Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-UE tadotta miżuri ta' riekwilibriju b'reazzjoni għat-tariffi imposti mill-Istati Uniti fuq l-azzar u l-aluminju

Brussell, I-20ta' gunju 2018

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat ir-regolament li jistabbilixxi l-miżuri ta' riekwilibriju tal-UE b'risposta għat-tariffi li l-Istati Uniti imponew fuq l-azzar u l-aluminju. Dawn il-miżuri se jkunu minnufih immirati fuq lista ta' prodotti b'valur ta' €2.8 biljun u se jidħlu fis-seħħ nhar il-Ġimgħa 22 ta' Ġunju.

Il-lista ta' importazzjonijiet mill-Istati Uniti li issa se jaffaċċjaw dazju żejjed fil-fruntiera tal-UE tinkludi prodotti tal-azzar u l-aluminju, prodotti agrikoli u kombinazzjoni ta' prodotti varji oħrajn. Billi tistabbilixxi dawn id-dazji l-UE qed teżerċita d-drittijiet tagħha skont ir-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).

Il-Kummissarju għall-Kummerċ Cecilia Malmström qalet: “Qatt ma xtaqna nkunu f'din il-pożizzjoni. Madankollu, id-deċiżjoni unilaterali u inġustifikata tal-Istati Uniti li timponi dazji fuq l-azzar u l-aluminju fuq l-UE tfisser li ma fadlilniex għażla oħra. Ir-regoli tal-kummerċ internazzjonali, li żviluppajna tul is-snin id f'id ma' sħabna l-Amerikani, ma jistgħux jinkisru mingħar ma nirreaġġixxu. Ir-risposta tagħna hija meqjusa, proporzjonata u kompletament konformi mar-regoli tad-WTO. M'hemmx għalfejn ngħidu: jekk l-Istati Uniti jneħħu t-tariffi tagħhom, il-miżuri tagħna jitneħħew ukoll.”

L-aħbar tal-lum issegwi n-notifika tal-lista sħiħa lid-WTO u l-approvazzjoni tagħha mill-Kulleġġ tal-Kummissarji fis-6 ta' Ġunju, wara l-applikazzjoni tal-Istati Uniti tat-tariffi sħaħ fuq il-prodotti tal-azzar u tal-aluminju tal-UE. L-Istati Membri tal-UE wrew l-appoġġ unanimu tagħhom għal dan l-approċċ.

L-UE se tibbilanċja mill-ġdid il-kummerċ mal-Istati Uniti billi tieħu bħala bażi l-valur tal-esportazzjonijiet tal-azzar u l-aluminju tagħha affettwati mill-miżuri tal-Istati Uniti. Dawn għandhom valur ta' €6.4 biljun. Minn dan l-ammont l-UE se tibbilanċja mill-ġdid b'€2.8 biljun a' esportazzjonijiet minnufih. Ir-riekwilibriju li jifdal fuq kummerċ ivvalutat għal €3.6 biljun se jsir iktar 'il quddiem — minn hawn u tliet snin oħra jew wara riżultanza pożittiva fis-soluzzjoni għat-tilwim tad-WTO jekk tiġi qabel.

Il-miżuri ta' riekwilibriju tal-UE se jkunu effettivi sakemm il-miżuri tal-Istati Uniti jkunu għadhom hemm, b'konformità mal-Ftehim dwar is-Salvagwardji tad-WTO u l-leġiżlazzjoni tal-UE.

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni, li għandu jiġi ppubblikat għada u li jidħol fis-seħħ nhar il-Ġimgħa, jelenka l-prodotti u l-livell ta' dazji li għandhom jiġu applikati, kemm issa kif ukoll fil-ġejjieni, jekk dan ikun meħtieġ.

Il-lista ta' prodotti hija l-istess waħda li kien hemm fir-Regolament ta' Implimentazzjoni preċedenti tas-16 ta' Mejju kif innotifikat lid-WTO fit-18 ta' Mejju.

Sfond

Id-deċiżjoni tal-lum hija parti minn rispons bi tliet partijiet indikat mill-Kummissjoni Ewropea iktar kmieni din is-sena. Dan jinkludi wkoll it-tnedija fl-1 ta' Ġunju ta' proċedimenti legali kontra l-Istati Uniti fid-WTO u azzjoni ta' salvagwardja biex is-suq Ewropew jiġi mħares mit-tfixkil maħluq mid-diverżjoni tal-azzar mis-suq tal-Istati Uniti. Fis-26 ta' Marzu ġiet varata investigazzjoni dwar is-salvagwardji. Il-Kummissjoni għandha disa' xhur biex tiddeċiei jekk humiex se jkunu meħtieġa miżuri ta' salvagwardja. Jekk l-investigazzjoni tikkonferma l-ħtieġa għal azzjoni rapida, tali deċiżjoni tista' tittieħed sas-sajf. Fir-rigward tal-aluminju, il-Kummissjoni implimentat sistema ta' sorveljanza għall-importazzjonijiet tal-aluminju biex titħejja f'każ li tkun meħtieġa azzjoni f'dak is-settur.

Għal iktar tagħrif

Lista ta' prodotti għar-riekwilibriju

Reazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju, wara l-impożizzjoni tat-tariffi min-naħa tal-Istati Uniti

 

IP/18/4220

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar