Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta: ftehim ta' kooperazzjoni operazzjonali milħuq ma' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

Brussell, it-18ta' lulju 2018

.

Illum, il-Kummissarju Ewropew Dimitris Avramopoulos u Oliver Spasovski, il-Ministru tal-Intern ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, taw bidu għal abbozz ta' ftehim dwar l-istatus għal kooperazzjoni operazzjonali li jippermetti li jintbagħtu timijiet mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta f'dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Ladarba jidħol fis-seħħ, il-ftehim se jippermetti lill-Aġenzija twettaq operazzjonijiet konġunti ma' u f'dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, speċjalment f'każ ta' sfidi migratorji f'daqqa.

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni, u ċ-Ċittadinanza, Dimitris Avramopoulos stqarr: “Nixtieq nifraħ lil dk li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għal dan il-pass operazzjonali importanti 'l quddiem fil-kooperazzjoni tagħna fil-prattika. Permezz ta' dan il-ftehim l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta se tkun tista' tuża l-potenzjal sħiħ tagħha, u tirreaġixxi malajr għall-isfidi migratorji u tipproteġi l-fruntieri komuni tagħna. Il-ftehim tal-lum huwa t-tieni wieħed li sa issa għandna inizjalat, u nispera li n-negozjati li għaddejjin mas-sieħba l-oħra tal-Balkani tal-Punent jiġu ffinalizzati malajr.”

Il-Kummissjoni ħadet l-impenn li tkompli ssaħħaħ ir-rwol tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-protezzjoni tal-fruntieri tal-UE, inkluża kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-ġirien tal-UE. Il-ftehimiet dwar l-istatus bħal dak imniedi llum ma' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja se jsaħħu l-kapaċità tal-Aġenzija li taġixxi fil-viċinat immedjat tal-UE, tgħin fil-ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni irregolari u ttejjeb aktar is-sigurtà mal-fruntieri esterni tal-UE.

Il-kooperazzjoni iktar mill-qrib bejn l-Aġenzija u s-sieħba tal-Balkani tal-Punent hija wkoll element ewlieni tal-istrateġija tal-Kummissjoni għal “Perspettiva kredibbli għat-tkabbir għal involviment imsaħħaħ tal-UE mal-Balkani tal-Punent”, li tenfasizza l-futur Ewropew tal-Balkani tal-Punent u ssejjaħ għal kooperazzjoni strateġika u operazzjonali mtejba fuq il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri.

Il-Passi li Jmiss

L-abbozz ta' ftehim dwar l-istatus inizjalat illum minn dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja se jiġi ffirmat formalment f'data aktar tard, wara li ż-żewġ naħat ilestu l-proċeduri legali meħtieġa. Jenħtieġ ukoll il-kunsens tal-Parlament Ewropew għall-ftehim.

Ladarba dan il-ftehim jidħol fis-seħħ, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera tkun tista' twettaq attivitajiet operattivi u tibgħat timijiet fir-reġjuni ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li għandhom fruntiera mal-UE, bi ftehim mal-awtoritajiet ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u mal-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-UE li għandhom fruntiera magħha.

Kuntest

Skont ir-riċenti mandat imsaħħaħ tagħha, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tista' twettaq operazzjonijiet fit-territorju ta' pajjiżi terzi ġirien, soġġett għal ftehim minn qabel. Il-Kummissjoni adottat mudell ta' ftehim dwar l-istatus f'Novembru 2016 u sussegwentement talbet lill-Kunsill biex jibda l-ewwel negozjati mas-Serbja u ma' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja f'Jannar 2017. Aktar tard, il-Kummissjoni ngħatat mandat biex tinnegozja ftehimiet mal-Albanija, il-Montenegro u l-Bożnja u Ħerzegovina.

L-abbozz tal-ftehim dwar l-istatus tal-lum huwa t-tieni negozjazzjoni konkluża bejn l-Unjoni Ewropea u s-sieħba tal-UE fil-Balkani tal-Punent, wara l-ftehim mal-Albanija fi Frar 2018. L-abbozz ta' ftehim dwar l-istatus mal-Montenegro ġie miftiehem f'livell tekniku f'April 2018, u n-negozjati mas-Serbja u l-Bożnja u Ħerzegovina għadhom għaddejjin.

Għal Aktar Informazzjoni

Sit elettroniku: L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta

Sit elettroniku: DG HOME

IP/18/4567

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar