Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Finanzi Sostenibbli: Il-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli jippreżenta pjan direzzjonali għal ekonomija aktar ħadra u aktar nadifa

Brussell, il-31ta' jannar 2018

Il-Kummissjoni Ewropea tilqa' r-rapport finali mill-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli tagħha dwar il-Finanzi Sostenibbli (HLEG), li jistabbilixxi rakkomandazzjonijiet strateġiċi għal sistema finanzjarja li sservi ta' forċina għall-investimenti sostenibbli.

Il-Kummissjoni, issa se tgħaddi biex tiffinalizza l-istrateġija tagħha dwar il-finanzi sostenibbli abbażi ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet. It-twettiq fil-prattika ta' strateġija tal-UE dwar il-finanzi sostenibbli hija azzjoni prijoritarja tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (USK) tal-Kummissjoni, kif ukoll wieħed mill-passi ewlenin fid-direzzjoni tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi, li kien wieħed storiku, u tal-Aġenda tal-UE għall-iżvilupp sostenibbli. Sabiex niksbu l-miri tal-UE għall-2030 li kien hemm qbil dwarhom f'Pariġi, inkluż it-tnaqqis b'40% tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, neħtieġu madwar EUR 180 biljun f'investimenti addizzjonali kull sena. Is-settur finanzjarju għandu rwol ewlieni x'jaqdi sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu, peress li jistgħu jkunu mobilizzati ammonti kbar ta' kapital privat għal investimenti sostenibbli ta' dan it-tip. Il-Kummissjoni hija ddeterminata li tkun fit-tmun tal-ħidma dinjija f'dan il-qasam u tagħti daqqa t'id lill-investituri konxji mis-sostenibbiltà biex jagħżlu proġetti u kumpaniji adattati.

Valdis Dombrovskis, il-Viċi President inkarigat mill-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali qal: “L-iffirmar tal-Ftehim ta' Pariġi fl-2015 kien sinjal ta' mument kruċjali għad-dinja u għall-ekonomija globali. Issa qbadna t-triq lejn soċjetà b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, li fiha l-enerġija rinnovabbli u t-teknoloġiji intelliġenti jtejbulna l-kwalità ta' ħajjitna, jixprunaw il-ħolqien tax-xogħol u t-tkabbir, bla ma jagħmlu ħsara lill-pjaneta tagħna. Il-finanzi għandhom rwol kbir x'jaqdu fil-finanzjament ta' ġejjieni sostenibbli. Nilqa' l-ħidma notevoli tal-HLEG li hija kontribut eċċellenti għall-istrateġija futura tagħna.”

Jyrki Katainen, il-Viċi President inkarigat mill-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività qal: “L-UE diġà tinsab fuq quddiem meta niġu għall-investiment fl-effiċjenza fir-riżorsi u fl-infrastruttura soċjali, b'mod partikolari bis-saħħa tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u l-attenzjoni msaħħa tiegħu fuq l-azzjoni klimatika. Fl-istess waqt, sabiex tinkiseb tranżizzjoni fid-direzzjoni ta' ekonomija ċirkolari aktar nadifa u aktar effiċjenti fir-riżorsi, huwa kruċjali li jinħoloq qafas ta' abilitazzjoni għall-investituri privati. Ir-rapport finali tal-HLEG jagħtina pjan direzzjonali sabiex isir proprju dan u aħna nilqgħu l-kontribut prezzjuż tagħhom għal din il-kwistjoni ferm importanti.”

Ir-rapport finali tal-lum mill-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli jiddefinixxi l-isfidi u l-opportunitajiet affaċċjati mill-UE biex tiżviluppa politika ta' finanzi sostenibbli. Dan jidentifika modi li bihom is-settur finanzjarju jista' jikkollega ruħu mill-ġdid mal-ekonomija reali biex ikun ta' forċina fit-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar effiċjenti fir-riżorsi u aktar ċirkolari. L-argument imressaq mill-grupp huwa li jekk il-flussi tal-investiment ikunu orjentati mill-ġdid lejn proġetti sostenibbli fuq żmien twil, dan se jtejjeb ukoll l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

Ir-rapport jipproponi:

  • sistema ta' klassifikazzjoni, jew “tassonomija” sabiex fis-suq ikun hemm ċarezza dwar dak li huwa “sostenibbli”

  • li jkunu ċċarati d-dmirijiet tal-investituri fejn tidħol il-kisba ta' sistema finanzjarja aktar sostenibbli

  • li tittejjeb id-divulgazzjoni mill-kumpaniji u l-istituzzjonijiet finanzjarji dwar kif is-sostenibbiltà qed tiġi inkorporata fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom

  • tikketta fl-UE kollha għall-fondi ta' investiment ekoloġiku

  • li s-sostenibbiltà ssir parti mill-mandati tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE)

  • standard Ewropew għall-bonds ħodor.

Ir-rapport tal-grupp se jsawwar il-bażi tal-Pjan komprensiv ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar il-finanzi sostenibbli li l-Kummissjoni se tressaq fil-ġimgħat li ġejjin. Kemm il-konklużjonijiet tar-rapport kif ukoll il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni se jiġu diskussi f'konferenza ta' livell għoli fit-22 ta' Marzu 2018 fi Brussell.

Sfond

L-Unjoni Ewropea ħadet it-tmun f'idejha f'dak li jirrigwarda l-isforzi sabiex tinbena sistema finanzjarja li ssostni t-tkabbir sostenibbli. Fl-2015, ġew stabbiliti ftehimiet internazzjonali storiċi permezz tal-adozzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u tal-Aġenda 2030 tan-NU u l-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima. L-UE stabbiliet, għaliha stess, miri ambizzjużi rigward il-klima, l-ambjent u s-sostenibbiltà, bis-saħħa tal-qafas dwar l-Enerġija u l-Klima għall-2030 tagħha, l-Unjoni tal-Enerġija u l-Pjan ta' Azzjoni tagħha għall-Ekonomija Ċirkolari.

Dawn l-impenji, u s-sensibilizzazzjoni li qed tikber dwar l-urġenza biex l-isfidi ambjentali u r-riskji għas-sostenibbiltà jkunu indirizzati, jitolbu strateġija effettiva mill-UE dwar il-finanzi sostenibbli. Il-Kummissjoni stabbiliet il-Grupp indipendenti ta' Esperti ta' Livell Għoli f'Diċembru 2016. Dan huwa magħmul minn 20 espert ta' livell għoli mis-soċjetà ċivili, mis-settur finanzjarju, mill-isfera akkademika u osservaturi mill-istituzzjonijiet Ewropej u internazzjonali. Il-Grupp huwa ppresedut minn Christian Thimann.

Il-ħidma fuq għadd ta' rakkomandazzjonijiet ewlenin li jinsabu fir-rapport ilha li bdiet ġmielha, billi dawn ġew diskussi fir-rapport interim tal-grupp tat-13 ta' Lulju 2017. Il-Kummissjoni pproponiet li fil-mandati tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej jiddaħħlu l-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza (il-fatturi ASG). Il-Kummissjoni wettqet ukoll, bejn it-13 ta' Novembru 2017 u t-22 ta' Jannar 2018, konsultazzjoni pubblika dwar id-dmirijiet tal-investituri istituzzjonali u tal-maniġers tal-assi fir-rigward tas-sostenibbiltà.

L-HLEG qies il-ħidma ta' rilevanza dwar l-aspetti klimatiċi, ambjentali u l-finanzi sostenibbli. Din tinkludi: il-Linji gwida dwar ir-rappurtar mhux finanzjarju adottati mill-Kummissjoni Ewropea fis-26 ta' Ġunju 2017; u r-rapport bir-rakkomandazzjonijiet finali ppubblikat mit-Task Force mmexxija mill-industrija dwar id-Divulgazzjonijiet Finanzjarji relatati mal-Klima (TCFD - Task Force on Climate-related Financial Disclosures) fid-29 ta' Ġunju 2017. Il-grupp wettaq ukoll konsultazzjoni pubblika sabiex jinġabru l-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati u jinfurmaw ir-rakkomandazzjonijiet finali tagħhom.

IP/18/542

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar