Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew: In-Netherlands issir il-wieħed u għoxrin pajjiż li jingħaqad mal-isforz komuni sabiex il-baġit tal-UE jitħares kontra l-frodi

Brussell, I-1ta' awissu 2018

Il-Kummissjoni Ewropea tikkonferma lin-Netherlands bħala l-wieħed u għoxrin Stat Membru li ngħaqad mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.

Illum, il-Kummissjoni Ewropea kkonfermat lin-Netherlands bħala l-wieħed u għoxrin Stat Membru tal-UE li ngħaqad mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) li se jkollu rwol prinċipali fil-ġlieda tal-kriminalità kontra l-baġit tal-UE bħall-frodi, il-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus jew frodi transfruntiera serja tal-VAT ta' aktar minn EUR 10 miljun. L-UPPE se jkun operazzjonali sa tmiem l-2020 fl-Istati Membri parteċipanti kollha.

Il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, Věra Jourová, qalet: “Il-kriminalità ma għandhiex fruntieri, għalhekk għandna naħdmu flimkien biex niġġilduha. Illum, jien nilqa' lin-Netherlands bħala membru ġdid tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Aktar ma jissieħbu pajjiżi, usa' tkun il-firxa milħuqa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, u aktar flus ikunu jistgħu jiġu rkuprati. Din hija r-raġuni għaliex inħeġġeġ lill-bqija tal-Istati Membri kollha biex jingħaqdu f'dan in-netwerk essenzjali fil-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni, b'tali mod li nkunu nistgħu niżguraw li kull ċenteżmu tal-baġit tal-UE jintefaq għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħna.”

L-Istati Membri li għadhom ma għażlux li jingħaqdu mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jistgħu jidħlu meta jridu wara l-adozzjoni tar-Regolament, jekk ikunu jixtiequ jagħmlu dan. Fl-14 ta' Ġunju 2018, Malta nnotifikat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tipparteċipa. Il-Kummissjoni qiegħda teżamina din in-notifika f'konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 331 TFUE u mistennija tiddeċiedi f'qasir żmien. Il-pajjiżi tal-UE segwenti diġà qegħdin jipparteċipaw fl-UPPE: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, Ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, Il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Portugall, Ir-Rumanija, is-Slovakkja, Spanja u s-Slovenja.

L-għamla tal-Bord tal-Għażla tal-UPPE

Illum il-Kummissjoni proponiet ukoll lista ta' kandidati għall-Bord tal-Għażla tal-UPPE, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Il-Bord tal-Għażla se jkun magħmul minn 12-il membru, li mistennija jibdew jaqdu l-funzjoni tagħhom f'Ottubru tal-2018. Il-kandidati magħżula se jkunu kollha ħadmu bħala ex membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Awdituri, bħala membri nazzjonali tal-Eurojust, membri tal-qrati supremi nazzjonali jew bħala prosekuturi u avukati ta' livell għoli. L-għażla tal-Kummissjoni hija bbażata fuq bilanċ ġeografiku, bilanċ bejn il-ġeneri u rappreżentazzjoni dovuta tal-ordinament ġuridiku tal-Istati Membri parteċipanti fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Il-Bord tal-Għażla tal-UPPE se jkun responsabbli għat-tfassil ta' lista preselettiva ta' kandidati għall-pożizzjoni ta' Kap Prosekutur Ewropew u biex jivvalutaw il-kwalifiki tal-kandidati qabel il-ħatra tagħhom mill-Kunsill.

Kuntest

Kull sena mill-inqas EUR 50 biljun ta' dħul mill-VAT jintilfu mill-baġits nazzjonali madwar l-Ewropa kollha permezz ta' frodi transfruntiera. Huwa għalhekk li, fl-2013, il-Kuummissjoni, taħt it-tmexxija tal-ex Kummissarju għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza Viviane Reding, ipproponiet li twaqqaf Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Din il-proposta mbagħad tmexxiet 'il quddiem f'Ġunju 2017 minn 20 Stat Membru permezz tal-mekkaniżmu ta' kooperazzjoni msaħħa.

L-UPPE se jiżgura li r-reati li jaffettwaw il-baġit tal-UE – inklużi l-frodi, il-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-frodi transfruntiera tal-VAT – jistgħu jiġu investigati b'mod aktar effettiv u malajr madwar l-UE. Huwa se jegħleb in-nuqqasijiet attwali u jindirizza l-frodi li jinvolvu fondi tal-UE ta' aktar minn EUR 10,000 u kif ukoll każijiet kumplessi ta' frodi tal-VAT transfruntiera, li jinvolvu dannu ta' aktar minn EUR 10 miljun. Biex jagħmel dan, l-UPPE se jaħdem id f'id mal-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u jikkoopera mill-qrib ma' korpi oħra tal-UE, bħall-Eurojust u l-Europol. F'Mejju 2018, il-Kummissjoni pproponiet regoli ġodda għall-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) biex huwa wkoll jissieħeb mill-qrib mal-Uffiċċju tal_Prosekutur Pubbliku Ewropew.

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-parteċipazzjoni tan-Netherlands fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se ssir applikabbli 20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali.

Struttura tal-UPPE:

 Graff2

Għal iktar informazzjoni

Il-MEMO: Mistoqsijiet Frekwenti dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

Infografika dwar il-kooperazzjoni msaħħa

Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonferma l-parteċipazzjoni tan-Netherlands fil-kooperazzjoni msaħħa dwar l-isttabbiliment tal-UPPE

Proposta għal Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill li taħtar il-membri ta' bord kif previst fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939.

Stqarrija għall-istampa: Il-Kummissjoni tipproponi regoli ġodda għall-OLAF bħala sieħeb mill-qrib tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

Sit web: Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

IP/18/4770

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar