Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-kummerċ bejn l-UE u l-Istati Uniti: Il-Kummissjoni Ewropea tirrakkomanda li tinqata' t-tilwima twila tad-WTO

Brussell, it-3ta' settembru 2018

Il-Kummissjoni qiegħda tirrakkomanda lill-Kunsill li jiftaħ negozjati mal-Istati Uniti sabiex tinqata' tilwima li ilha għaddejja fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) rigward l-esportazzjoni taċ-ċanga mill-Istati Uniti.

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li titlob mandat mill-Kunsill biex tiddiskuti mal-Istati Uniti r-reviżjoni tal-funzjonament ta' kwota eżistenti fuq l-importazzjoni taċ-ċanga ħielsa mill-ormoni fl-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata li tonora, kelma b'kelma u fl-ispirtu, id-Dikjarazzjoni Konġunta miftiehma fil-25 ta' Lulju bejn il-Presidenti Juncker u Trump, biex ivaraw fażi ġdida fir-relazzjoni kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti. Apparti l-implimentazzjoni tal-elementi speċifiċi identifikati fid-Dikjarazzjoni Konġunta, iż-żewġ naħat għandhom jagħmlu ħilithom ukoll biex isolvu kwistjonijiet kummerċjali oħra pendenti.

Il-Kummissarju għall-Agrikoltura, Phil Hogan, stqarr: “Billi titlob dan il-mandat mill-Kunsill, il-Kummissjoni qiegħda taqdi l-impenn li ħadet aktar kmieni din is-sena biex tindirizza ċerti punti ta' tħassib li tqajmu mill-Istati Uniti rigward il-funzjonament tal-kwota, b'soluzzjoni li tkun sodisfaċenti għaż-żewġ naħat u li tkun għalkollox bi qbil mar-regoli tad-WTO. B'hekk qegħdin nikkontribwixxu wkoll biex inħollu t-tensjonijiet bejn xaqliba u oħra tal-Atlantiku, skont il-ftehim li kiseb il-President Juncker f'Lulju li għadda. Aħna u nibagħtu din il-proposta lill-Kunsill, nixtieq inserraħ moħħ il-produtturi Ewropej li l-kwota diġà eżistenti taċ-ċanga skont il-Memorandum ta' Qbil se tibqa' eżattament fl-istess livell. Nixtieq ukoll inserraħ moħħ il-konsumaturi li dik l-istess kwota se tibqa' tkopri biss il-prodotti li jkunu konformi mal-istandards għoljin Ewropej tas-sikurezza alimentari u tas-saħħa, f'dan il-każ iċ-ċanga mhux ittrattata bl-ormoni biss.”

Fil-proposta tagħha lill-Kunsill, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li tiġi allokata lill-Istati Uniti parti mill-kwota eżistenti li hija disponibbli wkoll għall-esportaturi minn pajjiżi oħra.*

Fl-2009, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti kkonkludew Memorandum ta' Qbil (MtQ), li ġie rrevedut fl-2014, u li ppreveda soluzzjoni intermedja għal tilwima twila fi ħdan id-WTO rigward l-użu ta' ċerti ormoni li jippromwovu t-tkabbir fil-produzzjoni taċ-ċanga. Skont il-ftehim, l-UE fetħet kwota ta' 45 000 tunnellata ċanga mhux prodotta bl-ormoni għall-fornituri li jikkwalifikaw, fosthom l-Istati Uniti.

Ir-reviżjoni tal-MtQ talbitha l-amministrazzjoni preċedenti tal-Istati Uniti fl-2016, u minn dakinhar 'l hawn iż-żewġ naħat iddiskutew b'mod regolari l-punti ta' tħassib tal-Istati Uniti rigward l-implimentazzjoni tal-MtQ. L-għan tal-mandat ta' negozjar huwa li jiġu indirizzati dawk il-punti ta' tħassib, u li tinstab soluzzjoni li tkun sodisfaċenti għaż-żewġ naħat, bi qbil mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).

Kuntest

Fid-Dikjarazzjoni Konġunta tagħhom tal-25 ta' Lulju, il-President Juncker u l-President Trump ftiehmu li “jvaraw fażi ġdida fir-relazzjoni bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea”, ukoll permezz ta' sett ta' miżuri speċifiċi. Il-Kummissjoni Ewropea ilha ssegwi u taħdem fuq l-elementi differenti ta' dik id-dikjarazzjoni, speċifikament dwar iż-żieda tal-kummerċ fil-fażola tas-sojja u fil-gass naturali likwifikat (LNG).

Għal aktar tagħrif

Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerka dwar l-Importazzjoni taċ-Ċanga ta' Kwalità Għolja minn annimali li ma jkunux ġew ittrattati b'ċerti ormoni tat-tkabbir

 

* Aġġornat fil-11/10/2018, fis-17:10

IP/18/5481

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar