Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Sfida għaż-żgħażagħ li jħobbu l-lingwi: il-Kummissjoni Ewropea tniedi l-kompetizzjoni annwali tagħha tat-traduzzjoni għall-iskejjel

Brussell, il-31ta' awissu 2018

Id-dipartiment tat-traduzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea jistieden lill-istudenti minn madwar l-Ewropa kollha biex jittestjaw il-ħiliet tagħhom fit-traduzzjoni fit-12-il edizzjoni tal-kompetizzjoni annwali tiegħu tal-Juvenes Translatores.

Din is-sena, l-adolexxenti li jħobbu l-lingwi se jittraduċu test li għandu bħala suġġett il-wirt kulturali. It-tema ġiet magħżula fl-unur tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali, 2018.

Il-parteċipanti jistgħu jagħżlu li jittraduċu minn bejn kwalunkwe tnejn mill-552 kombinazzjoni lingwistika possibbli mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE. Is-sena l-oħra l-istudenti tal-iskola ttraduċew testi mill-Pollakk għall-Finlandiż, miċ-Ċek għall-Grieg, u mill-Kroat għall-Iżvediż, biex insemmu ftit mill-144 kombinazzjoni li ġew użati.

Il-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-baġit, ir-riżorsi umani u t-traduzzjoni, Günther H. Oettinger, qal: “L-ilsna huma fil-qalba tad-diversità tal-Ewropa u huma triq li twassalna biex nifhmu l-identità tagħna. Permezz ta' din il-kompetizzjoni, iż-żgħażagħ ifakkruna kemm verament aħna differenti, u li d-diversità tagħna hija waħda mill-akbar assi li għandna. Għalhekk nistieden lil kull min iħobb il-lingwi biex jipparteċipa, u jgħin biex nuru l-wirt kulturali lingwistiku tagħna u nkomplu nibnu fuqu”.

Biex jieħdu sehem fil-kompetizzjoni, l-iskejjel taż-żgħażagħ jeħtieġ li jsegwu l-proċess ta' reġistrazzjoni f'żewġ fażijiet.

L-ewwel, l-iskejjel sekondarji jridu jirreġistraw permezz tas-sit web http://ec.europa.eu/translatores. Ir-reġistrazzjoni tiftaħ fl-1 ta' Settembru 2018 u tibqa' sejra sal-20 ta' Ottubru 2018 f'nofsinhar, u tista' ssir bi kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE.

It-tieni, il-Kummissjoni Ewropea se tistieden total ta' 751 skola, magħżula b'mod aleatorju, biex jinnominaw minn tnejn sa ħames studenti biex jieħdu sehem fil-kompetizzjoni. L-istudenti jistgħu jkunu ta' kwalunkwe nazzjonalità u jridu jkunu twieldu fl-2001.

Il-kompetizzjoni se ssir fit-22 ta' Novembru, fl-istess ħin fl-iskejjel parteċipanti kollha.

Ir-rebbieħa — wieħed minn kull pajjiż — se jitħabbru fil-bidu ta' Frar 2019. Se jirċievu l-premji tagħhom fir-rebbiegħa tal-2019 waqt ċerimonja speċjali fi Brussell.

Matul iż-żjara tagħhom, l-istudenti se jkollhom iċ-ċans jiltaqgħu ma' tradutturi professjonali mid-dipartiment tat-traduzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea — in-nies li jkunu evalwaw it-traduzzjonijiet tagħhom — u jitkellmu dwar ix-xogħol fil-lingwi.

Sfond

Id-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ilu jorganizza l-kompetizzjoni tal-Juvenes Translatores (li bil-Latin tfisser “tradutturi żgħażagħ”) kull sena sa mill-2007. L-għan tagħha huwa li tippromwovi t-tagħlim tal-lingwi fl-iskejjel, u tagħti liż-żgħażagħ ħjiel ta' xi jfisser li tkun traduttur. Hija miftuħa għall-istudenti ta' 17-il sena fl-iskejjel sekondarji. Il-kompetizzjoni ispirat u ħeġġet lil xi wħud mill-parteċipanti biex ikomplu jistudjaw il-lingwi fil-livell universitarju u jsiru tradutturi professjonali. Il-kompetizzjoni tenfasizza wkoll id-diversità lingwistika kbira tal-Ewropa.

Għal aktar informazzjoni:

Il-websajt tal-Juvenes Translatores

Ritratti taċ-Ċerimonja tal-Premjijiet tal-2018

Segwi d-direttorat tat-traduzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fuq Twitter: @translatores

IP/18/5281

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar