Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Sussidjarjetà u Proporzjonalità: It-Task Force tippreżenta rakkomandazzjonijiet fuq mod ġdid ta' ħidma lill-President Juncker

Brussell, I-10ta' lulju 2018

Illum it-Task Force dwar is-Sussidjarjetà, il-Proporzjonalità u “Nagħmlu anqas b'Aktar effiċjenza”, preseduta mill-Ewwel Viċi President Timmermans, ippreżentat ir-rapport finali tagħha lill-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker.

Ir-rapport iwieġeb għal tliet mistoqsijiet magħmula mill-President meta ħoloq it-Task Force f'Novembru 2017: kif napplikaw aħjar il-prinċipji ta' sussidjaretà u proporzjonalità fl-istituzzjonijiet tal-UE; kif ninvolvu aħjar awtoritajiet reġjonali u lokali u parlamenti nazzjonali fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' politiki tal-UE; u jekk hemmx oqsma ta' politika fejn is-setgħat jistgħu jiġu rritornati lill-Istati Membri maż-żmien.

Il-President Juncker illum qal: “Irrid li l-Unjoni tagħna tiffoka aktar fuq l-affarijiet li huma importanti għaċ-ċittadini tagħna. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni tfittex li tkun b'saħħitha fuq il-kwistjonijiet l-aktar importanti u inqas fuq l-affarijiet iż-żgħar. U huwa għal din ir-raġuni li waqqaft it-Task Force dwar is-Sussidjarjetà, il-Proporzjonalità u “Nagħmlu anqas b'Aktar effiċjenza”, biex tiżgura li aħna naġixxu fejn l-UE tagħti valur miżjud. Nixtieq nirringrazzja lil Frans Timmermans u lill-membri l-oħra tat-Task Force mill-Parlamenti nazzjonali u mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni għal dan ir-Rapport tant importanti. L-Unjoni tagħna ma tistax tinbena mingħajr il-parteċipazzjoni attiva u ndaqs tal-awtoritajiet lokali. tal-istituzzjonijiet tal-UE u kull livell ta' gvern bejniethom. Jien se niġbor il-konklużjonijiet fid-diskors tiegħi dwar l-Istat tal-Unjoni f'Settembru. Nittama li l-mexxejja tal-istituzzjonijiet l-oħra u tal-awtoritajiet nazzjonali jingħaqdu miegħi sabiex dawn ir-riflessjonijiet ikunu fil-qalba tal-ħidma futura tal-Unjoni tagħna”.

Il-membri tat-Task Force stqarrew: "Aħna nsejħu għal mod ġdid ta' ħidma li jagħti leħen aktar b'saħħtu lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali fit-tfassil tal-politika tal-UE biex itejjeb il-kwalità u l-effettività tal-leġiżlazzjoni. Dan ifisser li jirrispetta bis-sħiħ ir-rwoli tad-diversi istituzzjonijiet tal-UE, tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u tal-parlamenti nazzjonali. Aħna nipproponu approċċ ġdid ta' “sussidjarjetà attiva” li se jiżgura l-valur miżjud tal-leġiżlazzjoni, il-benefiċċji għaċ-ċittadini, u se jwassal għal sjieda akbar tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni fl-Istati Membri. Aħna preżentajna r-rappport tagħna lill-President Juncker li assigurana li huwa se jaħdem mal-istituzzjonijiet l-oħra biex imexxi 'l quddiem ir-rakkomandazzjonijiet tagħna”.

It-Task force kkonkludiet li mod ġdid ta' ħidma fuq is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità huwa meħtieġ biex jippermetti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u lill-parlamenti nazzjonali jagħmlu kontribut effettiv għat-tfassil tal-politika tal-UE u fit-tfassil ta' leġislazzjoni ġdida. L-approċċ il-ġdid propost se jwassal biex is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità jiġu vvalutati b'mod aktar konsistenti mil-livelli kollha ta' gvern, fuq il-bażi ta' “mudell ta' grilja” - kumparabbli ma' lista ta' kontroll dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

It-Task Force tirrakkomanda wkoll li l-iskadenza ta' tmien ġimgħat biex il-Parlamenti nazzjonali jressqu l-opinjonijiet tagħhom fuq abbozzi ta' leġiżlazzjoni tal-UE tiġi applikata b'mod flessibbli, u tqajjem il-possibilità ta' żieda futura taż-żmien disponibbli għal 12-il ġimgħa biex tiġi ippreżentata opinjoni. Finalment, it-Task Force tirrakkomanda li t-tliet istituzzjonijiet jaqblu dwar programm pluriennali ffokat li jippromwovi l-ibbilanċjar mill-ġdid tal-ħidma tal-UE f'xi oqsma ta' politika lejn implimentazzjoni aktar effettiva tal-leġiżlazzjoni eżistenti, minflok ma tinbeda leġiżlazzjoni ġdida. Dan jibni fuq l-introduzzjoni, mill-Kummissjoni Juncker, ta' Programmi ta' Ħidma tal-Kummissjoni wisq aktar immirati u Dikjarazzjonijiet Konġunti annwali maqbula bejn it-tliet istituzzjonijiet dwar il-fajls prijoritarji li għandhom ikunu maqbula matul dik is-sena.

It-Task Force temmen li l-approċċ il-ġdid jenħtieġ li jkunu applikat għall-korp eżistenti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea u għall-inizjattivi politiki ġodda kollha. Partijiet ikkonċernati għamlu għadd ta' suġġerimenti lit-Task Force dwar il-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE fejn rieżami tal-kriterji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità jista' jkun varat. Il-Kummissjoni se tikkunsidra dawn is-suġġerimenti fil-ħidma futura tagħha.

Kuntest

It-Task Force dwar is-Sussidjarjetà, il-Proporzjonalità u “Nagħmlu anqas b'Aktar effiċjenza” kienet stabbilita mill-President Juncker f'Novembru 2017. Huwa talab lit-Task Force biex tħares lejn tliet kwistjonijiet: (1) ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil tal-politika u fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni Ewropea; (2) ir-rwol tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità fil-ħidma tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni; (3) jekk ir-responsabbiltà għal oqsma ta' politika partikolari għandhiex tingħata lura lill-Istati Membri.

It-Task Force ltaqgħet seba' darbiet biex tiddiskuti dawn it-tliet mistoqsijiet. Abbażi ta' dawn id-diskussjonijiet, seduta pubblika u input minn għadd ta' partijiet ikkonċernati, ir-rapport tat-Task Force jippreżenta disa' rakkomandazzjonijiet flimkien ma' miżuri konkreti ta' implimentazzjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet huma indirizzati lill-Parlamenti nazzjonali, lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u lill-Kummissjoni Ewropea.

Preseduta mill-ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans, it-Task Force tinkludi tliet membri mill-Kumitat tar-Reġjuni - il-President Karl-Heinz Lambertz (il-Belġju), Michael Schneider (il-Ġermanja) u François Decoster (Franza) - u tliet membri mill-Parlamenti Nazzjonali - Toomas Vitsus (l-Estonja), Kristian Vigenin (il-Bulgarija) u Reinhold Lopatka (l-Awstrija).

Il-Presidenza Awstrijaka tal-UE se torganizza konferenza dwar is-sussidjarjetà f'Bregenz f'Novembru, li se tipprovdi opportunità biex ikun diskuss ulterjorment ir-rapport tat-Task Force u jkun kkunsidrat kif jistgħu jkunu attwati r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, fid-dawl tad-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tat-12 ta' Settembru 2018.

Għal aktar informazzjoni

Skeda informattiva

Rapport Finali tat-Task Force;

Stqarrija għall-istampa: Il-President Juncker joħloq Task Force biex “Nagħmlu anqas b'Aktar effiċjenza”

Il-paġna web tat-Task Force

Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2017

White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa

 

 

 

IP/18/4393

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar