Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Istat tal-Unjoni 2018: Il-Kummissjoni tipproponi regoli ġodda biex tneħħi kontenut terroristiku minn fuq l-internet

Strasburgu, it-12ta' settembru 2018

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi regoli ġodda biex tneħħi kontenut terroristiku minn fuq l-internet.

strixxunFit-12 ta' Settembru tal-2018, fl-okkażjoni tad-Diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President Jean-Claude Juncker qal: “L-Ewropej bir-raġun jistennew li l-Unjoni tagħhom iżżommhom sikuri. Din hija r-raġuni għala l-Kummissjoni llum qed tipproponi regoli ġodda biex jitneħħa kontenut terroristiku minn fuq l-internet fi żmien siegħa – il-perjodu kruċjali li fih issir l-ikbar ħsara.”

Fid-diskors annwali tiegħu tal-2018 dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President Jean-Claude Juncker ħabbar regoli ġodda biex jitneħħa kontenut terroristiku minn fuq l-internet fi żmien siegħa. Ir-regoli l-ġodda qed jiġu ppreżentati ġimgħa qabel il-Laqgħa Informali f'Salzburg fejn il-mexxejja tal-UE huma mistennija jiddiskutu s-sigurtà. Kull pjattaforma fuq l-internet li tixtieq toffri s-servizzi tagħha fl-Unjoni Ewropea se tkun soġġetta għal regoli ċari biex is-servizzi tagħhom ma jiġux użati ħażin biex ixerrdu kontenut terroristiku. Se jiġu introdotti wkoll salvagwardji b'saħħithom li jipproteġu l-libertà tal-espressjoni fuq l-internet u jiżguraw li kontenut terroristiku biss ikun fil-mira.

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza, Dimitris Avramopoulos qal: “Il-propaganda terroristika ma għandha l-ebda post fis-soċjetà tagħna – la onlajn u lanqas offlajn. Diġà għamilna progress importanti fit-tneħħija ta' kontenut terroristiku onlajn permezz tal-kooperazzjoni volontarja tagħna fil-Forum tal-UE dwar l-Internet. Iżda neħtieġu nżidu l-veloċità u l-effettività tagħna biex nibqgħu pass 'il quddiem – fl-UE. Ħafna mill-attakki riċenti fl-UE wrew kif it-terroristi jagħmlu użu ħażin mill-internet biex ixerrdu l-messaġġi tagħhom. Illum nistgħu ngħidu “mhux aktar” għal dan l-użu ħażin tal-internet.”

Il-Kummissarju għall-Unjoni tas-Sigurtà, Julian King qal: Ma teħlishiex ħafif jekk tqassam fuljetti li jinċitaw għat-terroriżmu fit-toroq tal-bliet tagħna – u dan anqas m'għandu jkun possibbli li jsir fuq l-internet. Filwaqt li għamilna progress dwar it-tneħħija ta' kontenut terroristiku onlajn permezz ta' sforzi volontarji, dan ma kienx biżżejjed. Jeħtieġ li nipprevjenuh milli jiġi mtella' u, fejn jitfaċċa, niżguraw li jinteħħa malajr kemm jista' jkun – qabel ma jkun jista' jagħmel dannu serju.”

Il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, Mariya Gabriel, żiedet: “Dan ir-Regolament huwa tweġiba għat-tħassib taċ-ċittadini. Aħna nipproponu regoli speċifiċi għal kontenut terroristiku li huwa partikolarment ta' ħsara għas-sigurtà tagħna u għall-fiduċja diġitali. Dak li huwa illegali offlajn huwa wkoll illegali onlajn. L-UE tkompli tibqa' involuta sabiex jinbena internet aktar sikur, iċċentrat madwar il-bniedem u bbażat fuq il-valuri tagħna.”

Il-kontenut terroristiku għadu jeżisti u jiċċirkola fuq l-internet, u jirrappreżenta riskju reali ħafna għas-soċjetà Ewropea – f'Jannar 2018 biss, kważi 700 kontenut ġdid ta' propaganda uffiċjali ta' Da'esh kienu mqassma online.

Il-Kummissjoni diġà kienet qed taħdem fuq bażi volontarja ma' għadd ta' partijiet ikkonċernati – inkluż pjattaformi onlajn, Stati Membri u l-Europol – taħt il-Forum tal-UE dwar l-Internet biex tiġi limitata l-preżenza ta' kontenut terroristiku onlajn. F'Marzu l-Kummissjoni rrakkomandat għadd ta' azzjonijiet li għandhom jittieħdu minn kumpaniji u mill-Istati Membri biex din il-ħidma tissaħħaħ iktar. Filwaqt li dawn l-isforzi ġabu riżultati pożittivi, il-progress kumplessiv ma kienx biżżejjed.

Ir-regoli l-ġodda proposti mill-Kummissjoni se jgħinu jiżguraw li kontenut terroristiku onlajn jitneħħa malajr. Il-karatteristiċi ewlenin tar-regoli l-ġodda huma:

  • Ir-regola ta' siegħa: Il-kontenut terroristiku huwa ta' ħsara l-iktar fl-ewwel sigħat li jitfaċċa onlajn minħabba r-rapidità li biha jinfirex. Għal din ir-raġuni l-Kummissjoni qed tipproponi skadenza ta' siegħa li torbot legalment biex il-kontenut jitneħħa b'segwitu għal ordni ta' tneħħija mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti;
  • Definizzjoni ċara ta' kontenut terroristiku bħala materjal li jinċita jew jippromwovi t-twettiq ta' reati terroristiċi, jippromwovi l-attivitajiet ta' grupp terroristiku jew jipprovdi istruzzjonijiet f'tekniki għat-twettiq ta' reati terroristiċi;
  • Obbligu ta' dmir ta' diliġenza għall-pjattaformi kollha biex jiżguraw li dawn ma jintużawx b'mod ħażin għat-tixrid ta' kontenut terroristiku onlajn. Skont ir-riskju ta' kontenut terroristiku li jiġi mxerred permezz tal-pjattaformi tagħhom, il-fornituri tas-servizz se jkunu meħtieġa wkoll jieħdu miżuri proattivi – bħall-użu ta' għodod ġodda – biex jipproteġu aħjar lill-pjattaformi u l-utenti tagħhom minn abbuż terroristiku.
  • Kooperazzjoni miżjuda: Il-proposta twaqqaf qafas għal kooperazzjoni msaħħa bejn il-fornituri tas-servizzi tal-hosting, l-Istati Membri u l-Europol. Il-fornituri tas-servizzi u l-Istati Membri se jkunu mitluba jaħtru punti ta' kuntatt aċċessibbli 24/7 sabiex jiffaċilitaw is-segwitu ta' ordnijiet ta' tneħħija u r-riferimenti.
  • Salvagwardji iktar b'saħħithom: Il-fornituri ta' kontenut se jkunu jistgħu jistrieħu fuq mekkaniżmi effettivi ta' lment li l-fornituri kollha ta' servizz se jkollhom idaħħlu fis-seħħ. Meta l-kontenut jitneħħa mingħajr ġustifikazzjoni, il-fornitur tas-servizz se jkun meħtieġ li jerġa' jpoġġih lura kemm jista' jkun malajr. Rimedji ġudizzjarji effettivi se jkunu pprovduti wkoll mill-awtoritajiet nazzjonali u l-fornituri tal-pjattaformi u tal-kontenut se jkollhom id-dritt li jikkontestaw ordni ta' tneħħija. Għal pjattaformi li jużaw għodod ta' detezzjoni awtomatizzati, is-sorveljanza u l-verifika mill-bniedem għandhom ikunu fis-seħħ sabiex jipprevjenu tneħħijiet żbaljati;
  • Aktar trasparenza u responsabbiltà: It-trasparenza u s-sorveljanza se jkunu garantiti b'rapporti annwali ta' trasparenza meħtieġa mill-fornituri tas-servizzi u l-Istati Membri dwar kif jittrattaw kontenut terroristiku kif ukoll b'rappurtar regolari dwar miżuri proattivi meħuda;
  • Penali finanzjarji b'saħħithom u ta' deterrent: L-Istati Membri se jkollhom idaħħlu fis-seħħ penali effettivi, proporzjonati u dissważivi għan-nuqqas ta' konformità ma' ordnijiet biex jitneħħa kontenut terroristiku fuq l-internet. Fil-każ ta' nuqqasijiet sistematiċi li jitneħħa tali kontenut wara ordnijiet ta' tneħħija, fornitur ta' servizzi jista' jiffaċċja penali finanzjarji sa massimu ta' 4 % tal-fatturat globali tiegħu għall-aħħar sena kummerċjali.

Kuntest

Fil-Komunikazzjoni tagħha ta' Settembru 2017, il-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha li tissorvelja l-progress fil-ġlieda kontra l-kontenut illegali fuq l-internet u tivvaluta jekk humiex meħtieġa miżuri addizzjonali sabiex tiżgura d-detezzjoni u t-tneħħija malajr tal-kontenut illegali fuq l-internet, inkluż il-possibbiltà ta' miżuri leġiżlattivi sabiex jikkumplimentaw il-qafas regolatorju eżistenti.

Bħala segwitu, f'Marzu 2018 il-Kummissjoni rrakkomandat ġabra ta' miżuri operattivi li għandhom jittieħdu minn kumpaniji u mill-Istati Membri biex din il-ħidma tissaħħaħ iktar. Ir-rakkomandazzjonijiet japplikaw għall-forom kollha ta' kontenut illegali, bl-enfasi partikolari tkun fuq il-propaganda terroristika.

Sabiex tikkumbatti forom oħra ta' kontenut illegali bħal diskors ta' mibegħda illegali onlajn, kumpaniji kbar tal-IT (Facebook, Microsoft, Twitter, YouTube, Instagram, Google+, Snapchat u Dailymotion) huma firmatarji għall-Kodiċi ta' Kondotta. Il-kumpaniji impenjaw ruħhom li jivvalutaw u jekk meħtieġ ineħħu kontenut ksenofobiku u razzista malajr (maġġoranza tiegħu fi żmien 24 siegħa), li jgħinu lill-utenti biex jinnotifikaw id-diskors ta' mibegħda, u li jtejbu l-appoġġ lis-soċjetà ċivili u l-koordinazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali.

F'Ġunju 2018, il-mexxejja tal-UE fil- Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tagħhom laqgħu l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta leġiżlattiva biex ittejjeb id-detezzjoni u t-tneħħija ta' kontenut li jinċita l-mibegħda u t-twettiq ta' atti terroristiċi.

Għal iktar informazzjoni

Sit web tal-Istat tal-Unjoni 2018

Il-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tneħħi kontenut terroristiku minn fuq l-internet - Mistoqsijiet u Tweġibiet

Skeda informattiva: Ewropa li Tipproteġi: Il-ġlieda kontra l-kontenut terroristiku onlajn

Dokument legali: Regolament dwar il-prevenzjoni tat-tixrid ta' kontenut terroristiku onlajn

Skedi informattivi, dokumenti legali u dokumenti utli oħra kollha disponibbli hawnhekk

Stqarrija għall-Istampa: Ewropa li tipproteġi – il-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rispons tal-UE għal kontenut illegali onlajn (Marzu 2018)

Stqarrija għall-Istampa: Unjoni tas-Sigurtà – il-Kummissjoni żżid l-isforzi biex tindirizza l-kontenut illegali onlajn (Settembru 2017)

 

 

 

 

IP/18/5561

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar