Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Istat tad-Dritt: Il-Kummissjoni tiftaħ proċedura ta' ksur biex tipproteġi l-indipendenza tal-Qorti Suprema Pollakka

Brussell, it-2ta' lulju 2018

Illum, il-Kummissjoni Ewropea fetħet proċedura ta' ksur billi bagħtet Ittra ta' intimazzjoni lill-Polonja rigward il-liġi Pollakka dwar il-Qorti Suprema.

Fit-3 ta' Lulju, 27 minn 72 imħallef tal-Qorti Suprema għandhom quddiemhom riskju li jisfaw imġiegħla jirtiraw - aktar minn wieħed minn kull tliet imħallfin - minħabba l-fatt li l-liġi l-ġdida Pollakka dwar il-Qorti Suprema tbaxxi l-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema minn 70 għal 65. Din il-miżura tapplika wkoll għall-Ewwel President tal-Qorti Suprema, li l-mandat ta' 6 snin tiegħu jiġi tterminati qabel iż-żmien. Skont il-liġi, l-imħallfin attwali għandhom il-possibilità li jiddikjaraw ir-rieda tagħhom li jkollhom il-mandat tagħhom estiż mill-President tar-Repubblika, estensjoni li tista' tingħata għal perjodu ta' tliet snin u tiġġedded darba. Ma hemm l-ebda kriterju stabbilit li fuqu tkun ibbażata d-deċiżjoni tal-President u ma hemm l-ebda possibbiltà għal reviżjoni ġudizzjarja ta' din id-deċiżjoni.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dawn il-miżuri jdgħajfu l-prinċipju ta' indipendenza ġudizzjarja, inkluż il-pożizzjoni fissa tal-imħallfin, u b'hekk il-Polonja tkun qiegħda tonqos milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jinqara f'konnessjoni mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Filwaqt li l-liġi tal-Qorti Suprema Pollakka kienet diġà ġiet diskussa fid-djalogu dwar l-Istat tad-Dritt bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Pollakki, din ma ġietx indirizzata b'mod sodisfaċenti matul dan il-proċess. Il-Kummissjoni temmen li l-introduzzjoni ta' konsultazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura (KNĠ) ma tikkostitwixxix salvagwardja effettiva, kif isostnu l-awtoritajiet Pollakki. L-opinjoni tal-KNĠ mhix vinkolanti u hija bbażata fuq kriterji vagi. Barra minn hekk, wara r-riforma tat-8 ta' Diċembru 2017, il-KNĠ issa huwa magħmul minn imħallfin membri maħtura mill-Parlament Pollakk - li mhux f'konformità ma' standards Ewropej dwar l-indipendenza ġudizzjarja.

Minħabba n-nuqqas ta' progress fid-djalogu dwar l-Istat tad-Dritt, u l-implimentazzjoni imminenti tas-sistema l-ġdid tal-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema, il-Kummissjoni ddeċidiet li tniedi din il-proċedura ta' ksur bħala kwistjoni ta' urġenza. L-awtoritajiet Pollakki għandhom xahar żmien biex iwieġbu għall-Ittra ta' Intimazzjoni. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tinsab lesta li tkompli bid-djalogu li għaddej dwar l-istat tad-dritt mal-Polonja, li jibqa' l-kanal preferut tal-Kummissjoni għar-riżoluzzjoni tat-theddida sistemika għall-istat tad-dritt fil-Polonja.

Kuntest

L-Istat tad-dritt huwa wieħed mill-valuri komuni li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea. Huwa mnaqqax fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, hija responsabbli skont it-Trattati sabiex tiggarantixxi r-rispett tal-istat tad-dritt bħala valur fundamentali tal-Unjoni tagħna u sabiex taċċerta li l-liġi, il-valuri u l-prinċipji tal-UE jiġu rispettati.

Żviluppi fil-Polonja wasslu lill-Kummissjoni Ewropea biex tiftaħ djalogu mal-Gvern Pollakk f'Jannar 2016 fil-Qafas tal-Istat tad-Dritt. Il-Kummissjoni żżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill infurmati regolarment u b'mod dettaljat.

Fit-29 ta' Lulju 2017* il-Kummissjoni nediet proċedura ta' ksur dwar il-Liġi Pollakka dwar il-Qrati Ordinarji, anki fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet dwar l-irtirar tagħha u l-impatt tagħhom fuq l-indipendenza tal-ġudikatura. Il-Kummissjoni rreferiet dan il-każ lill-Qorti tal-Ġustizzja fit-20 ta' Diċembru 2017.

Ukoll fit-20 ta' Diċembru 2017, il-Kummissjoni invokat il-proċedura skont l-Artikolu 7(1) għall-ewwel darba, billi ppreżentat Proposta Motivata għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur serju tal-istat tad-dritt mill-Polonja [1].

Fis-seduta dwar il-Polonja tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali fis-26 ta' Ġunju, fil-kuntest tal-proċedura skont l-Artikolu 7(1), ma ingħatat l-ebda indikazzjoni mill-awtoritajiet Pollakki ta' miżuri li kienu se jittieħdu, li jindirizzaw il-preokkupazzjonijiet pendenti tal-Kummissjoni. Il-Kulleġġ tal-Kummissarji fil-27 ta' Ġunju 2018 għalhekk iddeċida li jagħti s-setgħa lill-Ewwel Viċi President Frans Timmermans li jniedi din il-proċedura ta' ksur. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tkompli bid-djalogu li għaddej dwar l-istat tad-dritt mal-Polonja, li jibqa' l-kanal preferut tal-Kummissjoni għar-riżoluzzjoni tat-theddida sistemika għall-istat tad-dritt fil-Polonja.

Għal iktar informazzjoni

Dwar il-proċedura ta' ksur b'mod ġenerali, ara MEMO/12/12.

 

[1] L-Artikolu 7.1 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jipprovdi li l-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza ta' erbgħa minn ħamsa tal-membri tiegħu, jiddetermina li jkun hemm riskju ċar ta' ksur serju minn Stat Membru tal-valuri komuni msemmija fl-Artikolu 2 tat-Trattat. Il-Kummissjoni tista' tniedi dan il-proċess permezz ta' proposta motivata.

 

 *: aġġornat fit-2 ta' Lulju - 18:00

IP/18/4341

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar