Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Atlas Dinji tad-Deżertifikazzjoni l-ġdid juri l-pressjoni mingħajr preċedent fuq ir-riżorsi naturali tal-pjaneta

Brussell, il-21ta' gunju 2018

Illum, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, is-servizz tal-Kummissjoni Ewropea għax-xjenza u l-għarfien, qed jippubblika edizzjoni ġdida tal-Atlas Dinji tad-Deżertifikazzjoni, li joffri għodda ġdida għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet biex itejbu r-rispons lokali għat-telf tal-ħamrija u d-degradazzjoni tal-art.

L-Atlas jipprovdi l-ewwel valutazzjoni komprensiva bbażata fuq l-evidenza tad-degradazzjoni tal-art fil-livell globali u jitfa' dawl fuq l-urġenza li jiġu adottati miżuri korrettivi. 

Tibor Navracsics, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport, li huwa responsabbli għaċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka(JRC), qal: “Matul dawn l-aħħar għoxrin sena, minn meta ġiet ippublikata l-aħħar edizzjoni tal-Atlas Dinji tad-Deżertifikazzjoni, il-pressjonijiet fuq l-art u l-ħamrija żdiedu b'mod drammatiku. Biex nippreservaw il-pjaneta tagħna għall-ġenerazzjonijiet futuri, jeħtieġ li b'mod urġenti nibdlu l-mod kif nittrattaw dawn ir-riżorsi prezzjużi. Din l-edizzjoni ġdida u ħafna aktar avvanzata tal-Atlas toffri lil dawk li jfasslu l-politika fid-dinja kollha, opinjonijiet komprensivi li huma faċilment aċċessibbli, dwar id-degradazzjoni tal-art, il-kawżi tagħha u r-rimedji potenzjali li jindirizzaw id-deżertifikazzjoni u restawr tal-art degradata.” 

Karmenu Vella, il-Kummissarju għall-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, qal: “L-Atlas Dinji tad-Deżertifikazzjoni se jgħinna nifhmu aħjar il-problema li qed tikber tad-deżertifikazzjoni u d-degradazzjoni tal-art, u kif nistgħu nindirizzaw din il-kwistjoni. L-Atlas juri li l-UE qiegħda dejjem tiġi affettwata aktar bid-deżertifikazzjoni u jitfa' dawl fuq l-importanza tal-ħarsien tal-ħamrija u fuq l-użu sostenibbli tal-art u l-ilma f'oqsma ta' politika bħall-agrikoltura, il-forestrija, l-enerġija u t-tibdil fil-klima. Dan hu l-approċċ rakkomandat fl-Istrateġija Tematika tal-UE għall-Ħamrija, u din hija l-aħjar tama tagħna li niksbu n-newtralità fid-degradazzjoni tal-art f'konformità mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tal-2030.” 

L-Atlas jipprovdi eżempji ta' kif l-attività tal-bniedem tixpruna l-estinzjoni tal-ispeċijiet, thedded is-sigurtà tal-ikel, tintensifika t-tibdil fil-klima u twassal biex il-persuni jiġu spostati minn djarhom. 

Is-sejbiet ewlenin juru li t-tkabbir fil-popolazzjoni u t-tibdil fix-xejriet tal-konsum tagħna qegħdin ipoġġu pressjoni bla preċedent fuq ir-riżorsi naturali tal-pjaneta.

  • Aktar minn 75 % tal-erja tad-dinja hija diġà degradata u aktar minn 90 % tista' tkun degradata sal-2050.

  • B'mod globali, kull sena, erja totali nofs dik tal-Unjoni Ewropea (4.18-il miljun km²) qiegħda tiġi degradata, fejn l-Afrika u l-Asja huma l-aktar milquta.

  • L-ispiża ekonomika tad-degradazzjoni tal-ħamrija fl-UE hija stmata li hi ta' għexieren ta' biljuni ta' euro kull sena.

  • Id-degradazzjoni tal-art u t-tibdil fil-klima huma stmati li jwasslu għal tnaqqis globali fil-ħsad tal-għelejjel b'madwar 10 % sal-2050. Il-biċċa l-kbira ta' din se sseħħ fl-Indja, fiċ-Ċina u fl-Afrika sub-Saħarjana, fejn id-degradazzjoni tal-art tista' tnaqqas bin-nofs il-produzzjoni tal-għelejjel.

  • Bħala konsegwenza tad-deforestazzjoni aċċellerata, ser ikun aktar diffiċli biex jittaffew l-effetti tat-tibdil fil-klima.

  • Sal-2050, sa 700 miljun persuna huma stmati li jkunu ġew spostati minħabba kwistjonijiet marbuta mal-iskarsezza tar-riżorsi tal-art. Iċ-ċifra tista' tilħaq sa 10 biljuni sal-aħħar ta' dan is-seklu. 

Filwaqt li d-degradazzjoni tal-art hija problema globali, din isseħħ lokalment u teħtieġ soluzzjonijiet lokali. Hemm bżonn ta' impenn akbar u aktar kooperazzjoni effettiva fil-livell lokali biex tieqaf id-degradazzjoni tal-art u t-telf tal-bijodiversità. 

Aktar espansjoni agrikola, waħda mill-kawżi ewlenin tad-degradazzjoni tal-art, tista' tkun limitata b'żieda fil-ħsad tal-art agrikola eżistenti, b'bidla lejn dieti bbażati fuq il-pjanti, b'konsum ta' proteini tal-annimali minn sorsi sostenibbli u bi tnaqqis fit-telf tal-ikel u l-iskart. 

L-Atlas jagħti ħarsa ġenerali ċara lejn il-kawżi bażiċi tad-degradazzjoni fid-dinja kollha. Fih ukoll għadd kbir ta' fatti, tbassir u settijiet ta' data globali li jistgħu jintużaw biex jiġu identifikati proċessi bijofiżiċi u soċjoekonomiċi importanti, li għaddejjin bħalissa, waħedhom jew flimkien, li jistgħu jwasslu għal użu mhux sostenibbli tal-art u d-degradazzjoni tal-art. 

Sfond 

Taħt l-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, il-mexxejja tad-dinja impenjaw ruħhom għall-“ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni, ir-restawr tal-art u l-ħamrija degradati, inkluż l-art affettwata minn deżertifikazzjoni, nixfa u għargħar, u l-ħidma biex ikun hemm dinja b'effett newtrali fuq id-degradazzjoni tal-art sal-2030. Filwaqt li fil-livell globali, id-deżertifikazzjoni tiġi indirizzata permezz tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni (UNCCD), id-degradazzjoni tal-art hija problema li tikkonċerna l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Konvenzjoni dwar il-Bijodiversità. L-importanza tad-degradazzjoni tal-art u d-deżertifikazzjoni wasslet għall-adozzjoni tal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli 15.3 li jimmira lejn in-newtralità tad-degradazzjoni tal-art. 

Fil-livell tal-UE id-deżertifikazzjoni taffettwa 8 % tat-territorju, b'mod partikolari fl-Ewropa Ċentrali, tal-Lvant u tan-Nofsinhar. Dawn ir-reġjuni, li jirrappreżentaw madwar 14-il miljun ettaru — juru sensittività għolja għad-deżertifikazzjoni. Tlettax-il Stat Membru ddikjaraw li huma affettwati mid-deżertifikazzjoni skont il-UNCCD: Il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, Malta, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja u Spanja. L-UE hija impenjata bis-sħiħ biex tipproteġi l-ħamrija u trawwem użu sostenibbli tal-art, u tqis dawn l-impenji meta jiġu żviluppati proposti dwar l-enerġija, l-agrikoltura, il-forestrija, it-tibdil fil-klima, ir-riċerka u oqsma oħra. 

L-edizzjoni l-ġdida tal-Atlas, ippubblikat illum, inħolqot bl-użu ta' metodi ġodda għall-ipproċessar tad-data użata mix-xjenzjati tal-UE, b'eluf ta' kompjuters ta' prestazzjoni għolja u 1.8 petabiti ta' data satellitari. Il-volum tad-data jikkorrispondi għal 2.7 miljun diska CD-ROM jew aktar minn 6 snin ta' 24/7 recording tal-vidjow High Definition sħiħa. L-ewwel żewġ edizzjonijiet tal-Atlas ġew ippubblikati fl-1992 qabel is-Summit dwar id-Dinja f'Rio de Janeiro, u ħames snin wara, fl-1998, b'żieda ta' xi studji. 

Għal aktar tagħrif

L-Atlas Dinji tad-Deżertifikazzjoni ġdid 

L-Iskeda Informattiva taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka

 

IP/18/4202

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar