Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea għall-2018: L-Ewropa għandha tkompli ttejjeb il-prestazzjoni tagħha fl-innovazzjoni

Brussell, it-22ta' gunju 2018

It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea tal-Kummissjoni għall-2018 li ġiet ippubblikata llum turi li l-prestazzjoni tal-UE fl-innovazzjoni qed tkompli titjieb, iżda hemm bżonn li jsiru aktar sforzi biex tiġi żgurata l-kompetittività tal-Ewropa fil-livell globali.

Kull sena, il-Kummissjoni tippubblika valutazzjoni komparattiva tal-prestazzjoni tal-Istati Membri fl-innovazzjoni, u tużaha għal tqabbil ma' kompetituri internazzjonali. Id-data tgħin lill-Istati Membri, u lill-UE kollha kemm hi, fit-twettiq ta' valutazzjonijiet biex jiġi analizzat f'liema oqsma jeħtieġ li jsiru aktar sforzi.

Elżbieta Bieńkowska, il-Kummissarju għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, stqarret: “Għal darb' oħra, it-Tabella ta' Valutazzjoni għall-2018 turi li fl-Ewropa hemm ħafna talent u atteġġjament imprenditorjali qawwi, iżda rridu nżidu l-isforzi tagħna biex din l-eċċellenza tissarraf f'suċċess. L-UE, l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-industrija, inkluż l-għadd kbir ta' SMEs fl-Ewropa, iridu jaħdmu flimkien biex iżidu l-effiċjenza tal-ekonomija tagħna, itejbu l-funzjonament tas-suq intern u jgħinu biex jiġi żgurat li l-Ewropa tibqa' fuq quddiem nett fl-innovazzjoni.”

Carlos Moedas, il-Kummissarju għar-Riċerka, ix-Xjenza u l-Innovazzjoni, żied jgħid: “Din l-edizzjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni turi għal darb'oħra li l-Ewropa għandha prestazzjoni qawwija fix-xjenza, għalkemm il-prestazzjoni tagħha fl-innovazzjoni hija pjuttost batuta. L-aġenda mġedda għar-riċerka u l-innovazzjoni tistabbilixxi firxa ta' miżuri maħsuba biex l-Ewropa tikseb post ta' quddiem nett fid-dinja fil-qasam tal-innovazzjoni. Il-proposti tagħna għal Orizzont Ewropa, li hu l-programm ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE li jmiss, se jaċċelleraw il-pass tal-innovazzjoni tul il-katina kollha tal-valur u se jappoġġaw l-identifikazzjoni u l-avvanz ta' innovazzjonijiet rivoluzzjonarji.”

L-edizzjoni ta' din is-sena tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea turi li l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE qed jesperjenzaw xejra pożittiva, b'mod partikolari Malta, in-Netherlands u Spanja, filwaqt li l-Iżvezja żammet il-pożizzjoni tagħha ta' mexxej fl-innovazzjoni fl-UE. L-UE qed tlaħħaq mal-Kanada, il-Ġappun u l-Istati Uniti, li huma l-kompetituri ewlenin f'dan il-qasam. Hemm bżonn ta' sforz konġunt immirat lejn it-titjib tal-potenzjal tal-Ewropa b'rabta mal-innovazzjoni biex din il-lakuna fl-innovazzjoni tingħalaq u biex jinżamm il-vantaġġ fil-progress fuq iċ-Ċina.

Is-sejbiet jikkonfermaw l-Aġenda Mġedda għar-Riċerka u l-Innovazzjoni li l-Kummissjoni ħarġet dan l-aħħar, u li titlob lill-mexxejja tal-UE jaġixxu issa sabiex jgħinu lill-Ewropa twettaq il-potenzjal sħiħ tagħha li ssir forza globali fl-innovazzjoni. Fis-16 ta' Mejju, il-mexxejja tal-UE ltaqgħu f'Sofija għal diskussjoni informali, u huma mistennija li jifformulaw il-konklużjonijiet tagħhom waqt il-Kunsill Ewropew li se jsir bejn it-28 u d-29 ta' Ġunju. Biex tikkontribwixxi għat-tmexxija globali tal-Ewropa fl-innovazzjoni, fis-7 ta' Ġunju l-Kummissjoni pproponiet Orizzont Ewropa, il-programm ta' riċerka u innovazzjoni l-aktar ambizzjuż s'issa, b'EUR 100 biljun proposti għall-perjodu 2021-2027. Iżda l-finanzjament mill-UE biss mhux se jkun biżżejjed. Biex l-istil ta' ħajja Ewropew jinżamm u jittejjeb, hemm bżonn li jsir sforz konġunt bejn is-settur pubbliku u dak privat.

It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea għall-2018: sejbiet ewlenin

  • Għal darb'oħra l-Iżvezja tinsab fuq quddiem nett fl-innovazzjoni fl-UE, u warajha hemm id-Danimarka, il-Finlandja, in-Netherlands, ir-Renju Unit u l-Lussemburgu, li din is-sena sab postu fost l-aqwa innovaturi. Il-Ġermanja ġiet relegata għall-grupp tal-innovaturi b'saħħithom.

 Figure

Il-klassifika tal-pajjiżi fit-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea għall-2018. Assi Y: il-prestazzjoni tal-innovazzjoni fl-2017 (kolonni kkuluriti), 2016 (singijiet orizzontali ) u 2010 (kolonni griżi ) relattivi għall-medja tal-UE fl-2010 – aggregat ta' 27 indikatur; Assi X: Pajjiżi tal-UE

  • Bħala medja, mill-2010 'l hawn, il-prestazzjoni tal-innovazzjoni tal-UE żdiedet b'5.8%. Tul it-tmien snin li għaddew, il-prestazzjoni tal-innovazzjoni żdiedet fi 18-il pajjiż tal-UE u naqset f'għaxra minnhom. Il-prestazzjoni żdiedet l-aktar fil-Litwanja, f'Malta, fin-Netherlands u fir-Renju Unit, u naqset l-aktar f'Ċipru u fir-Rumanija.

  • F'livell globali, l-UE qed tilħaq il-livell tal-Kanada, tal-Ġappun u tal-Istati Uniti. L-UE għad għandha vantaġġ fuq iċ-Ċina, iżda dan il-vantaġġ qed jiċkien b'mod rapidu billi ċ-Ċina żviluppat b'pass kważi tliet darbiet aktar mgħaġġel minn dak tal-UE. Meta mqabbel mal-Korea t'Isfel, l-UE waqgħet lura, iżda mistennija li taqbad ritmu ta' rkupru gradwali fis-snin li ġejjin.

  • F'ċerti oqsma tal-innovazzjoni, il-pajjiżi ta' quddiem tal-UE huma:

    • Id-Danimarka – riżorsi umani u ambjent favorevoli għall-innovazzjoni;

    • Il-Lussemburgu – sistemi attraenti ta' riċerka;

    • Franza – finanzjament u appoġġ;

    • L-Irlanda – innovazzjoni fl-SMEs, impatti fuq l-impjiegi, u l-impatti fuq il-bejgħ;

    • Il-Belġju – rabtiet u kollaborazzjoni b'rabta mal-innovazzjoni.

  • It-titjib fil-prestazzjoni tal-innovazzjoni seħħ l-aktar fil-qasam tal-penetrazzjoni tal-broadband, f'dak tar-riżorsi umani u anki fejn tidħol l-attrattività tas-sistemi ta' riċerka, speċjalment permezz ta' kopubblikazzjonijiet internazzjonali.

  • In-nefqiet pubbliċi fir-Riċerka u l-Iżvilupp bħala sehem mill-PDG għadhom taħt il-livell tagħhom tal-2010.

  • Fis-sentejn li ġejjin, il-prestazzjoni ġenerali tal-UE fl-innovazzjoni mistennija titjieb b'6%.

Sfond

Madwar żewġ terzi tat-tkabbir ekonomiku li seħħ fl-Ewropa matul dawn l-aħħar deċennji kien motivat mill-innovazzjoni. L-Ewropa tirrappreżenta 7% biss tal-popolazzjoni tad-dinja, iżda hija responsabbli għal 20% tal-investiment globali fir-Riċerka u l-Iżvilupp, tipproduċi terz tal-pubblikazzjonijiet xjentifiċi ta' kwalità għolja, u għandha pożizzjoni dinjija minn ta' quddiem nett f'diversi setturi industrijali, fosthom il-farmaċewtika, is-sustanzi kimiċi, l-inġinerija mekkanika u l-moda. L-Ewropa għandha wkoll pożizzjoni qawwija fl-appoġġ għall-innovazzjoni permezz ta' Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali, bħall-fotonika u l-bijoteknoloġija.

Iżda l-Ewropa qiegħda lura f'diversi oqsma. Il-kumpaniji tal-UE jonfqu inqas fl-innovazzjoni milli jonfqu l-kompetituri tagħhom. Il-kapital ta' riskju jibqa' mhux żviluppat biżżejjed fl-Ewropa, u dan qed iwassal biex il-kumpaniji jimxu lejn ekosistemi li fihom għandhom aktar opportunitajiet biex jikbru b'rata mgħaġġla. L-investiment pubbliku fl-UE kollha ma jilħaqx il-mira ta' 3% tal-PDG. L-intensità tar-Riċerka u l-Iżvilupp għadha mhix uniformi fost ir-reġjuni tal-UE, u l-investiment u r-riċerka jinsabu kkonċentrati bl-aktar mod prominenti fl-Ewropa tal-Punent. Barra minnn hekk, 40% tal-forza tax-xogħol fl-Ewropa m'għandhomx il-ħiliet diġitali meħtieġa.

It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea annwali tipprovdi valutazzjoni komparattiva tal-prestazzjoni tal-pajjiżi tal-UE u ta' pajjiżi terzi speċifiċi fl-oqsma tar-riċerka u tal-innovazzjoni. Hija tanalizza l-qawwiet u d-dgħufijiet tas-sistemi nazzjonali tar-riċerka u l-innovazzjoni u tgħin lill-pajjiżi jivvalutaw l-oqsma li fihom iridu jikkonċentraw l-isforzi tagħhom sabiex isaħħu l-prestazzjoni tagħhom fl-innovazzjoni.

Aktar informazzjoni

IP/18/4223

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar