Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Brexit: Il-Kummissjoni Ewropea tippubblika Komunikazzjoni dwar it-tħejjija għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE

Brussell, id-19ta' lulju 2018

Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni li tiddeskrivi l-ħidma li għaddejja dwar it-tħejjija għal kull riżultat tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

Fit-30 ta' Marzu 2019, ir-Renju Unit se jitlaq mill-UE u jsir pajjiż terz. Dan se jkollu riperkussjonijiet għaċ-ċittadini, in-negozji u l-amministrazzjonijiet kemm fir-Renju Unit kif ukoll fl-UE. Dawn ir-riperkussjonijiet jvarjaw mill-kontrolli ġodda fil-fruntieri esterni tal-UE mar-Renju Unit, għall-validità ta' liċenzji, ċertifikati u awtorizzazzjonijiet maħruġa mir-Renju Unit u għal regoli differenti għat-trasferimenti ta' data.

It-test tal-lum jistieden lill-Istati Membri u l-partijiet privati jżidu t-tħejjijiet u jsegwi talba mill-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 50) ix-xahar li għadda biex tiġi intensifikata t-tħejjija fil-livelli kollha u għal kull riżultat.

Filwaqt li l-UE qed taħdem lejl u nhar għal ftehim biex jiġi żgurat ħruġ ordnat, il-ħruġ tar-Renju Unit bla dubju se jikkawża tfixkil — pereżempju fil-ktajjen tal-provvista tan-negozju — kemm jekk hemm ftehim kif ukoll jekk m'hemmx. Peress li għad m'hemm l-ebda ċertezza li se jkun hemm ftehim ta' ħruġ ratifikat fis-seħħ f'dik id-data, jew x'se jinvolvi, it-tħejjijiet ilhom għaddejjin biex jipprovaw jiżguraw li l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u l-partijiet privati jkunu lesti għall-ħruġ tar-Renju Unit. U fi kwalunkwe każ, anki jekk jintlaħaq ftehim, ir-Renju Unit ma jibqax Stat Membru wara l-ħruġ u mhux se jibqa' jgawdi mill-istess benefiċċji ta' membru. Għalhekk, it-tħejjija biex ir-Renju Unit isir pajjiż terz hija ta' importanza kbira, anke fil-każ ta' ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit.

Madankollu, it-tħejjija għall-ħruġ tar-Renju Unit mhijiex biss ir-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-UE. Hija sforz konġunt fil-livelli tal-UE, nazzjonali u reġjonali, u tinkludi wkoll b'mod partikolari l-operaturi ekonomiċi u l-partijiet privati oħra — kulħadd issa jrid iżid it-tħejjijiet għal kull xenarju u jieħu r-responsabbiltà għas-sitwazzjoni speċifika tagħhom.

Kuntest

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Sakemm ftehim ta' ħruġ ratifikat ma jistabbilixxix data oħra jew il-Kunsill Ewropew, f'konformità mal-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u bi qbil mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li t-Trattati ma jibqgħux japplikaw f'data aktar tard, il-liġijiet primarji u sekondarji kollha tal-Unjoni, ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mit-30 ta' Marzu 2019, 00:00 (CET) (“id-data tal-ħruġ”). Ir-Renju Unit imbagħad isir pajjiż terz.

Il-partijiet ikkonċernati, kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE, għalhekk hemm bżonn li jħejju għal żewġ xenarji prinċipali possibbli:

  • Jekk il-Ftehim ta' Ħruġ jiġi ratifikat qabel it-30 ta' Marzu 2019, il-liġi tal-UE ma tibqax tapplika għal u fir-Renju Unit fl-1 ta' Jannar 2021, jiġifieri wara perjodu ta' tranżizzjoni ta' 21 xahar.
  • Jekk il-Ftehim ta' Ħruġ ma jiġix ratifikat qabel it-30 ta' Marzu 2019, mhux se jkun hemm perjodu ta' tranżizzjoni u l-liġi tal-UE ma tibqax tapplika għal u fir-Renju Unit mit-30 ta' Marzu 2019. Dan huwa magħruf bħala x-xenarju tal-“ebda ftehim” jew ta' “preċipizju”.

Matul is-sena li għaddiet, il-Kummissjoni eżaminat l-acquis kollu tal-Unjoni (il-korp tal-liġi tal-UE) biex teżamina jekk humiex meħtieġa ċerti bidliet fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni adottat (u se tadotta meta jkun meħtieġ) proposti leġiżlattivi speċifiċi mmirati biex tiżgura li r-regoli tal-UE jkomplu jiffunzjonaw mingħajr xkiel f'Unjoni ta' 27 wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll aktar minn 60 avviż ta' tħejjija speċifiċi għas-settur biex tinforma lill-pubbliku dwar il-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit fin-nuqqas ta' kwalunkwe ftehim dwar il-ħruġ. Fl-aħħar nett, sat-30 ta' Marzu 2019, żewġ aġenziji bbażati Londra - l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u l-Awtorità Bankarja Ewropea — kif ukoll korpi oħra bbażati fir-Renju Unit, bħaċ-Ċentru ta' Monitoraġġ tas-Sigurtà Galileo, se jkunu qed jitilqu mir-Renju Unit u għadd ta' kompiti mwettqa mill-awtoritajiet tar-Renju Unit se jkollhom ukoll jiġu assenjati mill-ġdid lil hinn mir-Renju Unit.

Ix-xogħol ta' tħejjija tal-Kummissjoni huwa kkoordinat mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni.

Għal aktar informazzjoni:

- It-Test tal-Komunikazzjoni

- Lista ta' inizjattivi leġiżlattivi pendenti dwar it-“tħejjija”

- Il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-tħejjija għall-Brexit (inklużi l-“avviżi ta' tħejjija għall-Brexit”)

- Il-Kunsill Ewropew (Artikolu 50) - Konklużjonijiet tad-29 ta' Ġunju 2018

- Linji gwida tal-Kunsill Ewropew (Artikolu 50) dwar il-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit (it-23 ta' Marzu 2018)

 

IP/18/4545

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar