Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Istatut tal-Imblukkar aġġornat li jappoġġa l-ftehim mal-Iran dwar il-qasam nukleari jidħol fis-seħħ

Brussell, is-6ta' awissu 2018

Hekk kif l-ewwel serje ta' sanzjonijiet tal-Istati Uniti li ġew imposti mill-ġdid fuq l-Iran tidħol fis-seħħ, l-Istatut tal-Imblukkar tal-UE aġġornat jidħol fis-seħħ fis-7 ta' Awwissu biex itaffi l-impatt tagħhom fuq l-interessi tal-kumpaniji tal-UE li jagħmlu negozju leġittimu fl-Iran.

L-Istatut tal-Imblukkar aġġornat huwa parti mill-appoġġ tal-Unjoni Ewropea għall-implimentazzjoni kontinwa, sħiħa u effettiva tal-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK) – il-ftehim mal-Iran dwar il-qasam nukleari, billi jsostni l-kummerċ u r-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-UE u l-Iran, li ġew normalizzati meta s-sanzjonijiet relatati mal-qasam nukleari tneħħew riżultat tal-PAKK.

Il-proċess tal-aġġornament tal-Istatut tal-Imblukkar ġie mniedi mill-Kummissjoni fis-6 ta' Ġunju 2018, meta din żiedet mal-kamp ta' applikazzjoni tagħha s-sanzjonijiet extraterritorjali li l-Istati Uniti qed timponi mill-ġdid fuq l-Iran. Segwa perjodu ta' skrutinju ta' xahrejn għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill. Peress li ħadd minnhom ma oġġezzjona, l-aġġornament ser jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali u ser jidħol fis-seħħ fis-7 ta' Awwissu.

Aktar informazzjoni dwar l-Istatut tal-Imblukkar

L-Istatut tal-Imblukkar jippermetti lill-operaturi tal-UE jirkupraw id-danni li joriġinaw minn sanzjonijiet extraterritorjali tal-Istati Uniti mill-persuni li jikkawżawhom u jannulla l-effett fl-UE ta' xi sentenzi ta' qrati barranin bbażati fuqhom. Jipprojbixxi wkoll lil persuni tal-UE milli jikkonformaw ma' dawn is-sanzjonijiet, sakemm ma jiġux awtorizzati li jagħmlu dan b'mod eċċezzjonali mill-Kummissjoni f'każ li n-nuqqas ta' konformità jkun ta' dannu serju għall-interessi tagħhom jew għall-interessi tal-Unjoni. L-awtorizzazzjonijiet se jsiru fuq il-bażi ta' kriterji miftiehma li se jinħarġu wkoll fis-7 ta' Awwissu.

Biex tgħin lill-kumpaniji tal-UE jimplimentaw l-aġġornament tal-Istatut tal-Imblukkar, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll Nota ta' Gwida biex tiffaċilita l-fehim tal-atti legali rilevanti.

Il-passi li jmiss

L-Unjoni Ewropea hija totalment impenjata favur l-implimentazzjoni kontinwa, sħiħa u effettiva tal-PAKK, sakemm l-Iran jirrispetta wkoll l-impenji tiegħu relatati mal-qasam nukleari. It-tneħħija tas-sanzjonijiet relatati mal-qasam nukleari li tippermetti n-normalizzazzjonijiet tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi mal-Iran, tikkostitwixxi partijiet essenzjali tal-PAKK. Fl-istess ħin, l-Unjoni Ewropea hija impenjata wkoll li żżomm kooperazzjoni mal-Istati Uniti, li jibqa' sieħeb u alleat ewlieni.

Minbarra l-miżura msemmija hawn fuq, l-UE, f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri rilevanti u sħab oħrajn, qed taħdem fuq miżuri konkreti bil-għan li jsostnu l-kooperazzjoni mal-Iran f'setturi ekonomiċi ewlenin, partikolarment fuq l-attivitajiet bankarji u l-finanzi, il-kummerċ u l-investiment, iż-żejt, u t-trasport.

Kuntest

Fit-8 ta' Mejju, il-President Trump iddeċieda li joħroġ lill-Istati Uniti mill-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK) u li jistabbilixxi mill-ġdid is-sanzjonijiet kollha li kienu tneħħew preċedentement permezz ta' dan il-ftehim. Is-sanzjonijiet tal-Istati Uniti se jidħlu fis-seħħ mill-ġdid wara perjodu ta' rallentament ta' 90 jum (li jintemm fis-6 ta' Awwissu 2018) għal ċerti sanzjonijiet u 180 jum (li jintemm fl-4 ta' Novembru 2018) għal oħrajn.

Fit-18 ta' Mejju, il-Kummissjoni nediet diversi miżuri biex tħares l-interessi tal-kumpaniji Ewropej li jinvestu fl-Iran u biex tippermetti lill-BEI jiffinanzja attivitajiet fl-Iran, li juri l-impenn tal-UE lejn il-PAKK.

Fis-6 ta' Ġunju, il-Kummissjoni Ewropea adottat l-aġġornamenti tal-Istatut tal-Imblukkar u tal-Mandat ta' Self Estern tal-BEI, li se jidħlu fis-seħħ fis-7 ta' Awwissu wara l-perjodu ta' nuqqas ta' oġġezzjoni ta' xahrejn.

Fis-6 ta' Lulju, saret laqgħa tal-Kummissjoni Konġunta tal-PAKK , li laqqgħet flimkien lill-UE, E3 (Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit), ir-Russja, iċ-Ċina u l-Iran fi Vjenna f'livell ministerjali u kienet preseduta mir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Federica Mogherini. Il-partijiet kollha li fadal fil-ftehim tennew l-impenn tagħhom għal implimentazzjoni sħiħa u kontinwa tal-ftehim dwar il-qasam nukleari. Huma appoġġaw l-isforzi riċenti biex jinżammu n-normalizzazzjoni tal-kummerċ u r-relazzjonijiet ekonomiċi mal-Iran u nnotaw ukoll l-isforzi tal-UE li taġġorna l-Istatut tal-Imblukkar biex tipproteġi lill-kumpaniji tal-UE.

Għal Aktar Informazzjoni

Dikjarazzjoni konġunta mir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Federica Mogherini u l-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-E3 dwar l-impożizzjoni mill-ġdid tas-sanzjonijiet mill-Istati Uniti minħabba l-irtirar tagħhom mill- Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (JCPOA).

MEMO Mistoqsijiet u Tweġibiet: id-dħul fis-seħħ tal-verżjoni aġġornata tal-Istatut dwar l-Imblukkar

Strument ta' Politika Barranija - sit elettroniku dedikat

Statut tal-Imblukkar + Anness aġġornat

Nota ta' Gwida

Regolament ta' Implimentazzjoni dwar il-kriterji

 

* Aġġornat fis-07/08/2018, 10:15

IP/18/4805

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar