il-kriterji.

il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker iddikjara: ”IL-investiment fl-istabbiltà u l-prosperità tal-Balkani tal-Punent ifisser investiment fis-sigurtà u l-futur tal-Unjoni tagħna. Minkejja li mhux se jkun hemm aktar tkabbir taħt dan il-mandat, illum il-Kummissjoni Ewropea qed tipproġetta l-perkors ‘il quddiem għall-Balkani tal-Punent. B'rieda politika b'saħħitha, riformi reali u konsistenti, u soluzzjonijiet definittivi għat-tilwim mal- viċinat, il-Balkani tal-Punent jistgħu jimxu ‘l quddiem fil-perkorsi rispettivi tagħhom. Jekk dan jinkisibx se jiddependi mill-merti oġġettivi tagħhom. Il-Kummissjoni Ewropea se tkun rigoruża iżda se tkun ukoll ġusta. Fl-aħħar ta' dan ix-xahar se nżur kull wieħed mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent b'messaġġ ċar: komplu rriformaw u aħna se nkomplu nappoġġaw il-futur Ewropew tagħkom."

Ir-Rappreżentant Għoli / Viċi President Federica Mogherini kkummentat:"Il-Balkani tal-Punent huma parti mill-Ewropa: nikkondividu l-istess Storja, l-istess ġeografija, l-istess wirt kulturali u l-istess opportunitajiet u sfidi llum kif ukoll fil-futur. Għandha interess komuni li naħdmu flimkien dejjem aktar mill-qrib sabiex niggarantixxu lill-poplu tagħna żvilupp ekonomiku u soċjali, kif ukoll is-sigurtà. Din l-istrateġija turi l-perkors li għandna quddiemna: li s-sitt sieħba tagħna jegħelbu l-passat darba għal dejjem, li kollha flimkien nagħmlu l-proċess tal-Balkani tal-Punent lejn l-Unjoni Ewropea wieħed irriversibbli u b'hekk inkomplu nunifikaw il-Kontinent mill-ġdid. Din l-Istrateġija tagħtina lkoll perspettiva komuni, ċara, inekwivoka, kredibbli u konkreta għall-integrazzjoni fl-UE ta' kull wieħed mis-sitt sieħba tagħna. Ix-xhur li ġejjin mhux biss se jkunu intensi iżda wkoll kruċjali sabiex niżguraw li naħtfu din l-opportunità storika u unika.”

Il-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir, Johannes Hahn enfasizza: "Illum nikkonfermaw li l-bieb tal-Unjoni tagħna jinsab miftuħ għall-Balkani tal-Punent li diġà huma enklav imdawwar bl-UE, u li l-offerta tagħna hija sinċiera. Bl-approċċ il-ġdid, mirfud minn miżuri konkreti, qed insaħħu l-proċess ta' tkabbir li jirrikjedi min-naħa l-oħra sforzi u riformi kredibbli b'mod partikolari biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt. Hemm bżonn naħdmu għall-ġid taċ-ċittadini.”

Attenzjoni fuq riformi u rikonċiljazzjoni konvinċenti

Sabiex jissodisfaw il-kriterji ta' sħubija fl-UEu fl-interess tagħhom stess, il-Balkani tal-Punent jeħtieġ li jimplimentaw riformi komprensivi f'oqsma kruċjali. L-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u l-governanza jridu jissaħħu ħafna. Ir-riformi tas-sistemi ġudizzjarji, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, u r-riforma fl-amministrazzjoni pubblika jeħtieġ li jagħtu riżultati veri filwaqt li l-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi jeħtieġ li jissaħħaħ serjament. Hemm bżonn li r-riformi ekonomiċi jsiru b'determinazzjoni sabiex jiġu indirizzati d-dgħufijiet strutturali, il-kompetittività baxxa u l-livell għoli tal-qgħad.

Il-pajjiżi kollha jridumingħajr ekwivoku jieħdu impenn, kemm bil-kelma kif ukoll bil-fatti, li jegħlbu dak li ntiret mill-passat, billi jiksbu r-rikonċiljazzjoni u jsolvu l-kwistjonijiet li għadhom pendenti, b'mod partikolari t-tilwim dwar il-fruntieri, ħafna qabel l-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea.Hemm bżonn ta' ftehim ta' normalizzazzjoni normalizzazzjoni li jkun komprensiv u legalment vinkolanti bejn is-Serbja u l-Kosovo sabiex ikunu jistgħu jagħmlu progress fil-perkorsi Ewropej rispettivi tagħhom.

Sitt inizjattivi ewlenin li jappoġġaw it-trasformazzjoni tal-Balkani tal-Punent

L-UE hija l-aktar donatur u investitur importanti fir-reġjun kif ukoll sieħeb politiku tal-Balkani tal-Punent. L-UE hija wkoll l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Balkani tal-Punent b'volum kummerċjali totali annwali ta' €43 biljun (2016). Illum, il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet Sitt initiatives ewlenin li se jkomplu jsaħħu l-kooperazzjoni ta' bejnietna f'għadd ta' oqsma u jappoġġaw il-proċess ta' trasformazzjoni fil-Balkani tal-Punent. Dawn l-inizjattivi ewlenin jiffukaw fuq oqsma speċifiċi ta' interess komuni: l-istat tad-dritt, is-sigurtà u l-migrazzjoni, l-iżvilupp soċjoekonomiku, it-trasport u l-konnettivita enerġetika, l-aġenda diġitali, ir-rikonċiljazzjoni u relazzjonijiet tajba mal-viċinat. Azzjonijiet konkreti f'dawn l-oqsma huma previsti bejn l-2018 u l-2020.

Sabiex titwettaq l-Istrateġija tal-Balkani tal-Punent u jingħata appoġġ lil tranżizzjoni mingħajr xkiel, finanzjament adegwat huwa indispensabbli. Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li gradwalment iżżid il-finanzjament skont l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) sal-2020 sakemm ikunu jippermettu r-riallokazzjonijiet fil-pakkett eżistenti. Fl-2018 biss, diġà huma previsti €1.07 biljun f'assistenza ta' qabel l-adeżjoni għall-Balkani tal-Punent, apparti kważi €9 biljun mill-perjodu 2007-2017.

Il-passi li jmiss fuq il-perkors tal-UE

Il-politika ta' tkabbir tal-UE trid tkun parti integrali mill-istrateġija akbar sabiex sal-2025 l-Unjoni tissaħħaħ kif stipulat mill-President Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni ta' Settembru 2017 kif ukoll il- Pjan Direzzjonali għal Unjoni Aktar Magħquda, Aktar Qawwija u Aktar Demokratika. Filwaqt li l-UE jista' jkollha aktar minn 27 Membru, id-dinamika tal-Balkani tal-Punent kollha li jimxu 'l quddiem fil-perkorsi rispettivi tagħhom lejn l-UE hija bbażata fuq il-merti tagħhom stess skont ir-riżultati konkreti li jiksbu. L-Istrateġija tispjega l-passi li hemm bżonn jittieħdu mill-Montenegro u s-Serbja sabiex jitlesta l-proċess ta' adeżjoni f'perspettiva tal-2025 ; filwaqt li pajjiżi oħrajn jistgħu jilħqu magħhom, il-Montenegro u s-Serbja huma l-uniċi żewġ pajjiżi li magħhom diġà sar progress fit-taħditiet tal-adeżjoni. Din il-perspettiva fl-aħħar se tiddependi fuq rieda politika qawwija, it-twettiq ta' riformi reali u konsistenti, u soluzzjonijiet definittivi għat-tilwim mal-pajjiżi ġirien .

Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent kollha għandhom l-opportunità jagħmlu progress fil-perkorsi Ewropej rispettivi tagħhom. Il-Kummissjoni tivvaluta l-pajjiżi kollha b'mod ġust u oġġettiv abbażi tal-merti tagħhom stess u bir-ritmu li bih jiksbu progress. L-Albania u l-Eks Repubbblika Jugoslava tal-Maċedonja qed jagħmlu progress sinifikanti fil-perkors Ewropew tagħhom u l-Kummissjoni tinsab lesta li tħejji r-rakkomandazzjonijiet sabiex tiftaħ in-negozjati tal-adeżjoni, abbażi tal-kundizzjonijiet issodisfati. Il-Kummissjoni se tibda tħejji Opinjoni dwar l-applikazzjoni għas-sħubija tal-Bożnija-Ħerzegovina wara li tirċievi tweġibiet komprensivi u kompleti għall-Kwestjonarju tagħha. Permezz ta' sforz u impenn konsistenti, il-Bożnija-Ħerzegovina tista' ssir kandidat għall-adeżjoni. Il-Kosovo għandu opportunità li jagħmel progress sostenibbli permezz tal-implimentazzjoni tal- Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u li javvanza fil-perkors Ewropew tiegħu ladarba jkunu jippermettu dan iċ-ċirkostanzi oġġettivi.

Impenn politiku mill-mexxejja tar-reġjuni

Għad baqa' ħafna xogħol xi jsir mill-pajjiżi kkonċernati biex ikunu f'pożizzjoni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet u l-kriterji għas-sħubija fl-UE. L-Istrateġija tenfasizza li l-mexxejja tar-reġjun ma jistgħux iħallu dubju rigward l-orjentament strateġiku u l-impenn tagħhom. Iridu jkunu huma li fl-aħħar mill-aħħar jassumu r-responsabbiltà biex din l-opportunità storika ssir realtà.

It-tħejjija tal-UE biex tilqa' membri ġodda

L-UE nnifisha teħtieġ tkun lesta għal membri ġodda fil-familja – ladarba jkunu ssodisfaw il-kundizzjonijiet – inkluż minn perspettiva istituzzjonali u finanzjarja.. L-Unjoni trid tkun aktar b'saħħitha, aktar solida u aktar effiċjenti qabel issir akbar. Biex niżguraw teħid ta' deċiżjonijiet aktar effettiv, irridu nagħmlu użu mill-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill fl-oqsma ta' politika fejn dan huwa diġà previst. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta possibbiltajiet sabiex ikompli jissaħħaħ l-użu tal-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fit-tielet trimestru tal-2018 – kif imħabbar mill-President Juncker fl-indirizz tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017.

Jeħtieġ ukoll li jkun hemm sistema aktar effettiva sabiex tindirizza t-theddid sistemiku għall-istat tad-dritt jew il-ksur tiegħu fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE permezz ta' inizjattiva tal-Kummissjoni li hija mistennija f'Ottubru 2018.

Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jkun hemm fis-seħħ arranġamenti speċjali sabiex jiżguraw li Stati Membri futuri ma jkunux f'pożizzjoni li jimblokkaw l-adeżjoni ta' kandidati oħra tal-Balkani tal-Punent.

Sfond

Strateġija UE-Balkani tal-Punent - 'Perspettiva kredibbli ta' tkabbir kif ukoll impenn imsaħħaħ tal-UE għall-Balkani tal-Punent'

Mistoqsijiet u Tweġibiet - Perspettiva kredibbli ta' tkabbir kif ukoll impenn imsaħħaħ tal-UE għall-Balkani tal-Punent

Skeda informattiva - Sitt inizjattivi ewlenin ġodda li jappoġġaw it-trasformazzjoni tal-Balkani tal-Punent

Skeda informattiva - It-triq 'il quddiem fid-dawl ta' perspettiva possibbli tal-2025

Skeda informattiva - Il-potenzjal ekonomiku tar-relazzjonijiet tal-UE mal-Balkani tal-Punent

Skeda informattiva - Il-proċess ta' tkabbir

Infografija – Il-Montenegro

Infografija – Is-Serbia

Infografija – L- Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

Infografija - L-Albanija

Infografija – Il-Bożnija-Ħerzegovina

Infografija – Il-Kosovo

IP/18/561

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar