Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Nixfa fl-Ewropa: Il-Kummissjoni tippreżenta miżuri addizzjonali b'appoġġ lill-bdiewa

Brussell, it-30ta' awissu 2018

Fid-dawl tad-diffikultajiet iffaċċjati mill-bdiewa Ewropej milquta minn nixfa dan is-sajf, il-Kummissjoni Ewropea tkompli taġixxi biex tipprovdi appoġġ prattiku lis-settur. Se tingħata aktar flessibbiltà biex il-bdiewa jiġu megħjuna jipprovdu biżżejjed għalf għall-annimali tagħhom.

Illum il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pakkett addizzjonali ta' azzjonijiet immirati sabiex tiżdied id-disponibbiltà tar-riżorsi għall-għalf għall-bhejjem, waħda mill-isfidi ewlenin li jiffaċċjaw il-bdiewa li qed iħabbtu wiċċhom mal-impatt tan-nixfa. Dan il-pakkett jikkomplementa l-miżuri diġà mħabbra fil-bidu ta' Awwissu.

Il-Kummissarju għall-Agrikoltura, Phil Hogan, qal: “Il-Kummissjoni rreaġixxiet malajr mal-ewwel sinjali ta' dawn l-avvenimenti klimatiċi estremi, u jien qed inkompli nsegwi s-sitwazzjoni mill-qrib. Ninsab f'kuntatt ma' ministri minn Stati Membri affettwati għaliex qegħdin nivvalutaw l-adegwatezza tal-azzjonijiet diġà fis-seħħ. Aħna llum qed nieħdu azzjoni supplementari li nemmen li se tipprovdi għajnuna lill-bdiewa Ewropej għal kontra n-nuqqas ta' għalf għall-annimali. Nilqa' b'sodisfazzjon id-dikjarazzjonijiet reċenti minn diversi Stati Membri li jinsabu lesti li jaġixxu għas-settur agrikolu tagħhom, u jien se nkompli naħdem magħhom biex niżgura li jużaw sal-massimu l-possibbiltajiet disponibbli, notevolment dawk fi ħdan il-Politika Agrikola Komuni.”

B'mod aktar speċifiku, id-derogi l-ġodda ppreżentati llum jikkonċernaw ċerti regoli dwar l-ekoloġizzazzjoni:

  • Il-possibbiltà li jikkunsidraw li jużaw l-għelejjel tax-xitwa li normalment jinżergħu fil-ħarifa għall-ħsad/għar-ragħa, bħala għelejjel intermedji (ipprojbiti bir-regoli attwali) jekk dawn ikunu intenzjonati għar-ragħa/għall-produzzjoni tal-għalf.
  • Il-possibbiltà li jinżergħu għelejjel intermedji bħala uċuħ puri (u mhux taħlita ta' għelejjel kif attwalment preskritta) jekk dawn ikunu intenzjonati għar-ragħa/għall-produzzjoni tal-għalf.
  • Il-possibbiltà li jitqassar il-perjodu minimu ta' 8 ġimgħat għall-għelejjel intermedji biex jippermettu li r-raħħala li jaħdmu r-raba' jiżirgħu l-uċuh tax-xitwa tagħhom wara l-għelejjel intermedji tagħhom.
  • Estensjoni tad-deroga adottata preċedentement għal Franza li titnaqqas l-art mistrieħa jew li tintuża għar-ragħa.

Ilum ġiet ippreżentata wkoll formalment il-proposta dwar pagamenti avvanzati ogħla, diġà mħabbra ftit ġimgħat ilu. Il-bdiewa diġà se jkunu jistgħu jirċievu sa 70 % tal-pagament dirett tagħhom u sa 85 % tal-pagamenti fil-qafas tal-iżvilupp rurali b'seħħ minn nofs Ottubru 2018, minflok jistennew sa Diċembru biex is-sitwazzjoni tal-fluss tal-flus tagħhom titjieb.

Dawn il-proposti saru minbarra d-dispożizzjonijiet diġà disponibbli għal tali ċirkustanzi. Fil-każijiet kollha, il-Kummissjoni tiżgura li dawn il-miżuri kollha jiġu implimentati b'mod proporzjonat filwaqt li jitqies it-tħassib ambjentali. Pereżempju, skont ir-regoli eżistenti dwar l-għajnuna agrikola mill-istat, tista' tingħata għajnuna sa 80 % tal-ħsara kkawżata min-nixfa (jew sa 90 % f'Żoni b'Restrizzjonijiet Naturali), suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet speċifiċi. Ix-xiri tal-għalf jista' jikkwalifika għall-għajnuna bħala ħsara materjali jew bħala telf ta' qligħ. Jista' jingħata wkoll kumpens għall-ħsara mingħajr il-ħtieġa li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata (l-hekk imsejħa “għajnuna de minimis”) b'ammmonti sa €15 000 għal kull bidwi fuq tliet snin. Jeżistu wkoll possibilitajiet ta' għajnuna fil-kuntest tal-iżvilupp rurali, inkluż pereżempju l-finanzjament tat-tiżrigħ mill-ġdid tal-mergħat jew il-kumpens għat-telf ta' dħul.

Il-proposti tal-lum ġew ippreżentati lill-Istati Membri miġbura waqt laqgħa tal-Kumitat. Għandhom jiġu vvutati fil-jiem li ġejjin u adottati formalment sal-aħħar ta' Settembru. Il-miżuri se japplikaw retroattivament.

Il-Kummissjoni tinsab f'kuntatt mal-Istati Membri kollha biex sal-31 ta' Awwissu tirċievi informazzjoni aġġornata tal-impatt tan-nixfa.

Għal iktar informazzjoni

Tħabbira dwar il-pagamenti bil-quddiem u l-ewwel derogi

Preżentazzjoni dwar l-impatt tan-nixfa fl-Ewropa

Bullettini dwar il-Monitoraġġ tar-Riżorsi Agrikoli (MARS)

IP/18/5301

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar