Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni toffri aktar appoġġ lill-bdiewa Ewropej li qed iħabbtu wiċċhom nan-nixfiet

Brussell, it-2ta' awissu 2018

Il-Kummissjoni Ewropea qed tappoġġa lill-bdiewa Ewropej dan is-sajf, huma u jissieltu mad-diffikultajiet ta' nixfiet estremi.

Il-bdiewa se jkunu jistgħu jirċievu l-pagamenti diretti u tal-iżvilupp rurali tagħhom minn qabel u se jingħataw aktar flessibbiltà biex jużaw art li normalment ma tintużax għall-produzzjoni, biex jagħlfu l-annimali tagħhom.

Is-sitwazzjoni kontinwa u mtawla ta' nixfiet f'diversi pajjiżi tal-UE qed ikollha impatt sinifikanti fuq il-produzzjoni tal-għelejjel li jinħartu, kif ukoll tal-għalf tal-annimali li jista' jkollha wkoll impatt fuq it-trattament xieraq tal-annimali. Barra minn hekk, it-tnaqqis fil-livell tal-għalf tal-annimali qed ikollu impatt partikolari fuq id-dħul tal-bdiewa li jrabbu l-annimali, billi dan se jżid l-ispejjeż tal-fatturi tal-produzzjoni tagħhom jekk ikun hemm nuqqas ta' għalf aktar tard matul is-sena.

Il-Kummissarju għall-Agrikoltura, Phil Hogan, qal: “Ninsab imħasseb ħafna dwar dawn l-iżviluppi klimatiċi mtawla. Ikkuntattjajt għadd ta' ministri minn pajjiżi milquta biex niddiskutu s-sitwazzjoni u niksbu valutazzjonijiet aġġornati tal-impatt tagħha. Bħal dejjem, iI-Kummissjoni, hija lesta li tappoġġa bdiewa milquta min-nixfa bl-użu ta' għadd ta' strumenti, inklużi pagamenti bil-quddiem ogħla, derogi mir-rekwiżiti tal-ekoloġizzazzjoni u għajnuna mill-Istat. Il-Politika Agrikola Komuni diġà tipprovdi xibka ta' sikurezza għall-bdiewa li jkollhom iħabbtu wiċċhom ma' avvenimenti mhux previsti. Jiena ninkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha biex jikkunsidraw l-azzjonijiet u l-miżuri kollha possibbli previsti fil-leġiżlazzjoni tagħna.”

Minbarra appoġġ fil-qafas tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Politika Agrikola Komuni, ittieħdu żewġ deċiżjonijiet speċifiċi li jgħinu lill-bdiewa li qed jiffaċċaw in-nixfiet:

  • Pagamenti bil-quddiem ogħla: il-bdiewa diġà se jkunu jistgħu jirċievu sa 70 % tal-pagament dirett tagħhom u 85 % tal-pagamenti fil-qafas tal-iżvilupp rurali sa nofs Ottubru 2018, minflok jistennew sa Diċembru biex is-sitwazzjoni tal-fluss tal-flus tagħhom titjieb;
  • Derogi mir-rekwiżiti speċifiċi ta' ekoloġizzazzjoni, jiġifieri d-diversifikazzjoni tal-għelejjel u r-regoli dwar erjas b'fokus ekoloġiku fuq art mistrieħa, li jippermettu li t-tali art tintuża għall-produzzjoni tal-għalf tal-annimali. Qed tingħata wkoll kunsiderazzjoni għall-adozzjoni ta' aktar derogi b'rabta mal-ekoloġizzazzjoni biex il-bdiewa jkollhom aktar flessibbiltà biex jipproduċu l-għalf. Dawn il-miżuri se jkunu ta' benefiċċju partikolari għal dawk il-bdiewa li jrabbu l-bhejjem.

L-appoġġ eżistenti fil-qafas tal-PAK

Skont ir-regoli eżistenti dwar l-għajnuna agrikola mill-istat, tista' tingħata għajnuna sa 80 % tal-ħsara kkawżata min-nixfa (jew sa 90 % f'Żoni b'Restrizzjonijiet Naturali), suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet speċifiċi. Ix-xiri ta' għalf jista' jikkwalifika għall-għajnuna bħala ħsara materjali jew bħala telf ta' qligħ.

Jista' jingħata wkoll kumpens għall-ħsara mingħajr il-ħtieġa li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata (l-hekk imsejħa “għajnuna de minimis”). L-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna sa EUR 15 000 għal kull bidwi fuq perjodu ta' tliet snin.

Fir-rigward tal-Iżvilupp Rurali, hemm prevista firxa ta' possibbiltajiet fil-leġiżlazzjoni attwali tal-Politika Agrikola Komuni:

  • Meta Stat Membru jirrikonoxxi s-sitwazzjoni tan-nixfa bħala “diżastru naturali”, l-Istat Membru jista' jipprovdi appoġġ sa 100 % għar-restawr tal-potenzjal tal-produzzjoni agrikola li ġarrbet il-ħsara minħabba n-nixfa. Il-flus jistgħu jintużaw għal investimenti bħal pereżempju t-tiżrigħ mill-ġdid tal-mergħat. Din il-miżura tista' tiġi attivata b'mod retroattiv;
  • Il-bdiewa jistgħu jinnotifikaw lill-awtoritajiet nazzjonali rispettivi tagħhom dwar każijiet ta' ċirkostanzi eċċezzjonali, u l-Istat Membru tagħhom jista' jilliberawhom mill-impenji tagħhom bi skemi differenti. Pereżempju, il-bdiewa se jitħallew jużaw strixex ta' lqugħ għall-għalf;
  • L-Istati Membri jistgħu jappoġġjaw lill-bdiewa permezz ta' strumenti għall-ġestjoni tar-riskju. Pereżempju, dawn jistgħu jikkontribwixxu finanzjarjament għall-fondi mutwi biex iħallsu kumpens finanzjarju lill-bdiewa affettwati. Barra minn hekk, bdiewa li jesperjenzaw telf fid-dħul lil hinn minn 30 % tad-dħul medju annwali tagħhom se jirċievu kumpens finanzjarju.

L-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jimmodifikaw il-programm tal-iżvilupp rurali tagħhom darba fis-sena biex jinkludu waħda mill-miżuri deskritti hawn fuq.

Minbarra dawn il-miżuri u l-monitoraġġ kontinwu tas-sitwazzjoni tan-nixfa u l-impatt tagħha ma' satelliti Ewropej, il-Kummissjoni tinsab f'kuntatt mal-Istati Membri kollha biex tirċievi informazzjoni aġġornata tal-impatt tan-nixfiet fir-rebbiegħa u fis-sajf fuq il-bdiewa tagħhom. L-informazzjoni, li hija mitluba sal-31 ta' Awwissu, se tintuża biex tivvaluta l-adegwatezza u l-idoneità tar-rispons tal-Kummissjoni u biex tinforma kwalunkwe deċiżjoni dwar il-modifika tal-miżuri diġà meħuda jew b'rabta ma' kwalunkwe miżura addizzjonali li tista' tkun meqjusa xierqa.

Għal aktar informazzjoni

Bullettini dwar il-Monitoraġġ tar-Riżorsi Agrikoli (MARS)

IP/18/4801

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar