Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà: Il-Kummissjoni tiftaħ sejħa ġdida għal proposti ta' proġetti

Brussell, I-10ta' awissu 2018

Il-Kummissjoni Ewropea qed tagħmel sejħa biex il-partijiet interessati jressqu ideat għal proġetti fil-qafas tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Mill-baġit tal-UE twarrbu €44 miljun għal proġetti magħżula li se jkunu miftuħa għaż-żgħażagħ kollha fl-Ewropa u lil hinn minnha.

Din hija l-ewwel waħda minn sensiela ta' sejħiet li bis-saħħa tagħhom minn tal-inqas 100,000 żagħżugħ u żagħżugħa se jkunu jistgħu jieħdu sehem fil-Korp sa tmiem l-2020.

Il-Kummissarju għall-Baġit u r-Riżorsi Umani, Günther H. Oettinger, stqarr: “Permezz ta' din is-sejħa l-ġdida fil-qafas tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, qed inżommu mal-impenn tagħna li noħolqu iktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jinvolvu ruħhom f'attivitajiet ta' solidarjetà. Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà huwa ffinanzjat mill-baġit tal-UE u huwa l-aqwa qafas għaż-żgħażagħ biex jitgħallmu, u biex jikkondividu u jużaw l-enerġija tagħhom għall-ġid komuni.”

Tibor Navracsics, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport qal: “Is-solidarjetà hija waħda mill-valuri ewlenin tal-Unjoni Ewropea. Iż-żgħażagħ fl-UE kollha dejjem urew ir-rieda tagħhom li jgħinu lil dawk fil-bżonn. Permezz tal-ħolqien ta' qafas apposta u permezz tal-allokazzjoni tal-finanzjament meħtieġ għall-perjodu 2018-2020, irridu nagħtuhom iktar opportunitajiet biex jinvolvu ruħhom, inkluża l-possibbiltà li jiffurmaw grupp ta' voluntiera u li joħorġu bl-ideat tagħhom stess għal proġetti ta' solidarjetà.”

Il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobbiltà tal-Ħaddiema, Marianne Thyssen, sostniet: “Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jgħin liż-żgħażagħ fl-iżvilupp professjonali tagħhom u fl-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol. Permezz tad-dimensjoni Ewropea qawwija tiegħu ta' solidarjetà, il-Korp huwa opportunità straordinarja għaż-żgħażagħ biex jiżviluppaw ħiliet interpersonali u biex jiksbu għarfien ġdid. Dan iwassal valur miżjud għalihom u għas-soċjetà inġenerali.”

Liema proġetti huma eliġibbli?

Is-sejħa li ġiet varata llum hija miftuħa għal firxa usa' ta' proġetti milli qatt qabel: minbarra l-volontarjat, it-traineeships u l-impjiegi fit-tul f'oqsma ta' solidarjetà, se jkunu eliġibbli l-proġetti li ġejjin:

  • L-organizzazzjonijiet se jkunu jistgħu joffru proġetti fuq medda qasira ta' żmien (minn ġimagħtejn sa xahrejn) għal timijiet ta' voluntiera. L-ewwel, ikun jeħtieġ li l-organizzazzjonijiet jirċievu tikketta tal-kwalità, li jistgħu japplikaw għaliha meta jridu billi jippreżentaw talba lill-aġenzija nazzjonali tal-Erasmus+, jew f'ċerti każijiet, lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.

  • Mhux biss il-korpi pubbliċi u privati stabbiliti fl-Istati Membri tal-UE jistgħu japplikaw għal finanzjament. Iż-żgħażagħ irreġistrati fil-Portal tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jkunu jistgħu jiffurmaw grupp ta' minn tal-inqas ħames parteċipanti u jorganizzaw attivitajiet ta' solidarjetà mmexxija miż-żgħażagħ stess.

  • Ċerti proġetti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà fil-qasam tal-volontarjat huma miftuħa wkoll għall-parteċipazzjoni ta' organizzazzjonijiet mhux tal-UE mill-Iżlanda, mil-Liechtenstein, min-Norveġja, mit-Turkija, mill-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u minn pajjiżi sħab oħra.

Il-passi li jmiss

Il-proġetti fil-qafas tas-sejħa għal proposti li ġiet varata llum jintgħażlu ladarba l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw formalment il-proposta tal-Kummissjoni, bħala segwitu għall-ftehim politiku tagħhom ta' Ġunju 2018. L-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet hija s-16 ta' Ottubru 2018, għajr għal proġetti ta' timijiet ta' voluntiera, li għandhom sat-18 ta' Frar 2019 biex japplikaw.

Sfond

Il-kundizzjonijiet dettaljati tas-sejħa għal proposti li ġiet varata llum, inklużi l-prijoritajiet u l-istruzzjonijiet għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għal kull proġett jistgħu jinstabu fil-Gwida tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà ġie varat f'Diċembru 2016. Minn dak iż-żmien 'il hawn, irreġistraw 72,000 żagħżugħ u żagħżugħa u madwar 7,000 minnhom huma involuti f'attivitajiet ta' solidarjetà.

F'Mejju 2017, il-Kummissjoni ressqet proposta biex talloka iktar minn €340 miljun lill-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, u biex issaħħaħ l-istruttura ġuridika tiegħu, sabiex b'hekk 100,000 żagħżugħ u żagħżugħa jkunu jistgħu jipparteċipaw sa tmiem l-2020. F'Ġunju 2018, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim politiku dwar din il-proposta, li issa trid tiġi adottata formalment minnhom it-tnejn. Sadanittant, jistgħu jsiru l-passi ta' tħejjija, inkluż il-varar tal-lum tas-sejħa għal proposti.

Fil-11 ta' Ġunju 2018, il-Kummissjoni ressqet il-proposta tagħha għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà lil hinn mill-2020, u allokat €1.26 biljun sabiex madwar 350,000 żagħżugħ u żagħżugħa jkunu jistgħu jieħdu sehem f'attività ta' solidarjetà.

Għal iktar informazzjoni

Insaħħu l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà: Dikjarazzjoni konġunta mill-Kummissarji Navracsics, Oettinger u Thyssen (is-27 ta' Ġunju 2018)

Skeda informattiva: The European Solidarity Corps in Action

Stqarrija għall-istampa: Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà: Il-Kummissjoni tipproponi aktar minn €340 miljun li jippermettu 100,000 kollokament f'impjieg sal-2020

Sejħa u gwida tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

Il-Portal tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

IP/18/4839

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar