Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Antitrust: Il-Kummissjoni timmulta 4.34 biljuni lill-Google għal prattiki illegali b'rabta ma' apparat mobbli Android biex tqawwi d-dominanza tal-magna tat-tiftix tal-Google

Brussell, it-18ta' lulju 2018

Il-Kummissjoni Ewropea mmultat 4.34 biljuni lil Google għal ksur tar-regoli dwar l-antitrust. Mill-2011 il-Google imponiet restrizzjonijiet illegali fuq il-manifatturi ta' apparat Android u l-operaturi tan-netwerk mobbli biex tqawwi l-pożizzjoni dominanti tagħha fit-tiftix ġenerali fuq l-internet.

Issa l-Google trid ittemm din l-imġiba b'mod effettiv fi żmien 90 jum jew tiffaċċja ħlasijiet ta' penali li jammontaw sa 5% tal-fatturat dinji medju li tagħmel kuljum il-kumpanija Alphabet, li hija l-kumpanija omm tal-Google.

Il-Kummissarju Margrethe Vestager, responsabbli mill-politika tal-kompetizzjoni, sostniet: “Illum l-internet mobbli jikkostitwixxi aktar minn nofs it-traffiku globali fuq l-internet. Dan bidel il-ħajja ta' miljuni ta' Ewropej. Il-każ tagħna jittratta tliet tipi ta' restrizzjonijiet li l-Google imponiet fuq manifatturi ta' apparat Android u fuq operaturi tan-netwerk biex tiżgura li t-traffiku fuq l-apparat Android imur fuq il-magna tat-tiftix tal-Google. B'dan il-mod, il-Google użat l-Android bħala mezz biex tqawwi d-dominanza tal-magna tat-tiftix tagħha. Dawn il-prattiki ċaħħdu lir-rivali tagħha mill-opportunità li jinnovaw u jikkompetu fuq il-merti tagħhom. Ċaħħdu lill-konsumaturi Ewropej mill-benefiċċji ta' kompetizzjoni effettiva fl-isfera mobbli li tant hija importanti. Dan huwa illegali skont ir-regoli dwar l-antitrust tal-UE.”

B'mod partikolari, il-Google:

  • obbligat lill-manifatturi jinstallaw minn qabel l-applikazzjoni Google Search u l-applikazzjoni tal-brawżer (Chrome) bħala kundizzjoni biex tagħti l-liċenzja għall-ħanut tal-applikazzjonijiet tal-Google (Play Store);
  • ħallset lil ċerti manifatturi u operaturi tan-netwerk mobbli kbar bil-kundizzjoni li jinstallaw minn qabel l-applikazzjoni Google Search esklussivament fuq l-apparat tagħhom; u
  • ostakolat lill-manifatturi li jixtiequ jinstallaw minn qabel applikazzjonijiet tal-Google milli jbigħu apparat intelliġenti mobbli li jkun jaħdem b'verżjonijiet alternattivi tal-Android li ma kinux approvati mill-Google (jiġifieri b'”fergħat tal-Android”).

L-istrateġija tal-Google u l-ambitu tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-maġġoranza vasta tad-dħul tal-Google isir mill-prodott ewlieni tagħha, il-magna tat-tiftix Google. Il-kumpanija fehmet minn kmieni li l-qalba mill-kompjuters desktop lejn l-internet mobbli, li bdiet lejn f'nofs l-2000, kienet ser tkun bidla fundamentali għall-Google Search. Għaldaqstant, il-Google żviluppat strateġija biex tantiċipa din il-bidla u biex tiżgura li l-utenti jibqgħu jużaw il-Google Search anke fuq l-apparat mobbli tagħhom.

Fl-2005, il-Google xtrat l-iżviluppatur oriġinali tas-sistema operatorja mobbli Android u minn dakinhar issuktat bl-iżvilupp tagħha. Illum, madwar 80% tal-apparat intelliġenti mobbli fl-Ewropa, u fid-dinja, jaħdem bl-Android.

Meta l-Google tiżviluppa verżjoni ġdida tal-Android hija tippubblika l-kodiċi tas-sors onlajn. Dan il-prinċipju jippermetti lil partijiet terzi jniżżlu u jimmodifikaw dan il-kodiċi biex joħolqu fergħat tal-Android. Il-kodiċi tas-sors Android, li huwa aċċessibbli liberament, ikopri elementi bażiċi ta' sistema operatorja mobbli intelliġenti iżda mhux applikazzjonijiet tal-mowbajl u servizzi Android li huma proprjetà tal-Google. Il-manifatturi tal-apparat li jkunu jixtiequ jiksbu applikazzjonijiet u servizzi Android proprjetà tal-Google jeħtiġilhom jagħmlu kuntratti mal-Google, li permezz tagħhom il-Google timponi għadd ta' restrizzjonijiet. Il-Google daħlet f'kuntratti u applikat uħud minn dawn ir-restrizzjonijiet fuq ċerti operaturi ta' netwerk mobbli kbar, li jistgħu wkoll jiddeċiedu liema applikazzjonijiet u servizzi jiġu installati fuq apparat li jinbiegħ lill-utenti aħħarija.

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tikkonċerna tliet tipi speċifiċi ta' restrizzjonijiet kuntrattwali li l-Google imponiet fuq il-manifatturi tal-apparat u l-operaturi tan-netwerk. Dawn ippermettew lill-Google tuża l-Android bħala mezz biex tqawwi d-dominanza tal-magna tat-tiftix tagħha. Fi kliem ieħor, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tqajjimx dubju dwar il-mudell sors miftuħ jew is-sistema operattiva Android infishom.

Id-dominanza tal-Google

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tikkonkludi li l-Google hija dominanti fis-swieq tas-servizzi tat-tiftix ġenerali fuq l-internet, tas-sistemi operattivi liċenzjabbli ta' apparat intelliġenti mobbli u tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet għas-sistemi operatorji mobbli għall-Android.

Is-servizzi tat-tiftix ġenerali

Il-Google hija dominanti fis-swieq nazzjonali tat-tiftix ġenerali fuq l-internet madwar iż-żona Ekonomika Ewropea (iż-ŻEE), jiġifieri fil-31 pajjiż kollha taż-ŻEE. Il-Google għandha ishma ta' aktar minn 90% fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri taż-ŻEE. Jeżistu ostakli kbar għad-dħul f'dawn is-swieq. Din il-konklużjoni ntlħaqet ukoll fid-Deċiżjoni dwar il-Google Shopping ta' Ġunju tal-2017.

Liċenzji disponibbli għal sistemi operatorji mobbli intelliġenti

L-Android hija sistema operatorja mobbli intelliġenti liċenzjabbli. Dan ifisser li l-manifatturi terzi ta' apparat intelliġenti mobbli jistgħu jiksbu liċenzja u jħaddmu l-Android fuq l-apparat tagħhom.

Permezz tal-kontroll li għandha fuq l-Android, il-Google hija dominanti fis-suq dinji (għajr fiċ-Ċina) tas-sistemi operatorji mobbli intelliġenti u liċenzjabbli, b'sehem mis-suq ta' aktar minn 95%. Dawn huma ostakli kbar għad-dħul f'dawn is-swieq parzjalment minħabba l-effetti ta' netwerk: aktar ma jiżdiedu l-utenti li jużaw sistema operattiva intelliġenti partikolari, aktar l-iżviluppaturi jiktbu applikazzjonijiet għal dik is-sistema - li b'hekk tkompli tattira aktar utenti. Barra minn hekk, l-iżvilupp ta' sistema operatorja mobbli intelliġenti liċenzjabbli ta' suċċess jirrekjedi riżorsi sinifikanti.

Bħala sistema operattiva liċenzjabbli, l-Android hija differenti mis-sistemi operattivi użati esklussivament minn żviluppaturi integrati vertikalment (bħall-Apple iOS jew il-Blackberry). Dawn ma jagħmlux parti mill-istess suq għaliex ma jistgħux jiġu liċenzjati lil manifatturi ta' apparat ta' partijiet terzi.

Madanakollu, il-Kummissjoni investigat safejn il-kompetizzjoni għall-utenti aħħarija (downstream), partikolarment bejn l-apparat Apple u dak Android, tista' tillimita indirettament is-saħħa tas-suq tal-Google għal-liċenzjar ta' manifatturi ta' apparat Android (upstream). Il-Kummissjoni qieset li din il-kompetizzjoni ma trażżanx biżżejjed lill-Google fil-livell upstream għal għadd ta' raġunijiet, fost l-oħrajn:

  •          id-deċiżjonijiet tax-xiri tal-utent aħħari huma influwenzati minn varjetà ta' fatturi (bħall-karatteristiċi tal-ħardwer jew il-marka tal-apparat), li huma indipendenti mis-sistema operatorja mobbli;
  •          Tipikament l-apparat Apple huwa pprezzat ogħla mill-apparat Android u għaldaqstant jista' ma jkunx aċċessibbli għal parti kbira mill-bażi tal-utenti tal-apparat Android;
  •          L-utenti ta' apparat Android jiffaċċjaw kost għall-bdil meta jaqilbu għal apparat Apple, bħal pereżempju jitilfu l-applikazzjonijiet tagħhom, id-data u l-kuntatti, u jkollhom jitgħallmu jużaw sistema operattiva ġdida; u
  •          anke jekk l-utenti aħħarija kellhom jaqilbu minn apparat Android għal dak Apple, dan ikollu impatt limitat fuq in-negozju ewlieni tal-Google. Dan għaliex il-Google Search hija programmata bħala l-magna tat-tiftix difolt fuq l-apparat tal-Apple u għaldaqstant l-utenti tal-Apple x'aktarx li jibqgħu jużaw il-Google Search għat-tiftix tagħhom.

Ħwienet tal-applikazzjonijiet għas-sistema operatorja mobbli Android

Il-Google hija dominanti fis-swieq dinjija (għajr fiċ-Ċina) fil-qasam tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet għas-sistema operatorja mobbli Android. Il-ħanut tal-applikazzjonijiet tal-Google, il-Play Store, ibigħ aktar minn 90% tal-applikazzjonijiet li jitniżżlu fuq apparat Android. Dan is-suq huwa kkaratterizzat ukoll minn ostakli kbar għad-dħul. Għal raġunijiet simili għal dawk imniżżla hawn fuq, id-dominanza tal-ħanut tal-applikazzjonijiet tal-Google ma tinżammx lura mill-Apple App Store, li hija applikazzjoni disponibbli biss fuq l-apparat iOS.

Ksur tar-regoli tal-UE dwar l-antitrust

Fiha nfisha d-dominanza tas-suq mhijiex illegali skont ir-regoli tal-UE dwar l-antitrust. Madanakollu, il-kumpaniji dominanti għandhom responsabbiltà speċjali li ma jabbużawx mill-pożizzjoni qawwija li jkollhom fis-suq billi jrażżnu l-kompetizzjoni, kemm fis-suq li jkunu dominanti fih u lanqas fi swieq separati.

Il-Google involviet ruħha fi tliet tipi separati ta' prattiki li l-għan tagħhom kien it-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti tal-Google fit-tiftix ġenerali fuq l-internet.

1) Irbit illegali bejn l-applikazzjoni tat-tiftix u dik tal-ibbrawżjar tal-Google

Il-Google toffri l-applikazzjonijiet mobbli u s-servizzi tagħha lill-manifatturi ta' apparat bħala grupp, li jinkludi l-Google Play Store, l-applikazzjoni Google Search u l-brawżer Google Chrome. Il-kundizzjonijiet ta' liċenzjar tal-Google jagħmluha impossibbli li l-manifatturi jinstallaw minn qabel xi applikazzjonijiet partikolari mingħajr ma jieħdu oħrajn.

Bħala parti mill-investigazzjoni tal-Kummissjoni, il-manifatturi ta' apparat ikkonfermaw li l-Play Store hija applikazzjoni “li wieħed irid ikollu”, billi l-utenti jistennew li jsibuha installata minn qabel fuq l-apparat tagħhom (mhux l-anqas għaliex ma jkunux jistgħu iniżżluha legalment huma stess).

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni kkonkludiet li l-Google involviet ruħha f'żewġ ċirkostanzi ta' rbit illegali:

  •          Fl-ewwel waħda, l-irbit tal-applikazzjoni Google Search. B'riżultat ta' dan, il-Google żgurat li l-applikazzjoni tagħha tal-Google Search tiġi installata minn qabel fuq prattikament l-apparat Android kollu mibjugħ fiż-ŻEE. L-applikazzjoni tat-tiftix tirrapreżenta punt tad-dħul importanti għal talbiet ta' tiftix fuq apparat mobbli. Il-Kummissjoni qieset din l-imġiba ta' rbit bħala waħda illegali sa mill-2011, li hija d-data minn meta l-Google kisbet dominanza fis-suq tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet għas-sistema operatorji mobbli Android.
  •          It-tieni waħda, l-irbit tal-brawżer Google Chrome. Minħabba f'hekk il-Google żgurat li l-brawżer mobbli tagħha jiġi installat minn qabel fuq prattikament l-apparat Android kollu li jinbiegħ fiż-ŻEE. Il-brawżers jirrapreżentaw ukoll punt tad-dħul importanti għal tiftix fuq apparat mobbli u l-Google Search hija l-magna tat-tiftix difolt fuq il-Google Chrome. Il-Kummissjoni qieset li din l-imġiba ta' rbit ilha illegali sa mill-2012, li hija d-data minn meta l-Google inkludiet il-brawżer Chrome fil-grupp ta' applikazzjonijiet tagħha.

L-installazzjoni minn qabel tista' toħloq predispożizzjoni favur l-istatus quo. Dawk l-utenti li jsibu l-applikazzjonijiet tat-tiftix u l-ibbrawżjar installati minn qabel fuq l-apparat tagħhom x'aktarx li jibqgħu jużaw dawn l-applikazzjonijiet. Pereżempju, il-Kummissjoni skopriet evidenza li l-applikazzjoni Google Search hija konsistentement aktar użata fuq apparat Android, li fuqu tiġi installati minn qabel, milli fuq l-apparat Windows Mobile, fejn l-utenti jeħtiġilhom iniżżluhom. Dan juri wkoll li l-għadd ta' utenti li jniżżlu applikazzjonijiet f'kompetizzjoni ma' xulxin mhuwiex biżżejjed biex ikun ta' bilanċ għall-vantaġġ kummerċjali sinifikanti li jinkiseb permezz tal-installazzjoni minn qabel. Pereżempju, fl-2016:

  •          fuq l-apparat Android (fejn il-Google Search u l-Chrome ikunu installati minn qabel) aktar minn 95 % tat-talbiet kollha għal tiftix saru bil-Google Search, u
  •          fuq l-apparat Windows, (fejn il-Google Search u l-Chrome mhumiex installati minn qabel), anqas minn 25 % tat-talbiet kollha għal tiftix saru bil-Google Search. Aktar minn 75% tat-talbiet għal tiftix saru fuq il-magna tat-tiftix Bing tal-Microsoft, li hija installata minn qabel fuq l-apparat Windows Mobile.

Għaldaqstant, il-prattika tal-Google naqqset l-inċentivi tal-manifatturi li jinstallaw minn qabel l-applikazzjonijiet ta' tiftix u brawżers f'kompetizzjoni, kif ukoll l-inċentivi tal-utenti li jniżżlu applikazzjonijiet bħal dawn. Dan-naqqas il-kapaċità tar-rivali li jikkompetu b'mod effettiv mal-Google.

Il-Kummissjoni vvalutat ukoll bir-reqqa l-argumenti tal-Google li l-irbit tal-applikazzjoni Google Search u l-brawżer Chrome kien meħtieġ, b'mod partikolari biex jippermetti lill-Google timmonetizza l-investiment tagħha fl-Android u kkonkludiet li dawn l-argumenti ma kellhomx bażi. Il-Google għamlet miljuni ta' dollari fi dħul annwali bil-Google Play Store biss, hija tiġbor ħafna data li hija prezzjuża għan-negozju ta' tiftix u reklamar tal-Google mill-apparat Android, u kienet xorta tibbenefika minn fluss sinifikanti ta' dħul mir-reklamar mingħajr ebda restrizzjoni.

2) Ħlasijiet illegali bil-kundizzjoni ta' installazzjoni minn qabel esklussiva tal-Google Search

Il-Google tat inċentivi finanzjarji sinifikati lil uħud mill-akbar manifatturi ta' apparat kif ukoll lil operaturi ta' netwerks mobbli bil-kundizzjoni li jinstallaw minn qabel il-Google Search esklussivament fil-portafoll kollu tal-apparat Android tagħhom. Dan kien ta' ħsara għall-kompetizzjoni billi naqqas b'mod sinifikanti l-inċentivi li jiġu installati minn qabel l-applikazzjonijiet ta' tiftix rivali.

L-investigazzjoni tal-Kummissjoni wriet li magna tat-tiftix rivali ma kinitx tkun tista' tikkumpensa lil manifattur tal-apparat jew lil operatur ta' netwerk mobbli għat-telf tal-ħlasijiet mis-sehem tad-dħul mill-Google u xorta tagħmel profitt. Dan għaliex, anke jekk il-magna tat-tiftix rivali kienet installata minn qabel fuq ftit mill-apparat, dawn kien ikollhom jikkumpensaw lill-manifattur tal-apparat jew lill-operatur ta' netwerk mobbli għal telf fis-sehem tad-dħul mill-Google fuq l-apparat kollu.

F'konformità mas-sentenzi reċenti tal-qorti tal-UE fil-kawża Intel, il-Kummissjoni kkunsidrat, fost fatturi oħrajn, il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-inċentivi, l-ammont tagħhom, is-sehem mis-suq kopert minn dawn il-ftehimiet u t-tul ta' żmien tagħhom.

Fuq il-bażi ta' dan il-Kummissjoni qieset li l-imġiba tal-Google bejn l-2011 u l-2014 kienet illegali. Fl-2013 (wara li l-Kummissjoni bdiet titfa' ħarsitha fuq din il-kwistjoni), il-Google bdiet tirtira r-rekwiżit b'mod gradwali. Il-prattika illegali intemmet b'mod effettiv mill-2014.

Il-Kummissjoni qieset ukoll bir-reqqa l-argumenti tal-Google dwar in-neċessità tal-għoti ta' inċentivi finanzjarji għall-installazzjoni minn qabel tal-Google Search b'mod esklussiv fil-portafoll kollu tal-apparat Android. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ċaħdet il-verżjoni tal-Google li l-ħlasijiet fuq il-bażi tal-esklussività kienu neċessarji biex il-manifatturi tal-apparat u l-operaturi ta' netwerk mobbli jiġu konvinti jipproduċu apparat għall-ekosistema tal-Android.

3) Ostakolazzjoni illegali għall-iżvilupp u d-distribuzzjoni ta' sistemi operattivi Android rivali

Il-Google ostakolat il-manifatturi ta' apparat milli jużaw kwalunkwe verżjoni alternattiva tal-Android li ma kellhomx l-approvazzjoni tal-Google (fergħat tal-Android). Sabiex jinstallaw minn qabel l-applikazzjonijiet proprjetà tal-Google fuq l-apparat tagħhom, fosthom il-Play Store u l-Google Search, il-manifatturi kellhom jikkommettu ruħhom li la jiżviluppaw u lanqas ibigħu apparat wieħed li jaħdem fuq fergħa tal-Android. Il-Kummissjoni qieset li din l-imġiba kienet abbużiva sa mill-2011, li hija d-data meta l-Google saret dominanti fis-suq tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet tas-sistema operatorja mobbli tal-Android.

Dan naqqas b'mod sinifikanti l-opportunità li jiġi żviluppat u jinbiegħ apparat li jaħdem fuq fergħat tal-Android. Pereżempju, il-Kummissjoni sabet evidenza li l-imġiba tal-Google ostakolat għadd ta' manifatturi kbar milli jiżviluppaw u jbigħu apparat ibbażat fuq il-fergħa tal-Android tal-Amazon imsejjaħ "Fire OS".

B'tali mġiba il-Google għalqet kanal importanti għall-kompetituri biex jintroduċu applikazzjonijiet u servizzi, partikolarment servizzi ta' tiftix ġenerali, li jistgħu jiġu installati minn qabel fuq il-fergħat tal-Android. Għaldaqstant, l-imġiba tal-Google ħalliet impatt dirett fuq l-utenti billi ċaħħdithom l-aċċess għal aktar innovazzjoni u apparat intelliġenti mobbli abbażi ta' verżjonijiet alternattivi tas-sistema operattiva Android. Fi kliem ieħor, bħala riżultat ta' din il-prattika, kien f'idejn il-Google - u mhux f'idejn l-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet u tas-suq - li tiddeċiedi b'mod effettiv liema sistema operattiva setgħet tirnexxi.

Il-Kummissjoni vvalutat ukoll bir-reqqa l-argumenti tal-Google li dawn ir-restrizzjonijiet kienu neċessarji biex tevita l-”frammentazzjoni” tal-ekosistema tal-Android, u kkonkludiet li dawn kienu bla bażi. L-ewwel nett, il-Google setgħet żgurat li l-apparat Android li juża applikazzjonijiet u servizzi proprjetà tal-Google ikun konformi mar-rekwiżiti tekniċi tal-Google, mingħajr ma tostakola t-tfaċċar ta' fergħat tal-Android. It-tieni nett, il-Google ma tista tipprovdi l-ebda prova kredibbli li l-fergħat tal-Android ikunu milquta minn ħsarat tekniċi jew li ma jappoġġawx l-applikazzjonijiet.

Infographic

L-effetti tal-prattiki illegali tal-Google

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tikkonkludi li dawn it-tliet tipi ta' abbuż jiffurmaw parti minn strateġija ġenerali min-naħa tal-Google biex tqawwi d-dominanza fit-tiftix ġenerali fuq l-internet fi żmien meta l-importanza tal-internet mobbli kienet qiegħda tikber b'mod sinifikanti.

L-ewwel nett, il-prattiki tal-Google ċaħħdu lill-magna tat-tiftix rivali mill-possibbiltà li jikkompetu fuq il-merti tagħhom. Il-prattiki ta' rbit żguraw l-installazzjoni minn qabel tal-magna tat-tiftix u l-brawżer tal-Google fuq prattikament l-apparat Google Android kollu u l-ħlasijiet ta' esklussività naqqsu l-inċentiv li jiġu installati minn qabel il-magni tat-tiftix rivali. Il-Google fixklet ukoll l-iżvilupp tal-fergħat tal-Android, li setgħu pprovdew pjattaforma għal biex magni tat-tiftix rivali jżidu fit-traffiku. L-istrateġija tal-Google ostakolat ukoll lill-magni tat-tiftix rivali milli jiġbru aktar data minn apparat intelliġenti mobbli, fosthom data minn tiftix u lokalizzazzjoni mobbli, li għenu lill-Google tqawwi d-dominanza tagħha bħala mutur tat-tiftix.

Barra minn hekk, il-prattiki tal-Google kienu ta' ħsara għal aktar kompetizzjoni u l-innovazzjoni fl-ispazju mobbli aktar wiesgħa, lil hinn minn sepliċement it-tiftix tal-internet. Dan għaliex ostakolaw brawżers mobbli oħrajn milli jikkompetu b'mod effettiv mal-brawżer Google Chrome li kien installat minn qabel. Fl-aħħar nett, il-Google ostakolat l-iżvilupp tal-fergħat tal-Android, li setgħu ukoll ipprovdew pjattaforma għas-suċċess ta' żviluppaturi oħrajn.

Il-konsegwenzi tad-deċiżjoni

Il-multa imposta mill-Kummissjoni ta' 4 342 865 000  biljuni tikkunsidra kemm dam għaddej il-ksur u l-gravità tiegħu. F'konformità mal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar il-Multi (2006) (ara l-istqarrija għall-istampa u l-MEMO), il-multa ġiet ikkalkulata abbażi tal-valur tad-dħul tal-Google mis-servizzi ta' reklamar waqt it-tfittxija fuq apparat Android fiż-ŻEE.

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tirrekjedi lill-Google sabiex ittemm l-imġiba illegali tagħha b'mod effettiv fi żmien 90 jum mit-teħid tad-deċiżjoni.

B'mod partikolari, il-Google trid twaqqaf u ma terġax tinvolvi ruħha fl-ebda waħda mit-tliet tipi ta' prattiki. Id-deċiżjoni tirrekjedi wkoll lill-Google iżżomm lura minn kwalunkwe miżura li jkollha l-istess għan jew effett ta' dawn iil-prattiki.

Din id-deċiżjoni ma żżommx lura lill-Google milli ddaħħal fis-seħħ sistema raġonevoli, ġusta u oġġettiva li tiżgura l-funzjonament korrett tal-apparat Android li juża applikazzjonijiet u servizzi proprjetà tal-Google, mingħajr fl-istess waqt ma taffettwa l-libertà tal-manifatturi tal-apparat li jipproduċu apparat ibbażat fuq fergħat tal-Android.

Hija r-responsabbiltà totali tal-Google li tiżgura l-konformità mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ser tissorvelja l-konformità tal-Google mill-qrib u l-Google hija obbligata żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar kif ser tobdi dawn l-obbligi.

Jekk il-Google tonqos milli tobdi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tkun obbligata tagħmel ħlasijiet għan-nuqqas ta' konformità sa 5% tal-fatturat dinji medju li tagħmel kuljum il-kumpanija Alphabet, li hija l-kumpanija omm tal-Google. Il-Kummissjoni jkollha tiddetermina tali nuqqas ta' konformità f'deċiżjoni separata u kwalunkwe ħlas ikun retroattiv minn meta jkun beda n-nuqqas ta' konformità.

Fl-aħħar nett, il-Google tista' wkoll tiffaċċja azzjoni ċivili għad-danni li tista' titressaq quddiem il-qrati tal-Istati Membri minn kwalunke persuna jew negozju li jħossu milqut minn din l-imġiba antikompetittiva. Id-Direttiva dwar id-Danni f'każi ta' Antitrust ġdida tal-UE tagħmilha aktar faċli għall-vittmi ta' prattiki antikompetittivi biex jingħataw id-danni.

Każi oħrajn li jinvolvu lill-Google

F'Ġunju tal-2017 il-Kummissjoni mmultat €2.42 biljuni lill-Google talli abbużat mid-dominanza tagħha bħala magna tat-tiftix billi tat vantaġġ illegali lis-servizz ta' xiri b'paragun tal-Google stess. Bħalissa l-Kummissjoni qiegħda tissorvelja l-konformità tal-Google ma' dik id-deċiżjoni.

Il-Kummissjoni ser tkompli wkoll tinvestiga r-restrizzjonijiet li l-Google poġġiet fuq il-kapaċità ta' ċerti siti web ta' partijiet terzi li juru reklami waqt it-tiftix minn kompetituri tal-Google (il-każ AdSense). F'Lulju tal-2016 il-Kummissjoni ikkonkludiet b'mod preliminari li l-Google kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fil-każ dwar l-AdSense.

Sfond

Id-deċiżjoni tal-lum hija indirizzata lil Google LLC (li qabel kienet Google Inc.) u Alphabet Inc., il-kumpanija omm tal-Google. Il-Kummissjoni fetħet proċedimenti dwar l-imġiba tal-Google fir-rigward tas-sistema operattiva u l-applikazzjonijiet Android f'April tal-2015 u bagħtet Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet lill-Google f'April fl-2016.

L-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE jipprojbixxu l-abbuż minn pożizzjoni dominanti.

Aktar informazzjoni dwar din l-investigazzjoni tinstab fuq is-sit web tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni, fir-reġistru tal-każi pubbliċi taħt in-numru tal-każ 40099.

IP/18/4581

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar