Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Greċja tibda kapitolu ġdid wara l-konklużjoni tal-programm ta' appoġġ għall-istabbiltà tagħha

Brussell, I-20ta' awissu 2018

Il-Greċja kkonkludiet b'suċċess programm ta' tliet snin ta' appoġġ għall-istabbiltà tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) bil-post tagħha fil-qalba taż-żona tal-Euro u fl-Unjoni Ewropea żgurat.

Il-konklużjoni b'suċċess tal-programm hija xhieda tal-isforzi tal-poplu Grieg, tal-impenn tal-pajjiż għal riforma, u tas-solidarjetà tas-sħab Ewropej tagħha.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker qal: “Il-konklużjoni tal-programm ta' appoġġ għall-istabbiltà timmarka mument importanti għall-Greċja u għall-Ewropa. Filwaqt li s-sħab Ewropej urew is-solidarjetà tagħhom, il-poplu Grieg wieġeb għal kull sfida b'kuraġġ u b'determinazzjoni. Jien dejjem iġġilidt biex il-Greċja tibqa' fil-qalba tal-Ewropa. Hekk kif il-poplu Grieg jibda kapitolu ġdid fl-istorja tiegħu li tmur lura eluf ta' snin, huwa dejjem se jsib fija alleat, sieħeb u ħabib.”

Pierre Moscovici, il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana, qal: “Il-konklużjoni tal-programm ta' appoġġ għall-istabbiltà hija aħbar tajba kemm għall-Greċja kif ukoll għaż-Żona tal-Euro. Għall-Greċja u l-poplu tagħha, timmarka l-bidu ta' kapitolu ġdid wara tmien snin partikolarment diffiċli. Għaż-Żona tal-Euro, taqta' linja simbolika wara kriżi eżistenzjali. Ir-riformi estensivi li wettqet il-Greċja wittew it-triq għal irkupru sostenibbli: dan ta' min jieħu ħsiebu u jrid jinżamm biex il-poplu Grieg ikun jista' jisfrutta l-benefiċċji tal-isforzi u s-sagrifiċċji tiegħu. L-Ewropa se tkompli tappoġġa lill-Greċja.

Fl-ambitu tal-programm ta' appoġġ għall-istabbiltà, il-Greċja rċeviet total ta' €61.9 biljun f'self abbażi tal-implimentazzjoni ta' pakkett ta' riforma komprensiv u mingħajr preċedent. Il-programm ta' appoġġ għall-istabbiltà ħa approċċ ikkoordinat biex jindirizza kwistjonijiet li ilhom jeżistu u profondi li kkontribwew biex il-Greċja tesperjenza kriżi ekonomika.

IL-Greċja ħadet miżuri biex tiżgura s-sostenibbiltà fiskali tagħha, li wasslu biex il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika jgħaddi minn defiċit sinifikanti għal surplus fl-2017, li huwa pproġettat li jinżamm. Dawn il-miżuri ta' riforma u l-isforzi ta' konsolidazzjoni se jkollhom effetti kumulattivi tul iż-żmien, u b'hekk se jibqa' jkollhom impatt pożittiv fuq is-sostenibbiltà fiskali ferm lil hinn mill-konklużjoni mill-programm.

Is-settur finanzjarju issa jinsab f'pożizzjoni ħafna iktar b'saħħitha riżultat tal-operazzjonijiet ta' rikapitalizzazzjoni li kellhom suċċess, tar-riforma tal-governanza bankarja, u tal-ħidma biex tiġi implimentata strateġija li tnaqqas is-self improduttiv, li trid tiġi sostnuta.

L-effiċjenza u l-effikaċja tal-amministrazzjoni pubblika ġew imtejba, inkluż permezz tal-introduzzjoni ta' regoli ġodda dwar il-ħatra, il-valutazzjoni u l-mobbiltà tal-impjegati tas-settur pubbliku; it-twaqqif tal-Awtorità Indipendenti għad-Dħul Pubbliku; u miżuri biex jagħmlu s-sistema ġudizzjarja aktar effiċjenti.

Fl-aħħar, ġew implimentati miżuri strutturali importanti biex itejbu l-ambjent tan-negozju tal-Greċja u l-kompetittività sabiex jagħmlu l-Greċja destinazzjoni attraenti għall-investiment u jippermettu lin-negozji li diġà jeżistu jespandu, jinnovaw u joħolqu l-impjiegi; kif ukoll biex jistabbilixxu pensjonijiet sostenibbli u universali, kura tas-saħħa u sistemi ta' benefiċċju soċjali, inkluż skema ta' dħul minimu garantit.

Meta meħudin flimkien, dawn ir-riformi trasformattivi stabbilew il-pedamenti għal irkupru sostenibbli, filwaqt li implimentaw il-kundizzjonijiet fundamentali meħtieġa għal tkabbir sostenibbli, ħolqien ta' impjiegi u finanzi pubbliċi sodi fis-snin li ġejjin.

It-titjib tal-indikaturi ekonomiċi jikkonferma li filwaqt li għad hemm xogħol xi jsir, l-isforzi li ttieħdu diġà qed jipprovdu benefiċċji tanġibbli billi jirrestawraw l-ordni fil-finanzi pubbliċi filwaqt li jnaqqsu l-qgħad, u jiżguraw ritorn għat-tkabbir. It-tkabbir ekonomiku rkupra minn -5.5% fl-2010 għal 1.4% fl-2017 u huwa mistenni jibqa' madwar 2% fl-2018 u l-2019. Il-bilanċ fiskali għamel progress minn defiċit massiv ta' 15.1 % fl-2009 għal surplus ta' 0.8 % fl-2017 (li jikkorrispondi għal surplus primarju ta' 4.2 % f'termini tal-programm). Għalkemm il-qgħad għadu għoli b'mod inaċċettabbli, skont ċifri maħruġa dan l-aħħar mill-Awtorità Griega tal-Istatistika, il-qgħad naqas għal 19.5 % f'Mejju 2018, filwaqt li għall-ewwel darba minn Settembru 2011 laħaq livell ta' inqas minn 20 %.

Għall-Greċja, il-konklużjoni tal-programm timmarka t-tmiem ta' kapitolu u l-bidu ta' ieħor. Jeħtieġ li nibqgħu ffokati fuq l-indirizzar tal-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi li huma l-konsegwenzi tas-snin tal-kriżi. L-awtoritajiet Griegi jeħtieġ li jibqgħu responsabbli għar-riformi u jiżguraw l-implimentazzjoni sostnuta tagħhom, konformi ma' dak li ġie ddikjarat fil-laqgħa tal-Grupp tal-Euro tat-22 ta' Ġunju 2018. Dan huwa pass kruċjali fil-bini tal-fiduċja fis-suq u biex jissaħħaħ l-irkupru ekonomiku tal-Greċja, b'mod partikolari fil-perjodu li jiġi immedjatament wara l-programm.

Il-Greċja se tkun integrata bis-sħiħ fis-Semestru Ewropew ta' koordinazzjoni ta' politika ekonomika u soċjali biex jiġi żgurat li l-pajjiż u l-poplu tiegħu jiksbu l-benefiċċji sħaħ mill-isforzi li ttieħdu fl-aħħar snin. Fil-perjodu ta' wara l-programm, it-tlestija, il-provvediment u l-implimentazzjoni ta' riformi miftiehma skont il-programm se jkunu sorveljati wkoll permezz ta' qafas ta' sorveljanza msaħħa.

Is-Servizz ta' Sostenn għar-Riforma Strutturali tal-Kummissjoni se jkompli jassisti lill-awtoritajiet Griegi, fuq talba tagħhom, fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' riformi li jtejbu t-tkabbir.

 

Sfond

Il-Greċja ilha tibbenefika minn assistenza finanzjarja mis-sħab Ewropej tagħha mill-2010. L-awtoritajiet Griegi talbu programm ta appoġġ għall-istabbiltà tal-MES ġdid fit-8 ta' Lulju 2015. Fl-20 ta' Awwissu 2015, il-Kummissjoni Ewropea ffirmat, f'isem il-MES, Memorandum ta' Qbil għal programm ta' appoġġ għall-istabbiltà ta' tliet snin.

Fit-23 ta' Ġunju 2018, il-Grupp tal-Euro kkonferma li l-azzjonijiet kollha preċedenti taħt ir-raba' u l-aħħar rieżami tal-programm tal-appoġġ għall-istabbiltà kienu twettqu. Il-Grupp tal-Euro laħaq ukoll ftehim dwar pakkett b'saħħtu ta' miżuri dwar id-dejn, minbarra l-miżuri diġà fis-seħħ għal żmien qasir, biex jiżguraw li d-dejn tal-Greċja jkun sostenibbli fi żmien fit-tul. Fis-6 ta' Awwissu 2018, il-MES approva żborż finali ta' €15 biljun ta' assistenza finanzjarja.

B'kollox, €288.7 biljun f'self ġew ipprovduti lill-Greċja mill-2010. Dan jinkludi €256.6 biljun mis-sħab Ewropej tagħha u €32.1 biljun mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI).

B'mod parallel mal-programm tal-appoġġ għall-istabbiltà, il-Kummissjoni nediet il-pjan għal “Bidu Ġdid għall-Impjiegi u t-Tkabbir fil-Greċja” f'Lulju 2015 biex tiffaċilita lill-Greċja timmassimizza l-użu tagħha tal-fondi tal-UE biex tistabbilizza l-ekonomija tagħha u ssaħħaħ l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment. B'riżultat tal-miżuri eċċezzjonali adottati skont il-pjan, il-Greċja issa hija fost l-ogħla assorbituri tal-fondi tal-UE. Għall-perjodu 2014-2020, il-Greċja diġà rċeviet kważi EUR 16 biljun minn riżerva kbira ta' fondi tal-UE. Dan huwa ekwivalenti għal aktar minn 9 % tal-prodott domestiku gross annwali tal-2017 tal-Greċja.

Il-Greċja hija wkoll il-benefiċjarju ewlieni tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) tal-Pjan ta' Juncker, bħala sehem tal-PDG. Il-FEIS issa mistenni li jiskatta aktar minn €10 biljun f'investimenti u jappoġġa aktar minn 20,000 impriża żgħar u medja fil-Greċja.

Aktar informazzjoni

Skedi informattivi - Kapitolu ġdid għall-Greċja

Dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tat-22 ta' Ġunju 2018

Fuljett: Bidu ġdid għall-impjiegi u t-tkabbir fil-Greċja – Tliet snin wara

Aktar informazzjoni ġenerali dwar l-assistenza finanzjarja tal-UE lill-Greċja

Stqarrija għall-istampa - Il-Kummissjoni tappoġġja n-normalizzazzjoni fil-Greċja permezz tal-attivazzjoni ta' qafas ta' wara l-programm

IP/18/5002

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar