Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Is-Summit UE-Ċina: napprofondixxu s-sħubija strateġika globali

Beijing, is-16ta' lulju 2018

L-20 Summit bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li sar illum f'Beijing issottolinja li din is-sħubija laħqet livell ġdid ta' importanza għaċ-ċittadini tagħna, għar-reġjuni ġirien rispettivi tagħna u għall-komunità internazzjonali inġenerali.

Il-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker u l-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk irrappreżentaw lill-Unjoni Ewropea fis-Summit. Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina kienet irrappreżentata mill-Premier Li Keqiang Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, Jyrki Katainen, il-Kummissarju għall-Kummerċ Cecilia Malmström, u l-Kummissarju għat-Trasport Violeta Bulc ukoll attendew is-Summit. Il-President Tusk u l-President Juncker iltaqgħu wkoll mal-President tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, Xi Jinping.

“Minn dejjem emmint fil-potenzjal ta' sħubija bejn l-UE u ċ-Ċina. U fid-dinja tal-lum, dik is-sħubija hija iktar importanti minn qatt qabel. Il-kooperazzjoni bejnietna hija ħaġa li, sempliċiment, tagħmel sens” qal il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker. “L-Ewropa hija l-ikbar sieħeb kummerċjali taċ-Ċina, u ċ-Ċina hija t-tieni l-ikbar tagħna. Il-kummerċ f'merkanzija bejnietna għandu valur li jisboq il-€1.5 biljun kull jum. Iżda nafu wkoll li nistgħu nagħmlu ħafna aktar minn hekk. Huwa għalhekk li huwa tant importanti li llum għamilna progress fuq il-Ftehim Komprensiv dwar l-Investiment permezz tal-ewwel skambju ta' offerti dwar l-aċċess għas-suq, u lejn ftehim dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi. Dan juri li rridu noħolqu iktar opportunitajiet għan-nies fiċ-Ċina u fl-Ewropa.”

Il-kummenti sħaħ li għamel il-President Juncker waqt il-konferenza stampa ta' wara s-Summit huma disponibbli online.

Id-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit maqbula bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina turi l-wisa' u l-fond tar-relazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina u l-impatt pożittiv li tali sħubija jista' jkollha, partikolarment biex jiġu indirizzati sfidi globali u reġjonali bħat-tibdil fil-klima, it-theddid komuni għas-sigurtà, il-promozzjoni tal-multilateraliżmu, u l-promozzjoni tal-kummerċ miftuħ u ġust. Is-Summit isegwi d-Djalogu Strateġiku f'livell għoli, kopresedut mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni, Federica Mogherini u l-Kunsillier tal-Istat Ċiniż, Wang Yi, fi Brussell fl-1 ta' Ġunju, u d-Djalogu Ekonomiku u Kummerċjali f'livell għoli, kopresedut mill-Viċi President Katainen u l-Viċi Premier Ċiniż, Liu He, f'Beijing fil-25 ta' Ġunju.

Dan l-20 Summit juri l-bosta mezzi li bihom l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina qegħdin isaħħu konkretament dik li diġà hija relazzjoni komprensiva. Barra mid-Dikjarazzjoni Konġunta, ġew miftiehma riżultati konkreti mixtieqa oħra, fosthom:

 

Naħdmu flimkien għal pjaneta iktar sostenibbli

Fid-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija nadifa, l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina impenjaw irwieħhom li jżidu l-kooperazzjoni favur ekonomiji b'emissjonijiet baxxi tal-gassijiet serra u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi tal-2015 dwar it-tibdil fil-klima. Huma u jagħmlu dan, l-UE u ċ-Ċina se jintensifikaw il-kooperazzjoni politika, teknika, ekonomika u xjentifika dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija nadifa.

Hu u jilqa' dan l-impenn, il-President Juncker qal: “Flimkien issottolinjajna d-determinazzjoni b'saħħitha li għandna bejnietna li niġġieldu t-tibdil fil-klima u li nuru tmexxija globali. Dan juri l-impenn tagħna għall-multilateraliżmu u jirrikonixxi li t-tibdil fil-klima huwa sfida globali li taffettwa l-pajjiżi kollha tad-dinja. M'hemmx ħin biex neħduha bil-kalma u nkunu passivi. Issa huwa l-waqt li nieħdu azzjoni deċiżiva.”

Il-Viċi President Katainen u l-Ministru tal-Ekoloġija u l-Ambjent, Li Ganjie*, ukoll iffirmaw il-Memorandum ta' Qbil biex Tittejjeb il-Kooperazzjoni dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet, li jirrikonoxxi l-potenzjal sinifikanti tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet biex jikkontribwixxi għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet baxxi tal-karbonju u jkompli jsaħħaħ il-kooperazzjoni tal-ikbar żewġ sistemi ta' skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet fid-dinja.

Huma u jibnu fuq is-suċċess tas-Sena Blu tal-UE u ċ-Ċina tal-2017, l-UE u ċ-Ċina ffirmaw ukoll Ftehim ta' Sħubija dwar l-Oċeani. Tnejn mill-ikbar ekonomiji tal-oċeani fid-dinja se jaħdmu flimkien biex itejbu l-governanza internazzjonali tal-oċeani, inkluż billi jiġġieldu s-sajd illegali u jesploraw opportunitajiet potenzjali ta' negozju u riċerka, abbażi ta' teknoloġiji nodfa, fl-ekonomija marittima. Is-sħubija fiha impenji ċari favur il-ħarsien tal-ambjent tal-baħar kontra t-tniġġis, inkluż l-iskart tal-plastik, u li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima skont il-Ftehim ta' Pariġi u li tiġi implimentata l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, b'mod partikolari l-Għan 14. L-iffirmar ta' dan il-ftehim tal-oċeani huwa l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu u jiftaħ il-bieb għal sħubijiet futuri bejn l-UE u atturi tal-oċeani ewlenin oħrajn.

Il-Viċi President Katainen u l-Ministru tal-Ekoloġija u l-Presidenta tal-Kummissjoni għall-Iżvilupp u r-Riforma Nazzjonali, He Lifeng*, ukoll iffirmaw il-Memorandum ta' Qbil dwar il-Kooperazzjoni fuq l-Ekonomija Ċirkolari li se jagħti qafas għall-kooperazzjoni, inkluż djalogu politiku ta' livell għoli, biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari. Il-kooperazzjoni se tkopri strateġiji, leġiżlazzjoni, politiki u riċerka f'oqsma ta' interess reċiproku. Se tindirizza sistemi ta' ġestjoni u għodod ta' politika bħad-disinn ekoloġiku, it-tikkettar ekoloġiku, ir-responsabbiltà estiża tal-produtturi u ktajjen tal-provvista ekoloġiċi, kif ukoll il-finanzjament tal-ekonomija ċirkolari. Iż-żewġ naħat se jiskambjaw l-aħjar prattika f'oqsma importanti bħall-parks industrijali, il-prodotti kimiċi, il-plastik u l-iskart.

Fil-Kntest tal-programm dwar il-Kooperazzjoni Urbana Internazzjonali tal-UE, fil-marġni tas-Summit il-Kummissarju Creţu kienet xhieda għall-iffirmar ta' dikjarazzjoni konġunta bejn bliet Ċiniżi u Ewropej: Kunming u Granada (ES); Haikou u Nizza (FR); Yantai u Ruma (IT); Liuzhou u Barnsley (UK); u Weinan u Reggio Emilia (IT). Dawn is-sħubijiet se jiffaċilitaw l-iskambji biex jiġu eżaminati u żviluppati pjanijiet ta' azzjoni lokali li jirriflettu l-approċċ integrat tal-UE għall-iżvilupp urban sostenibbli flwaqt li jiġu indirizzati sfidi soċjali, ekonomiċi, demografiċi u ambjentali.

 

Inqiegħdu s-sistema internazzjonali abbażi tar-regoli fil-qalba tal-kummerċ miftuħ u ġust

“Jien konvint iktar minn qatt qabel li, fl-era tal-globalizzazzjoni u l-interdependenza, il-multilateraliżmu għandu jkun fil-qalba ta' dak li nagħmlu. Aħna nistennew li s-sħab kollha tagħna jirrispettaw ir-regoli internazzjonali u l-impenji li jkunu ħadu, partikolarment fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ”, qal il-President Jean-Claude Juncker fid-diskors ewlieni tiegħu fid-Diskussjoni Madwar Mejda dwar in-Negozju UE-Ċina f'Beijing, li tat opportunità lill-mexxejja tal-UE u Ċiniżi biex jiskambjaw il-fehmiet tagħhom ma' rappreżentanti tal-komunità kummerċjali. “Fl-istess ħin, huwa minnu li r-regoli eżistenti tad-WTO ma jagħmluhiex possibbli li l-prattiki inġusti jiġu ttrattati bl-iktar mod effettiv, iżda biex nevitaw li narmu kollox u mal-ħażin jeħel it-tajjeb, irridu kollha kemm aħna nippreservaw is-sistema multilaterali u ntejbuha minn ġewwa.” Id-diskors sħiħ tal-President Juncker huwa disponibbli online. Il-Kummissarju Malmström wkoll għamlet intervent fl-attività.http://europa.eu/rapid/press-release_SPEECH-18-4543_fr.htm

Fis-Summit, l-UE u ċ-Ċina kkonfermaw l-appoġġ sod tagħhom favur is-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli, trasparenti, nondiskriminatorja, miftuħa u inklużiva, bid-WTO fil-qalba u taw impenn li jimxu mar-regoli eżistenti tad-WTO. Impenjaw irwieħhom ukoll li jikkooperaw dwar ir-riforma tad-WTO biex jgħinuha tindirizza sfidi ġodda, u waqqfu grupp konġunt ta' ħidma dwar ir-riforma tad-WTO, presedut fil-livell Viċi Ministerjali, għal dan il-għan.

Sar progress tajjeb fin-negozjati li għaddejjin dwar il-Ftehim ta' Investiment, li huwa prijorità ewlenija u proġett ewlieni biex jiġi stabbilit u jinżamm ambjent tan-negozju miftuħ, prevedibbli, ġust u trasparenti għall-investituri Ewropej u Ċiniżi. L-UE u ċ-Ċina skambjaw offerti ta' aċċess għas-suq, u b'hekk in-negozjati daħlu f'fażi ġdida, li fiha jista' jiġi aċċellerat ix-xogħol fuq l-offerti u aspetti ewlenin oħrajn tan-negozjati. Il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), parti mill-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment, u s-Silk Road Fund (SRF) Ċiniż iffirmaw Memorandum ta' Qbil bil-għan li jikkonfermaw l-ewwel koinvestiment li se jsir taħt il-Fond ta' Koinvestiment Ċina-UE (“CECIF”) li twaqqaf m'ilux, li jippromwovi l-kooperazzjoni tal-investiment bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina u l-iżvilupp ta' sinerġiji bejn l-Inizjattiva Belt and Road taċ-Ċina u l-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa.

Rigward l-azzar, iż-żewġ naħat qablu li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fil-Forum Globali dwar il-Kapaċità Eċċessiva tal-Azzar u impenjaw irwieħhom, f'konformità mad-deċiżjonijiet tas-Summits ta' Hangzhou fl-2016 u ta' Hamburg fl-2017, kif ukoll mad-deċiżjonijiet Ministerjali tal-2017, favur l-għan li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet politiċi maqbula.

L-UE u ċ-Ċina qablu wkoll li jikkonkludu n-negozjati dwar Ftehim rigward il-kooperazzjoni dwar, u l-protezzjoni mill-imitazzjoni ta' prodotti tal-ikel u tax-xorb distintivi, l-hekk imsejħa Indikazzjonijiet Ġeografiċi, qabel it-tmiem ta' Ottubru jekk jista' jkun. Ftehim f'dan il-qasam ikun jirriżulta f'livell għoli ta' ħarsien tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi rispettivi tagħna, li jirrappreżentaw tradizzjonijiet importanti u riżorsi rikki kemm għall-UE kif ukoll għaċ-Ċina.

Fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel, l-UE u ċ-Ċina qablu li jippromwovu l-ogħla standards ta' sikurezza tal-ikel, u huma lesti li jqisu l-prinċipju tar-reġjonalizzazzjoni, u impenjaw irwieħhom li jespandu l-aċċess għas-suq għall-prodotti tal-ikel.

L-UE u ċ-Ċina ffirmaw ukoll il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Kooperazzjoni Doganali bejn iċ-Ċina u l-UE dwar id-Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali (2018–2020), bl-għan li jissaħħaħ l-infurzar doganali fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija fil-kummerċ bejn it-tnejn. Il-Pjan ta' Azzjoni se jippromwovi wkoll il-kooperazzjoni bejn id-dwana u aġenziji u awtoritajiet oħrajn tal-infurzar tal-liġi biex titwaqqaf il-produzzjoni u biex jiġu xolti n-netwerks ta' distribuzzjoni.

L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Amministrazzjoni Ġenerali tad-Dwana Ċiniża ffirmaw Ftehim ta' Kooperazzjoni Amministrattiva Strateġika u Pjan ta' Azzjoni (2018–2020) dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-frodi doganali, partikolarment fil-qasam tal-frodi trasbord, it-traffiku illegali tal-iskart u l-frodi tas-sottovalutazzjoni.

Fit-tielet laqgħa tal-Pjattaforma ta' Konnettività UE-Ċina, li saret fil-marġni tas-Summit u li ġiet preseduta għall-UE mill-Kummissarju Violeta Bulc, iż-żewġ partijiet tennew l-impenn tagħhom favur il-konnettività tat-trasport abbażi tal-prijoritajiet tal-politika rispettivi, tas-sostenibbiltà, tar-regoli tas-suq u tal-koordinazzjoni internazzjonali.

L-iskambji kienu ffukati fuq:

  • il-kooperazzjoni ta' politika msejsa fuq il-qafas tan-Netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) u l-inizjattiva Belt and Road, li tinvolvi pajjiżi terzi rilevanti bejn l-UE u ċ-Ċina;
  • il-kooperazzjoni dwar id-dekarbonizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tat-Trasport, inkluż f'fora internazzjonali bħall-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO);
  • il-kooperazzjoni fuq proġetti ta' investiment ibbażati fuq il-kriterji tas-sostenibbiltà, it-trasparenza, u l-kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, biex jitrawwem l-investiment fit-trasport bejn l-UE u ċ-Ċina.

Il-minuti konġunti miftiehma tal-laqgħa tal-Presidenti huma disponibbli online, flimkien mal-lista tal-proġetti ta' trasport Ewropej ippreżentati taħt il-Pjattaforma ta' Konnettività UE-Ċina.

 

Sħubija bejn il-popli

L-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina qed iqiegħdu ċ-ċittadini rispettivi tagħhom fil-qalba tas-sħubija strateġika. Kien hemm taħditiet tajbin dwar il-kooperazzjoni barranija u tas-sigurtà u dwar is-sitwazzjoni fil-viċinati rispettivi tagħhom. Fis-Summit, il-mexxejja tal-UE u taċ-Ċina ddiskutew modi biex jappoġġaw soluzzjoni paċifika fil-Peniżola Koreana; l-impenn tagħhom favur l-implimentazzjoni mkomplija, sħiħa u effettiva tal-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt — il-ftehim nukleari mal-Iran; il-ħidma konġunta u koordinata fuq il-proċess ta' paċi fl-Afganistan; u s-sitwazzjoni u l-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol. Iddiskutew ukoll sfidi ta' politika barranija u ta' sigurtà oħrajn, bħal-Lvant Nofsani, il-Libja, u l-Afrika, kif ukoll l-impenn komuni tagħhom favur il-multilateraliżmu u l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli bin-Nazzjonijiet Uniti fil-qalba tiegħu.

Diġà saru bosta attivitajiet ta' suċċess fil-qafas tas-Sena tat-Turiżmu Ċina-UE tal-2018, imfassla biex tippromwovi destinazzjonijiet mhux daqstant popolari, biex ittejjeb l-esperjenzi tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu, u biex tipprovdi opportunitajiet biex tiżdied il-kooperazzjoni ekonomika. Fis-Summit, il-mexxejja impenjaw irwieħhom li javvanzaw l-attivitajiet rilevanti aktar, li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni dwar it-turiżmu u l-kuntatti bejn in-nies.

Il-protezzjoni u t-titjib tad-drittijiet tal-bniedem qegħdin fil-qalba tal-Unjoni Ewropea u tas-sħubijiet globali tagħha u għalhekk il-mexxejja indirizzaw ukoll kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem, ġimgħa wara l-UE u ċ-Ċina kellhom l-aħħar Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Iż-żewġ partijiet ikkonfermaw li se jkomplu bin-negozjati paralleli fit-tieni fażi tal-pjan direzzjonali tad-Djalogu dwar il-Mobilità u l-Migrazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina, speċifikament dwar ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi u ftehim dwar il-kooperazzjoni biex tiġi indirizzata l-migrazzjoni irregolari.

L-UE u ċ-Ċina qablu wkoll li jvaraw djalogi ġodda li jkopru kwistjonijiet relatati mad-droga u mal-assistenza umanitarja.

* Ismijiet ikkoreġuti 16:42 16/07/2018

Aktar informazzjoni

Is-sit web tas-Summit UE-Ċina

Skeda informattiva dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina

Dikjarazzjoni konġunta wara l-20 Summit UE-Ċina

Kummenti tal-President Jean-Claude Juncker fil-konferenza stampa wara l-20 Summit UE-Ċina

Id-diskors ewlieni tal-President Jean-Claude Juncker waqt id-diskussjoni madwar mejda dwar in-negozju UE-Ċina

Is-sit web tad-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċina

 

IP/18/4521

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar