Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Istat tad-Dritt: Il-Kummissjoni tieħu l-pass li jmiss fil-proċedura ta' ksur biex tipproteġi l-indipendenza tal-Qorti Suprema Pollakka

Brussell, I-14ta' awissu 2018

Illum, il-Kummissjoni Ewropea iddeċidiet li tibgħat Opinjoni Motivata lill-Polonja rigward il-liġi Pollakka dwar il-Qorti Suprema.

Il-liġi l-ġdida Pollakka dwar il-Qorti Suprema tbaxxi l-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema li qed jippresjedu attwalment minn 70 għal 65, li tqiegħed 27 mit-72 imħallef tal-Qorti Suprema f'riskju li jiġu mġiegħla jirtiraw. Din il-miżura tapplika wkoll għall-Ewwel President tal-Qorti Suprema, li l-mandat ta' sitt snin tiegħu, stabbilit fil-Kostituzzjoni Pollakka, jiġi tterminat qabel iż-żmien.

Skont il-liġi, l-imħallfin attwali affettwati mill-età tal-irtirar iktar baxxa jingħataw l-opportunità li jitolbu estensjoni tal-mandat tagħhom mill-President tar-Repubblika, li tista' jingħata għal perjodu ta' tliet snin, u tiġġedded darba. Ma hemm l-ebda kriterju stabbilit għad-deċiżjoni tal-President u ma hemm l-ebda possibbiltà għal reviżjoni ġudizzjarja jekk it-talba tiġi miċħuda. Il-Kummissjoni temmen li l-introduzzjoni ta' konsultazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura (KNĠ) ma tikkostitwixxix salvagwardja effettiva, kif isostnu l-awtoritajiet Pollakki. L-opinjoni tal-KNĠ mhix vinkolanti u hija bbażata fuq kriterji vagi. Barra minn hekk, wara r-riforma tat-8 ta' Diċembru 2017, il-KNĠ issa huwa magħmul minn imħallfin membri maħtura mill-Parlament Pollakk, bi ksur tal-istandards Ewropej dwar l-indipendenza ġudizzjarja.

Il-Kummissjoni għamlet analiżi bir-reqqa tar-reazzjoni li waslet mingħand l-awtoritajiet Pollakki għall-Ittra ta' Intimazzjoni mibgħuta fit-2 ta' Lulju 2018 rigward il-Liġi dwar il-Qorti Suprema. Ir-reazzjoni tal-awtoritajiet Pollakki ma ttaffix it-tħassib legali tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea iżżomm il-pożizzjoni tagħha li l-liġi Pollakka dwar il-Qorti Suprema mhijiex kompatibbli mal-liġi tal-UE peress li ddgħajjef il-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja, inkluż il-pożizzjoni fissa tal-imħallfin, u b'hekk il-Polonja tkun qiegħda tonqos milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jinqara f'konnessjoni mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni għaldaqstant issa mxiet għall-istadju li jmiss tal-proċedura ta' ksur. L-awtoritajiet Pollakki issa għandhom xahar żmien biex jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ruħhom ma' din l-Opinjoni Motivata. Jekk l-awtoritajiet Pollakki ma jiħdux miżuri xierqa, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tirreferi l-każ lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Sfond

L-Istat tad-dritt huwa wieħed mill-valuri komuni li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea. Huwa mnaqqax fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, hija responsabbli skont it-Trattati sabiex tiggarantixxi r-rispett tal-istat tad-dritt bħala valur fundamentali tal-Unjoni tagħna u sabiex taċċerta li l-liġi, il-valuri u l-prinċipji tal-UE jiġu rispettati.

Żviluppi fil-Polonja wasslu lill-Kummissjoni Ewropea biex tiftaħ djalogu mal-Gvern Pollakk f'Jannar 2016 fil-Qafas tal-Istat tad-Dritt. Il-proċess huwa bbażat fuq djalogu kontinwu bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. Il-Kummissjoni żżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill infurmati regolarment.

Fid-29 ta' Lulju 2017 il-Kummissjoni nediet proċedura ta' ksur dwar il-Liġi Pollakka dwar il-Qrati Ordinarji, anki fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet dwar l-irtirar tagħha u l-impatt tagħhom fuq l-indipendenza tal-ġudikatura. Fl-20 ta' Diċembru 2017 il-Kummissjoni rreferiet dan il-każ lill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-każ huwa pendenti quddiem il-Qorti.

Fl-20 ta' Diċembru 2017, minħabba nuqqas ta' progress permezz tal-Qafas tal-Istat tad-Dritt, il-Kummissjoni invokat il-proċedura skont l-Artikolu 7(1) għall-ewwel darba u ppreżentat Proposta Motivata għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur serju tal-istat tad-dritt mill-Polonja. L-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jipprovdi li l-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza ta' erbgħa minn ħamsa tal-membri tiegħu, jiddetermina li jkun hemm riskju ċar ta' ksur serju minn Stat Membru tal-valuri komuni msemmija fl-Artikolu 2 tat-Trattat.

Fis-seduta dwar il-Polonja tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja fis-26 ta' Ġunju 2018, fil-kuntest tal-proċedura skont l-Artikolu 7(1), ma ingħatat l-ebda indikazzjoni mill-awtoritajiet Pollakki ta' miżuri li kienu se jittieħdu, li jindirizzaw il-preokkupazzjonijiet pendenti tal-Kummissjoni. Minħabba dan il-fatt, u n-nuqqas ta' progress dwar din il-kwistjoni fid-djalogu tal-Istat tad-Dritt mal-Polonja, fis-27 ta' Ġunju 2018 il-Kulleġġ tal-Kummissarji ddeċieda li jagħti s-setgħa lill-Ewwel Viċi President Frans Timmermans biex jiftaħ din il-proċedura ta' ksur, bi ftehim mal-President Juncker. Fit-2 ta' Lulju 2018, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ Ittra ta' Intimazzjoni, li fissret it-tħassib legali tal-Kummissjoni b'mod ċar. Fit-2 ta' Awwissu 2018, l-awtoritajiet Pollakki wieġbu għal din l-ittra ta' Intimazzjoni.

Dan il-ksur ma jwaqqafx id-djalogu li għaddej dwar l-istat tad-dritt mal-Polonja, li għadu l-kanal preferut tal-Kummissjoni għar-riżoluzzjoni tat-theddid sistemiku għall-istat tad-dritt fil-Polonja.

Għal iktar informazzjoni

Dwar il-proċedura ta' ksur b'mod ġenerali, ara MEMO/12/12

Stqarrija għall-istampa dwar l-Ittra ta' Intimazzjoni dwar il-liġi dwar il-Qorti Suprema

Stqarrija għall-istampa dwar il-Proposta Motivata, ir-Raba' Rakkomandazzjoni dwar l-Istat tad-Dritt, u l-proċedura ta' ksur rigward il-liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji

 

 

 

 

IP/18/4987

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar