Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-politika ta' Koeżjoni wara l-2020: Il-Kummissjoni tgħin lir-reġjuni tal-Ewropa jsiru aktar innovattivi

Brussell, id-19ta' gunju 2018

Illum il-Kummissjoni qed iġġedded l-inizjattiva “Skala tal-Eċċellenza”, biex tkompli tipprovdi appoġġ u għarfien espert imfassla apposta lir-reġjuni li għadhom lura f'dak li għandu x'jaqsam ma' innovazzjoni.

Din l-inizjattiva se tgħin lir-reġjuni jiżviluppaw, jaġġornaw u jirfinaw l-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti tagħhom – jiġifieri, l-istrateġiji ta' innovazzjoni reġjonali tagħhom imsejsa fuq oqsma speċifiċi tar-reġjuni tal-qawwiet kompetittivi – qabel jibda l-perjodu baġitarju 2021-2027. Din se tgħinhom ukoll jidentifikaw ir-riżorsi adegwati tal-UE biex jiffinanzjaw il-proġetti innovattivi, u jingħaqdu ma' reġjuni oħra b'assi simili biex joħolqu raggruppamenti ta' innovazzjoni.

Wara l-proposti tal-Kummissjoni għall-Politika ta' Koeżjoni futura, u l-programm il-ġdid “Orizzont Ewropa”, f'konformità mal-aġenda mġedda għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, tal-Kummissjoni, l-“Iskala ta' Eċċellenza” hija mod ieħor kif il-Kummissjoni qed tgħin lir-reġjuni tal-Ewropa jħejju għall-ġejjieni, bi strateġiji ta' innovazzjoni solidi appoġġati mill-fondi tal-UE fil-bagit fit-tul tal-UE li jmiss għall-2021-2027.

Il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali, Corina Creţu qalet: “Speċjalizzazzjoni intelliġenti se tkun dejjem aktar importanti minn qatt qabel fil-perjodu wara l-2020. Biex dawn l-istrateġiji jesprimu l-potenzjal sħiħ tagħhom fis-snin li ġejjin, għandna bżonn żewġ affarijiet: iktar sħubija u appartenenza akbar, speċjalment f'dawk ir-reġjuni li l-aktar għandhom bżonn ilaħħqu mal-oħrajn. Din l-inizjattiva se tgħin biex tħejji t-triq għall-istrateġiji ta' innovazzjoni solidi fil-perjodu ta' wara l-2020.

Carlos Moedas, il-Kummissarju għar-Riċerka, ix-Xjenza u l-Innovazzjoni, żied jgħid: “Għadna kif ipproponejna l-aktar programm ta' finanzjament ambizzjuz sa issa, dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE, Orizzont Ewropa, b'EUR 100 biljun għall-2021-2027. Dan ifisser ukoll aktar opportunitajiet għar-reġjuni biex jagħmlu l-aħjar użu mill-potenzjal ta' riċerka u innovazzjoni tagħhom. “L-iskala għall-Eċċellenza” se tgħinhom jikkombinaw is-sorsi ta' finanzjament tal-UE biex jiffinanzjaw proġetti innovattivi.”

Tibor Navracsics, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport, qal: “Taħt din l-inizjattiva, iċ-Ċentru ta' Riċerka Konġunta” - is-servizz tal-Kummissjoni għax-xjenza u l-għarfien - se juża l-għarfien espert tiegħu biex jgħin lir-reġjuni jibnu fuq il-qawwiet u l-prijoritajiet tagħhom, jitgħallmu minn xulxin u jagħmlu l-aħjar li jistgħu mill-assi l-aktar siewja tagħhom: it-talenti u l-kreattività tal-poplu.”

L-inizjattiva, ikkoordinata miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, se tipprovdi lir-reġjuni b'erba' forom ta' appoġġ:

  1. Il-Kummissjoni u l-esperti esterni se jgħinu lir-reġjuni jidentifikaw l-oqsma għal titjib fl-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti tagħhom, fis-sistemi ta' innovazzjoni reġjonali tagħhom (il-kwalità tar-riċerka pubblika, ir-rabtiet effiċjenti kummerċjali-xjentifiċi u ambjenti favur in-negozju) u fil-mod ta' kif jikkooperaw ma' reġjuni oħra fl-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni.
  2. L-esperti se jgħinuhom ukoll biex jisfruttaw il-potenzjal kollu tas-sorsi ta' finanzjament, bħal Orizzont Ewropa, Ewropa Diġitaliu l-fondi tal-Politika ta' Koeżjoni, u jikkombinawhom permezz ta' opportunitajiet ġodda għal sinerġiji, offruti mill-proposti tal-Kummissjoni għall-fondi tal-UE 2021–2027.
  3. Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka se jgħin biex jidentifika u jirrimedja l-ostakoli speċifiċi għall-innovazzjoni reġjonali, bħalma huma n-nuqqas ta' interazzjoni bejn l-oqsma tan-negozji lokali u d-dinja akkademika jew il-parteċipazzjoni baxxa fil-programm attwali Orizzont 2020.
  4. Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka se jorganizza wkoll opportunitajiet ta' netwerking u gruppi ta' ħidma għar-reġjuni biex jiltaqgħu u jiskambjaw prattiki tajba fil-bini ta' strateġiji ta' innovazzjoni reġjonali. Dan se jiffaċilita wkoll l-iżvilupp ta' sħubijiet għal investimenti interreġjonali fl-innovazzjoni.

Il-passi li jmiss

L-inizjattiva mġedda se tibda dan is-sajf, għal sentejn. Ir-reġjuni jistgħu jimmarkaw l-interess tagħhom u jipparteċipaw permezz tal-Pjattaforma ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti.

Il-kuntest

L-inizjattiva “Skala għall-Eċċellenza” tnediet fl-2014, bi sħubija mal-Parlament Ewropew, meta l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti saret rekwiżit skont ir-regoli tal-Politika ta' Koeżjoni. Hija ġiet imġedda kull sena bi programmi ta' ħidma u prijoritajiet differenti. Għall-2019–2018, hija ffokat fuq it-tħejjija tal-baġit tal-UE fit-tul li jmiss, filwaqt li bniet fuq il-metodu tal-azzjonijiet pilota ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti tal-2017. L-inizjattiva għandha baġit ta' EUR 3 miljun għal dawn is-sentejn, disponibbli mill-Parlament Ewropew.

Għal aktar informazzjoni:

29/05: L-iżvilupp reġjonali u l-Politika ta' Koeżjoni wara l-2020:

7/06: Riċerka u Innovazzjoni lil hinn mill-2020 (Orizzont Europa)

15/05: Aġenda mġedda għar-Riċerka u l-Innovazzjoni

IP/18/4184

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar