Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej: Il-Kummissjoni tirreġistra l-inizjattiva “End the Cage Age”

Brussell, il-5ta' settembru 2018

Illum, il-Kulleġġ tal-Kummissarji ddeċieda li jirreġistra Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej bl-isem “End the Cage Age”.

L-objettivi ddikjarati tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini huma li jintemm “it-trattament inuman tal-annimali tar-razzett” li jinżammu fil-gaġeġ.L-organizzaturi qed jitolbu lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-użu ta': gaġeġ għat-tiġieġ tal-bajd, fniek, għawwietaq, tiġieġ tat-tnissil, tiġieġ tal-bajd riproduttivi, summien, papri u wiżż; gaġeġ tal-ħlas għall-ħnieżer nisa; mqajjel tal-ħnieżer nisa u mqajjel individwali għall-għoġġiela, fejn mhumiex diġà pprojbiti.

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirreġistra l-Inizjattiva tirrigwarda biss l-ammissibbiltà legali tal-proposta. Il-Kummissjoni ma analizzatx is-sustanza f'dan l-istadju.

Ir-reġistrazzjoni ta' din l-Inizjattiva se ssir fil-11 ta' Settembru 2018, u l-organizzaturi tagħha jibdew proċess ta' sena għall-ġbir ta' firem ta' appoġġ. Jekk l-inizjattiva tirċievi miljun dikjarazzjoni ta' appoġġ fi żmien sena, minn tal-anqas seba' Stati Membri differenti, il-Kummissjoni jkollha tirreaġixxi fi żmien tliet xhur. Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li ssegwi din it-talba jew le, u fiż-żewġ ċirkustanzi tkun mistennija li tispjega r-raġunament tagħha.

Sfond

L-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej ġew introdotti permezz tat-Trattat ta' Lisbona u tnedew bħala għodda li tistabbilixxi l-aġenda f'idejn iċ-ċittadini f'April 2012, mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej, li jimplimenta d-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

Ladarba tiġi rreġistrata formalment, Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tippermetti li miljun ċittadin minn mill-anqas kwart tal-Istati Membri tal-UE jistiednu lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tipproponi att legali f'oqsma fejn il-Kummissjoni għandha l-poter li tagħmel dan.

Il-kundizzjonijiet ta' ammissibbiltà, kif previsti permezz tar-Regolament dwar l-Inizjattiva, huma li l-azzjoni proposta ma tkunx taqa' manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali, li ma tkunx manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u li ma tmurx manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni.

Għal aktar informazzjoni

It-test sħiħ tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “End the cage Age” proposta (attiv mill-11 ta' Settembru)

Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej oħrajn li attwalment qegħdin jiġbru l-firem

Is-sit web tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

Ir-Regolament dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

Il-Forum tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

 

 

IP/18/5521

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar