Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Konsultazzjoni dwar il-Ħin tas-Sajf: 84 % jixtiequ li l-Ewropa ma tibqax iddawwar is-siegħa

Brussell, il-31ta' awissu 2018

Illum il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ir-riżultati preliminari tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-bidla fil-ħin fl-Ewropa.

Din il-konsultazzjoni pubblika, li saret mill-4 ta' Lulju sas-16 ta' Awwissu 2018, irċeviet 4.6 miljun tweġiba mit-28 Stat Membru, jiġifieri l-ogħla għadd ta' tweġibiet li qatt irċeviet konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni. Skont ir-riżultati preliminari (ara l-anness), 84 % mir-rispondenti huma favur li ma tibqax issir bidla fil-ħin darbtejn fis-sena.

Il-Kummissarju għat-Trasport, Violeta Bulc, ippreżentat dawn ir-riżultati preliminari lill-Kulleġġ tal-Kummissarji, li mbagħad għamlu l-ewwel diskussjoni fuq il-passi possibbli li jmiss. Il-Kummissarju Bulc stqarret: “Miljuni ta' Ewropej semmgħu leħinhom permezz tal-konsultazzjoni pubblika tagħna. Il-messaġġ huwa ċar għall-aħħar: 84 % ta' dawk li wieġbu jixtiequ li ma tibqax tiddawwar is-siegħa. Se nieħdu l-azzjoni xierqa, u nħejju proposta leġiżlattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li mbagħad jiddeċiedu flimkien.”

Ir-riżultati preliminari jindikaw ukoll li aktar minn tliet kwarti (76 %) mir-rispondenti jqisu li l-bidla fil-ħin darbtejn fis-sena hija esperjenza “negattiva ħafna” jew “negattiva”. Ir-rispondenti semmew tħassib marbut ma' impatti negattivi fuq is-saħħa, żieda fl-aċċidenti fit-toroq, jew in-nuqqas ta' ffrankar fl-enerġija bħala raġunijiet biex ma tibqax tiddawwar is-siegħa.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, daħħal il-kwistjoni tal-ħin tas-sajf fl-aġenda politika bħala parti mill-impenn tiegħu biex l-UE tieħu azzjoni kbira fuq il-kwistjonijiet il-kbar, filwaqt li jkun f'idejn l-Istati Membri li jieħdu deċiżjonijiet fejn ikunu jinsabu f'pożizzjoni aħjar biex jeħduhom. Il-konsultazzjoni pubblika dwar l-arranġamenti għall-bidla fil-ħin ġiet organizzata mill-Kummissjoni Ewropea bħala parti mill-valutazzjoni kontinwa tagħha tal-arranġamenti attwali dwar il-bidla fil-ħin fl-Ewropa. Issegwi r-riżoluzzjoni ta' Frar 2018 tal-Parlament Ewropew, kif ukoll talbiet mingħand l-Istati Membri, il-partijiet ikkonċernati u ċ-ċittadini.

Il-passi li jmiss

Ir-riżultati aħħarija tal-konsultazzjoni pubblika se jiġu ppubblikati fil-ġimgħat li ġejjin. Issa l-Kummissjoni se tressaq proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bil-għan li jinbidlu l-arranġamenti attwali tal-bidla fil-ħin.

Kuntest

Bejn l-4 ta' Lulju u s-16 ta' Awwissu 2018, il-Kummissjoni Ewropea organizzat konsultazzjoni pubblika bħala parti mill-valutazzjoni kontinwa tagħha tal-arranġamenti attwali dwar il-bidla fil-ħin fl-Ewropa. Il-konsultazzjoni kienet fil-forma ta' stħarriġ fuq l-internet li stieden il-fehmiet tal-Ewropej, speċifikament dwar l-esperjenza ġenerali tagħhom mal-bidla fil-ħin, jew il-preferenza tagħhom fuq għadd ta' alternattivi (jiġifieri, li s-sistema attwali tinżamm kif inhi, jew li titneħħa għalkollox madwar l-UE). Il-konsultazzjonijiet pubbliċi huma waħda mill-għodod li tuża l-Kummissjoni biex tivvaluta l-politiki tagħha, flimkien ma' elementi oħra bħal studji xjentifiċi. Fost konsultazzjonijiet prominenti oħra li saru fil-passat, kien hemm dawk dwar il-leġiżlazzjoni dwar l-Għasafar u l-Ħabitats (aktar minn 550,000 tweġiba), jew dwar il-modernizzazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni (aktar minn 322,000 tweġiba).

Il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri għandhom tradizzjoni twila ta' arranġamenti għall-ħin tas-sajf. Ħafna minn dawn imorru lura saħansitra għall-Ewwel u t-Tieni Gwerra Dinjija, jew għall-kriżi taż-żejt fis-sebgħinijiet. Mis-snin tmenin 'il quddiem, l-Unjoni Ewropea bdiet tadotta progressivament leġiżlazzjoni li permezz tagħha l-Istati Membri kienu jiftiehmu biex jikkoordinaw il-bidla fil-ħin sabiex ma jibqax ikun hemm skedi nazzjonali diverġenti. Mill-1996 'l hawn, l-Ewropej kollha jdawru l-arloġġ siegħa 'l quddiem fl-aħħar nhar ta' Ħadd ta' Marzu, u siegħa lura fl-aħħar Ħadd ta' Ottubru. L-għan tar-regoli tal-UE ma kienx li jiġi armonizzat ir-reġim tal-ħin fl-UE, iżda li jindirizzaw il-problemi li jinqalgħu, l-iktar għas-setturi tat-trasport u tal-loġistika, minħabba nuqqas ta' koordinazzjoni fl-applikazzjoni tal-bidliet fil-ħin matul is-sena.

B'mod parallel mal-arranġament tal-ħin tas-sajf fl-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri japplikaw tliet żoni tal-ħin jew ħinijiet standard differenti. Id-deċiżjonijiet dwar il-ħin standard huma kompetenza nazzjonali.

ANNESS

Ir-riżultati kollha huma preliminari u soġġetti għal tibdil

Rata ta' parteċipazzjoni f'kull Stat Membru (f'perċentwal tal-popolazzjoni nazzjonali):

Il-Ġermanja

3,79 %

L-Awstrija

2,94 %

Il-Lussemburgu

1,78 %

Il-Finlandja

0,96 %

L-Estonja

0,94 %

Ċipru

0,88 %

Is-Slovenja

0,73 %

Is-Slovakkja

0,60 %

Ir-Repubblika Ċeka

0,59 %

Franza

0,59 %

Il-Belġju

0,55 %

Il-Kroazja

0,52 %

L-Iżvezja

0,48 %

Il-Latvja

0,39 %

Il-Polonja

0,34 %

Il-Greċja

0,34 %

Il-Litwanja

0,34 %

Il-Portugall

0,33 %

Malta

0,25 %

L-Irlanda

0,24 %

L-Ungerija

0,21 %

Spanja

0,19 %

Il-Bulgarija

0,18 %

In-Netherlands

0,16 %

Id-Danimarka

0,11 %

L-Italja

0,04 %

Ir-Rumanija

0,04 %

Ir-Renju Unit

0,02 %

Liema mill-alternattivi li ġejjin tkun favorihom?

Image 1

X'inhi l-esperjenza ġenerali tiegħek mal-bidla fil-ħin?

Image 2

IP/18/5302

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar