Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kambodja: Il-missjoni tal-UE tivvaluta s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol

Brussell, it-12ta' lulju 2018

Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) żaret il-Kambodja mill-5 sal-11 ta' Lulju 2018 biex tivvaluta s-sitwazzjoni fuq il-post wara żviluppi riċenti fil-pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol li qajmu tħassib.

L-Unjoni Ewropea issa se tanalizza bħala prijorità l-informazzjoni miġbura matul il-missjoni biex tikkunsidra passi ulterjuri. Din l-analiżi se tqis ukoll aktar sottomissjonijiet bil-miktub mingħand l-awtoritajiet tal-Kambodja, rapporti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u korpi oħra responsabbli mill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni mill-Kambodja tal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti għall-iskema tal-kummerċ bla dazju Kollox Ħlief Armi (Everything But Arms, EBA). L-iskema tal-kummerċ tal-EBA tippermetti lill-Kambodja tesporta l-prodotti kollha (ħlief armi u munizzjon) lejn l-UE, mingħajr kwoti u tariffi.

Il-Kummissarju għall-Kummerċ Cecilia Malmström qalet: “L-UE hija kburija li tipprovdi lill-aktar pajjiżi ekonomikament vulnerabbli tad-dinja b'aċċess ħieles għas-suq tagħna. L-inizjattiva Kollox Ħlief l-Armi kellha impatt sinifikanti fuq l-iżvilupp u fuq l-eradikazzjoni tal-faqar fil-Kambodja. Madankollu, l-iżviluppi preokkupanti riċenti fil-pajjiż sejħu għal valutazzjoni aktar mill-qrib dwar jekk il-Kambodja hijiex qed tissodisfa l-impenji tagħha. Id-diskussjonijiet u l-ġbir ta' informazzjoni matul il-missjoni tal-UE tagħna ffukaw fuq it-tnaqqis serju fil-qasam tad-drittijiet politiċi u elettorali, kif ukoll it-trażżin tal-attivitajiet tas-soċjetà ċivili. Hemm ukoll nuqqasijiet fir-rigward tal-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-art, u theddid serju għal-libertà ta' assoċjazzjoni u għad-drittijiet ta' negozjar kollettiv. Il-ġustizzja soċjali, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-istandards tax-xogħol, hija aspett vitali fil-politika kummerċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara l-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni, se nipproċedu sabiex nanalizzaw il-fatti fid-dettall, u nikkunsidraw passi ulterjuri. It-tneħħija tal-Kambodja mill-iskema kummerċjali hija miżura tal-aħħar istanza, jekk l-isforzi l-oħra kollha tagħna jkunu naqsu milli jindirizzaw dan it-tħassib.”

Id-delegazzjoni tal-UE ltaqgħet ma' bosta membri tal-gvern tal-Kambodja, kif ukoll trejdjunjins, is-soċjetà ċivili, negozji, u rappreżentanti tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) fil-pajjiż.

Kuntest

Skont l-arranġament EBA tal-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi, l-UE unilateralment tagħti lill-esportaturi tal-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (Least Developed Countries, LDCs) aċċess mingħajr tariffi u mingħajr kwoti għas-suq tagħha għall-prodotti kollha (ħlief armi u munizzjon) bl-għan li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku ta' dawn il-pajjiżi u għall-integrazzjoni tagħhom fis-sistema tal-kummerċ globali.

L-EBA wassal għal benefiċċji kbar għall-ekonomija tal-Kambodja. L-UE hija d-destinazzjoni prinċipali tal-esportazzjoni, u tirrappreżenta 40 % tal-esportazzjonijiet globali tal-Kambodja. L-esportazzjonijiet mill-Kambodja lejn l-UE żdiedu b'mod sostanzjali fis-snin riċenti, u żdiedu b'227 % bejn l-2011 u l-2016. Fl-2017, l-esportazzjonijiet totali tal-Kambodja lejn l-UE laħqu l-EUR 5 biljun, li jpoġġiha fit-tieni post fost il-benefiċjarji kollha tal-EBA. Mill-esportazzjonijiet kollha tal-Kambodja eliġibbli għall-EBA, 95.5 % saru bil-preferenzi EBA.

L-EBA kkontribwixxa b'mod partikolari għal ħolqien sinifikanti ta' impjiegi u tkabbir fis-settur tat-tessuti, li jammonta għal 75 % tal-esportazzjonijiet tal-Kambodja lejn l-UE, u jipprovdi impjieg għal uħud mill-aktar setturi vulnerabbli tas-soċjetà tal-Kambodja.

L-UE żiedet l-impenn tagħha mal-Kambodja (ara r-rapport tal-GSP ta' Jannar 2018 biennali tal-UE) bi tweġiba għal tħassib serju dwar id-deterjorament li qed ikompli għaddej tad-demokrazija, tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt, kif diġà ġie indikat ukoll mill-Parlament Ewropew (ir-Riżoluzzjoni tal-14 ta' Diċembru 2017) u mill-Kunsill (il-Kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE tas-26 ta' Frar 2018).

Għal Aktar Informazzjoni

Ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Kambodja

L-Iskema Kollox Ħlief l-Armi

IP/18/4467

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar