Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-UE u l-Ġappun jiffirmaw Ftehim ta' Sħubija Ekonomika

Tokyo, is-17ta' lulju 2018

Fis-summit UE-Ġappun f'Tokjo, il-Presidenti Jean-Claude Juncker u Donald Tusk, u l-Prim Ministru Ġappuniż Shinzo Abe, illum iffirmaw il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika UE-Ġappun (FSE).

Il-ftehim kummerċjali huwa l-ikbar li qatt ġie nnegozjat mill-UE u se joħloq żona ta' kummerċ miftuħ li tkopri iktar minn 600 miljun persuna.

Il-President tal-Kummissjoni, Jean-Claude Juncker, qal: “Id-dokument li ffirmajna llum huwa ħafna aktar minn ftehim kummerċjali. Huwa bla dubju għodda li se toħloq opportunitajiet għall-kumpaniji, il-ħaddiema u ċ-ċittadini tagħna u li se ssaħħaħ l-ekonomiji Ewropej u Ġappuniżi. Iżda huwa wkoll dikjarazzjoni. Fil-kontenut tiegħu, fl-ambitu tiegħu kif ukoll f'waqtu. Huwa dikjarazzjoni minn żewġ sħab tal-istess fehma li flimkien jirrappreżentaw kważi terz tal-PDG dinji u jtennu l-impenn tagħhom li jżommu l-ogħla standards f'oqsma bħax-xogħol, is-sigurtà u l-protezzjoni ambjentali u tal-konsumatur. U li qed ngħidu hu li aħna nemmnu f'kummerċ miftuħ, ġust u bbażat fuq ir-regoli. Li qed ngħidu huwa li ftehim kummerċjali ma jistax ikun li biex nirbaħ jien, titlef int, iżda dejjem ta' gwadann għall-partijiet involuti. Dan il-Ftehim se jġib benefiċċji tanġibbli għaż-żewġ naħat u fl-istess waqt jissalvagwardja s-sensittivitajiet ta' xulxin.”

Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Kummerċ, qalet: “Flimkien mal-Ġappun, aħna qed nibagħtu sinjal b'saħħtu lid-dinja li tnejn mill-akbar ekonomiji għadhom jemmnu f'kummerċ miftuħ, f'oppożizzjoni kemm għall-unilateraliżmu kif ukoll għall-protezzjoniżmu. Il-benefiċċji ekonomiċi ta' dan il-ftehim huma ċari. Bit-tneħħija ta' biljuni ta' euro ta' dazji, is-simplifikazzjoni ta' proċeduri doganali u l-indirizzar ta' ostakli għall-kummerċ ta' wara l-fruntiera, se toffri opportunitajiet għal kumpaniji fuq iż-żewġ naħat biex isaħħu l-esportazzjonijiet tagħhom u jespandu n-negozju tagħhom. Is-settur agrikolu Ewropew b'mod partikolari għandu x'jiċċelebra, bl-aċċess għas-suq enormi Ġappuniż u protezzjoni għal 200 ikel u xorb distintiv bħalma huma x-Xampanja (Champagne) u l-perżut ta' Parma. Issa nsejjaħ lill-Parlament Ewropew biex japprova dan il-Ftehim malajr biex id-ditti, iċ-ċittadini u l-bdiewa jkunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji malajr kemm jista' jkun.”

Il-ftehim se jneħħi l-biċċa l-kbira tal-EUR 1 biljun ta' dazji mħallsa kull sena minn kumpaniji tal-UE li jesportaw lejn il-Ġappun, u wassal għat-tneħħija ta' għadd ta' ostakli regolatorji li ilhom jeżistu, pereżempju fuq il-karozzi. Dan se jiftaħ ukoll is-suq Ġappuniż ta' 127 miljun konsumatur għal esportazzjonijiet agrikoli ewlenin tal-UE u se jżid l-opportunitajiet ta' esportazzjoni mill-UE f'firxa ta' setturi oħra.

Barra minn hekk, il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika se jsaħħaħ ukoll il-kooperazzjoni bejn l-Ewropa u l-Ġappun f'firxa ta' oqsma, se jafferma mill-ġdid l-impenn komuni tagħhom favur l-iżvilupp sostenibbli, u se jinkludi għall-ewwel darba impenn speċifiku dwar il-ftehim ta' Pariġi dwar il-klima.

Il-partijiet ewlenin tal-ftehim

Fir-rigward tal-esportazzjonijiet agrikoli mill-UE, il-Ftehim, b'mod partikolari:

  • se jneħħi d-dazji Ġappuniżi minn fuq ħafna ġobnijiet, bħall-Gouda u ċ-Cheddar (li bħalissa huma fil-livell ta' 29.8 %) kif ukoll minn fuq esportazzjonijiet tal-inbid (li d-dazju fuqhom bħala medja huwa ta' 15 %);
  • se jippermetti lill-UE biex iżżid l-esportazzjonijiet tagħha taċ-ċanga lejn il-Ġappun b'mod sostanzjali, filwaqt li fir-rigward tal-majjal, se jkun hemm kummerċ mingħajr dazji għal-laħam ipproċessat u kummerċ kważi mingħajr dazji għal-laħam frisk;
  • se jiżgura l-protezzjoni fil-Ġappun ta' aktar minn 200 prodott agrikolu Ewropew ta' kwalità, l-hekk imsejħa Indikazzjonijiet Ġeografiċi (IĠ), u l-protezzjoni ta' għadd ta' IĠ Ġappuniżi fl-UE.

Il-ftehim jiftaħ ukoll is-swieq tas-servizzi, b'mod partikolari s-servizzi finanzjarji, il-kummerċ elettroniku, it-telekomunikazzjoni u t-trasport. Barra minn hekk, huwa:

  • jiggarantixxi aċċess għall-kumpaniji tal-UE għas-swieq kbar tal-akkwist ta' 48 belt kbira Ġappuniża, u jneħħi ostakli għall-akkwist fis-settur ekonomikament importanti tal-ferroviji fil-livell nazzjonali;
  • jindirizza sensittivitajiet speċifiċi fl-UE, pereżempju fis-settur awtomobilistiku, b'perjodi ta' tranżizzjoni sa seba' snin qabel ma jiġu eliminati d-dazji doganali.

Il-Ftehim jinkludi wkoll kapitolu komprensiv dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli; jistabbilixxi standards għoljin ħafna tax-xogħol, tas-sigurtà, tal-protezzjoni ambjentali u tal-konsumatur; issaħħaħ l-impenji tal-Ġappun u tal-UE dwar l-iżvilupp sostenibbli u t-tibdil fil-klima u jissalvagwardja bis-sħiħ is-servizzi pubbliċi.

Fir-rigward tal-protezzjoni tad-data, l-UE u l-Ġappun ikkonkludew in-negozjati dwar adegwatezza reċiproka fis-16 ta' Lulju, li se tikkumplimenta l-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika. Huma qablu li jirrikonoxxu s-sistemi ta' protezzjoni tad-data ta' xulxin bħala “ekwivalenti”, li se jippermetti li d-data tiċċirkola b'mod sikur bejn l-UE u l-Ġappun, b'hekk tinħoloq l-ikbar żona dinjija ta' fluss sikur tad-data.

Din il-ġimgħa, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll Il-kummerċ bejn l-UE u l-Ġappun fir-raħal tiegħek (EU-Japan trade in your town), mappa interattiva li turi l-irħula u l-ibliet madwar l-Ewropa li jesportaw lejn il-Ġappun. Pereżempju, Cork fl-Irlanda tesporta farmaċewtiċi, prodotti tal-ħalib u sustanzi kimiċi, filwaqt li l-belt ta' Páty fl-Ungerija tibgħat majjal, self-checkout terminals u prodotti tal-manikjur. L-għodda tinkludi infografika għal kull pajjiż tal-UE, u turi l-għadd ta' kumpaniji esportaturi, l-għadd ta' impjiegi appoġġati minn esportazzjonijiet lejn il-Ġappun, lista ta' prodotti esportati minn kull Stat Membru, u statistiki oħra ta' importazzjoni / esportazzjoni.

Il-passi li jmiss

Il-Ftehim issa qed jistenna r-ratifika mill-Parlament Ewropew u d-Diet Ġappuniża u wara dan jista' jidħol fis-seħħ fl-2019.

Fl-istess ħin, qed ikomplu n-negozjati mal-Ġappun dwar l-istandards tal-protezzjoni tal-investiment u dwar is-soluzzjoni tat-tilwim tal-protezzjoni tal-investiment. L-impenn sod fuq iż-żewġ naħat huwa li tintlaħaq konverġenza fin-negozjati dwar il-protezzjoni tal-investiment mill-aktar fis possibbli, fid-dawl tal-impenn kondiviż tagħhom favur ambjent tal-investiment stabbli u sigur fl-Ewropa u fil-Ġappun.

Għal Aktar Informazzjoni

Paġna dwar il-FSE UE-Ġappun li tinkludi skedi informattivi, test legali u esperjenzi tal-esportaturi

EU-Japan trade in your town – irħula u bliet li jesportaw mill-Ewropa

IP/18/4526

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar