Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-ġestjoni tal-migrazzjoni: Il-Kummissjoni telabora fuq il-kunċetti tal-iżbark u taċ-ċentri kkontrollati

Brussell, I-24ta' lulju 2018

.

Wara sejħa mill-mexxejja tal-UE fil-Kunsill Ewropew ta' Ġunju, il-Kummissjoni llum qed twessa' l-kunċett ta' ċentri kkontrollati kif ukoll il-miżuri li jistgħu jittieħdu fuq perjodu qasir biex titjieb il-ġestjoni tal-migranti li qed jiġu żbarkati fl-UE, u qed tagħti l-ewwel deskrizzjoni tat-triq possibbli 'l quddiem biex jitwaqqfu arranġamenti għal żbark reġjonali ma' pajjiżi terzi. Jenħtieġ li l-arranġamenti għall-iżbark reġjonali jkunu jidhru li qed jaħdmu id f'id mal-iżvilupp taċ-ċentri kkontrollati fl-UE: flimkien, jenħtieġ li ż-żewġ kunċetti jgħinu biex jiggarantixxu responsabbiltà reġjonali verament kondiviża, sabiex tinstab risposta għall-isfidi kumplessi tal-migrazzjoni.

Il-Kummissarju Avramopoulos qal: “Issa aktar minn qatt qabel neħtieġu soluzzjonijiet Ewropej komuni dwar il-migrazzjoni. Ninsabu lesti li nappoġġaw l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi biex jikkooperaw aħjar fl-iżbark ta' dawk salvati mill-baħar. Iżda biex dan iseħħ immedjatament fil-prattika, jeħtieġ li nkunu magħquda - mhux issa biss, iżda wkoll fuq medda twila ta' żmien. Jenħtieġ li naħdmu għal soluzzjonijiet sostenibbli.”

“Iċ-Ċentri Kkontrollati” fl-UE

Sabiex tittejjeb il-ġestjoni ordnata u effikaċi tal-persuni żbarkati fl-Unjoni Ewropea, il-mexxejja tal-UE appellaw għat-twaqqif ta' “ċentri kkontrollati” fl-UE. L-għan ewlieni se jkun biex jitjieb il-proċess ta' li jiddistingwi bejn individwi li huma fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali u migranti irregolari li ma għandhomx dritt jibqgħu fl-UE, filwaqt li titħaffef ir-ripatrijazzjoni.

Iċ-ċentri se jkunu ġestiti mill-Istat Membru ospitanti b'appoġġ sħiħ mill-UE u mill-Aġenziji tal-UE, u jista' jkunu ta' natura temporanja jew ad hoc, skont il-post. Il-karatteristiċi ewlenin ta' dawn iċ-ċentri huma:

  • appoġġ operattiv sħiħ b'timijiet tal-iżbark magħmula minn gwardji tal-fruntiera Ewropej, esperti dwar l-ażil, uffiċjali tal-iskrinjar tas-sigurtà u uffiċjali inkarigati mir-ritorn, bl-ispejjeż kollha koperti mill-baġit tal-UE;
  • ġestjoni rapida, sigura u effikaċi li tnaqqas ir-riskju ta' movimenti sekondarji u li tħaffef il-proċess biex jiġi ddeterminat l-istatus tal-persuna kkonċernata;
  • appoġġ finanzjarju sħiħ lill-Istati Membri li jivvolontarjaw biex jitkoprew l-ispejjeż operattivi u tal-infrastruttura; kif ukoll appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri li jaċċettaw it-trasferiment ta' dawk żbarkati (EUR 6,000 għal kull persuna).

Biex jiġi ppruvat dan il-kunċett, tista' titnieda mill-aktar fis possibbli fażi pilota li tapplika aproċċ flessibbli.

Il-Kummissjoni se tipprovdi wkoll punt ta' kuntatt ċentrali għall-koordinazzjoni fost l-Istati Membri li jkunu qed jieħdu sehem fl-isforzi ta' solidarjetà - bħala miżura temporanja sakemm tkun tista' tiġi stabbilita sistema żviluppata għal kollox fil-kuntest tar-riformi li għaddejjin bħalissa fis-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil.

Ara l-iskeda informattiva dwar iċ-ċentri kkontrollati fl-UE hawnhekk.

Arranġamenti għall-iżbark reġjonali

Minbarra t-twaqqif taċ-ċentri kkontrollati, il-mexxejja tal-UE talbu lill-Kummissjoni biex tesplora l-kunċett ta' arranġamenti għall-iżbark reġjonali f'kooperazzjoni mill-qrib mal-IOM u mal-UNHCR u fi sħubija ma' pajjiżi terzi.

L-objettiv ta' arranġamenti għall-iżbark reġjonali huwa li jiġi pprovdut żbark rapidu u sikur, fuq iż-żewġ naħat tal-Mediterran, tal-persuni salvati f'konformità mal-liġi internazzjonali, inkluż il-prinċipju ta' non-refoulement, u l-ġestjoni responsabbli tal-fażi ta' wara l-iżbark.

Il-karatteristiċi ewlenin tal-arranġamenti għall-iżbark reġjonali huma:

  • Regoli ċari għal kulħadd: Sabiex jitnaqqsu l-imwiet fuq il-baħar u jiġi żgurat żbark ordnat u prevedibbli, l-istati kostali kollha tal-Mediterran jenħtieġ li jiġu mħeġġa biex jistabbilixxu zoni ta' tiftix u salvataġġ kif ukoll Ċentri ta' Koordinazzjoni tas-Salvataġġ Marittimu (MRCCs - Maritime Rescue Coordination Centres);
  • Żviluppati mill-UNHCR u l-IOM, li se jgħinu biex jiġi żgurat li dawk li jiġu żbarkati jistgħu jirċievu protezzjoni jekk ikunu jeħtiġuha, inkluż permezz ta' skemi ta' risistemazzjoni; jew se jintbagħtu lura lejn il-pajjiżi ta' oriġini tagħhom jekk ma jkunux jeħtiġuha, inkluż permezz ta' programmi ta' ritorn volontarju assistit u ta' riintegrazzjoni mmexxija mill-IOM;
  • Sħubijiet fuq l-istess livell: ħidma ma' pajjiżi terzi interessati se tiġi xprunata fuq il-bażi ta' sħubiji eżistenti u se jiġi offrut appoġġ adattat għas-sitwazzjoni politika, soċjoekonomika u tas-sigurtà speċifika tagħhom;
  • L-ebda fattur li jattira: l-possibbiltajiet ta' risistemazzjoni mhux se jkunu disponibbli għall-persuni kollha fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali li jiżbarkaw, u l-punti ta' akkoljenza għandhom ikunu 'l bogħod kemm jista' jkun mill-punti ta' tluq irregolari;
  • L-ebda detenzjoni, l-ebda kamp: L-arranġamenti għall-iżbark reġjonali għandhom jipprovdu ġabra ta' proċeduri u ta' regoli stabbiliti sabiex l-iżbark u l-ġestjoni tal-fażi ta' wara l-iżbark jiġi żgurat li jseħħu b'mod sikur u ordnat b'rispett sħiħ tal-liġi internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem;
  • Appoġġ finanzjarju u loġistiku tal-UE: L-UE lesta li tipprovdi appoġġ finanzjarju u operattiv għall-iżbark u għall-attivitajiet ta' wara l-iżbark, kif ukoll għall-ġestjoni tal-fruntieri permezz ta' tagħmir, taħriġ u forom oħra ta' appoġġ.

Ara l-iskeda informattiva dwar l-arranġamenti għall-iżbark reġjonali hawnhekk.

Il-Passi li Jmiss

Fil-laqgħat tal-Ambaxxaturi ta' għada, il-25 ta' Lulju, huwa mistenni jiġi diskuss l-kunċett taċ-ċentri kkontrollati fl-UE u l-possibbiltà li jintuża malajr qafas temporanju għall-iżbark ta' dawk salvati mill-baħar fl-UE.

Il-ħidma fuq arranġamenti ta' żbark reġjonali se tiġi diskussa fil-laqgħa ta' għada u huwa mistenni li se tkompli tiġi diskussa f'laqgħa mal-IOM u mal-UNHCR f'Ġinevra fit-30 ta' Lulju 2018. Huwa biss wara li jseħħ ftehim dwar l-approċċ komuni tal-UE li jsiru proposti lil pajjiżi terzi interessati.

Il-kuntest

Il-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tat-28-29 ta' Ġunju stieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jesploraw b'ħeffa l-kunċett ta' “pjattaformi ta' żbark reġjonali, f'kooperazzjoni mill-qrib ma' pajjiżi terzi rilevanti, kif ukoll mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR - United Nations High Commissioner for Refugees) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM - International Organisation for Migration).

Il-Kunsill Ewropew appella wkoll għall-iżvilupp ta' “ċentri kkontrollati” fuq it-territorju tal-UE - approċċ ġdid ibbażat fuq l-isforzi kondiviżi biex jiġu ġestiti l-persuni li, wara li jiġu salvati mill-baħar, jiġu żbarkati fl-UE.

Għal iktar informazzjoni

Dokument informali dwar “iċ-ċentri kkontrollati” fl-UE

Dokument informali dwar l-arranġamenti għall-iżbark reġjonali

Skeda informattiva dwar “iċ-ċentri kkontrollati” fl-UE

Skeda informattiva dwar l-arranġamenti għall-iżbark reġjonali

Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, it-28 ta' Ġunju 2018

IP/18/4629

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar