Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Ewropa li tipproteġi: l-UE taħdem biex tibni r-reżiljenza u tiġġieled aħjar it-theddid ibridu

Brussell, it-13ta' gunju 2018

Wara l-attakk ta' Salisbury, u wara l-istedina tal-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli llum qed jipproponu aktar passi biex jibnu fuq il-ħidma li diġà saret bi tweġiba għat-theddid Ibridu u Kimiku, Bijoloġiku u Radjoloġiku (nuclear, radiological, biological and chemical, CBRN).

Huma qed ikomplu jirrappurtaw dwar l-implimentazzjoni ġenerali tal-Qafas Konġunt dwar il-ġlieda kontra t-theddid ibridu. Il-Kummissjoni qiegħda wkoll tieħu kont tal-progress li sar fuq fajls ewlenin tas-sigurtà, inkluż il-Pjan ta' Azzjoni CBRN.

Ir-Rappreżenant Għoli/Viċi President Federica Mogherini qalet: "Fi żminijiet ta' sfidi ġodda madwar id-dinja, qed insaħħu l-ħidma tagħna fi ħdan l-Unjoni Ewropea biex niġġieldu t-theddid ibridu — kemm fil-qasam informatiku, kif ukoll dwar diżinformazzjoni jew kontrospjunaġġ. Flimkien mal-Istati Membri u s-sħab tagħna, bħan-NATO, qed naħdmu biex insaħħu l-kapaċitajiet tagħna li nindirizzaw dawn l-isfidi u nsaħħu r-reżiljenza tagħna għal riskji kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari, biex nipproteġu b'mod effettiv liċ-ċittadini tagħna."

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni, u ċ-Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos qal: “Poġġejna s-sigurtà mill-bidu nett bħala prijorità tagħna – iżda jeħtieġ li jsir aktar biex niċħdu lill-atturi ostili barranin mill-mezzi u l-libertà biex jaġixxu. Illum, qed inkomplu nżidu l-isforzi tagħna biex naqtgħu l-aċċess tagħhom għal sustanzi kimiċi ta' theddida għall-ħajja - billi nibnu Ewropa iktar reżiljenti u armata sew biex tiffaċċja theddid għas-sigurtà kumplessi u dinamiċi.”

Il-Kummissarju għall-Unjoni tas-Sigurtà Julian King qal: L-attakk ta' Salisbury kien tfakkira ċara dwar il-fatt li t-theddida li ġejja minn riskji kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari hija reali ħafna. Illum, qed nagħtu segwitu għall-Pjan ta' Azzjoni CBRN tagħna tas-sena l-oħra biex inkunu preparati aħjar għal theddid bħal dan kif ukoll għal theddid ibridu ieħor li jista' jikkawża ħsara kbira u jkattar l-instabilità. Jenħtieġ li nkunu speċjalment viġilanti fid-dawl tal-elezzjonijiet li ġejjin."

Inżidu r-reazzjoni tal-UE għat-theddid ibridu

L-attivitajiet ibridi minn atturi tal-Istat u mhux tal-Istat qed ikomplu jkunu ta' theddida serja u akuta għall-UE u l-Istati Membri tagħha. Pereżempju l-perjodu tal-elezzjonijiet wera li qed ikun mira partikolarment strateġika u sensittiva. Filwaqt li l-bini tar-reżiljenza għal dan it-theddid u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet huma b'mod predominanti responsabilità tal-Istati Membri, l-UE ħadmet biex jinbnew kapaċitajiet biex dan jiġi miġġieled, inkluż billi taħdem ma' sħab internazzjonali bħan-NATO. Biex ikompli jsaħħaħ ir-rispons kollettiv għat-theddid li qed jevolvi, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli identifikaw oqsma li fihom għandhom jittieħdu passi oħra:

  • Għarfien tas-Sitwazzjoni: Iċ-Ċellola ta' Fużjoni kontra t-Teddid Ibridu, stabbilita fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, diġa' hija assi importanti, u tirċievi u tanalizza informazzjoni iżda jeħtieġ li jkun hemm aktar għarfien espert li jindirizza l-firxa sħiħa tat-theddid ibridu. Għalhekk iċ-Ċellola se tiġi estiża b'komponenti Kimiċi, Bijoloġiċi, Radjoloġiċi u Nukleari (CBRN), b'komponenti ta' Kontrospjunaġġ kif ukoll komponenti Analitiċi ċibernetiċi.
  • Komunikazzjoni Strateġika: Filwaqt li jibnu fuq l-esperjenza preċedenti, ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni se jkomplu jiżviluppaw il-kapaċitajiet ta' komunikazzjoni strateġiċi tal-UE billi jiżguraw interazzjoni sistematika u koerenza bejn l-istrutturi eżistenti. Dawn se jiġu estiżi għal istituzzjonijiet u Stati Membri oħra tal-UE, u se jinkludu l-pjattaforma online sigura mħabbra preċedentement dwar id-diżinformazzjoni;
  • Il-bini tar-reżiljenza u d-deterrenza fis-settur taċ-ċibersigurtà: F'din l-aħħar sena, l-UE ressqet mezzi ewlenin ta' bini tal-kapaċità u l-ġlieda kontra t-theddid ċibernetiku, bħall-proposta għal qafas għaċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà, mandat għal Aġenzija taċ-Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea aktar b'saħħitha u mmodernizzata u “pjan ta' azzjoni” għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE f'każ ta' attakk u l-għodod għad-diplomazija ċibernetika. Il-Parlament u l-Kunsill għandhom jaċċelleraw il-ħidma biex jikkonkludu n-negozjati dwar l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà u jaqblu dwar regoli ġodda dwar il-ġbir ta' evidenza elettronika. Qiegħda titwaqqaf pjattaforma dedikata għat-taħriġ u l-edukazzjoni biex tikkoordina t-taħriġ dwar iċ-ċiberdifiża. L-attribuzzjoni ta' attakki ċibernetiċi hija wkoll importanti u l-UE tħeġġeġ lill-Istati Membri biex tkompli x-xogħol f'dan il-qasam;
  • Il-bini tar-reżiljenza għal attività ostili tal-intelligence: Il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari n-NATO, hija kruċjali. Is-SEAE u l-Kummissjoni ser jimplimentaw miżuri prattiċi mtejba biex isostnu u jiżviluppaw l-abilità interattiva tal-UE biex jiġġieldu l-attività ostili tal-intelligence mmirata lejn l-istituzzjonijiet. Iċ-Ċellola ta' Fużjoni kontra t-Theddid Ibridu se tissaħħaħ b'għarfien espert tal-kontrospjunaġġ biex tiprpovdi analiżi u tagħrif dettaljat.

Ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni llum qed jirrappurtaw ukoll dwar l-implimentazzjoni tat-22 miżura identifikati skont il-Qafas Konġunt dwar il-Ġlieda kontra Theddid Ibridu, li jvarjaw mit-titjib tal-iskambju ta' informazzjoni, għat-tisħiħ tal-protezzjoni ta' infrastruttura kritika u ċ-ċibersigurtà, sal-bini ta' reżiljenza fis-soċjetajiet tagħna kontra r-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu. L-Istati Membri rċevew appoġġ permezz tal-qafas, u r-rispons tal-UE għat-theddid ibridu ġie ttestjat b'suċċess b'mod konġunt man-NATO f'għadd ta' eżerċizzji.

Tħejjija miżjuda kontra theddid kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari

F'Ottubru 2017, il-Kummissjoni ppreżentat Pjan ta' Azzjoni biex issaħħaħ it-tħejjija u r-reżiljenza kontra riskji għas-sigurtà Kimiċi, Bijoloġiċi, Radjoloġiċi u Nukleari (CBRN) fil-livell tal-UE. L-attakk ta' Salisbury u tħassib dejjem jiżdied dwar l-interess tat-terroristi fil-kapaċità li jużaw sustanza bħal din juru li l-isfidi ta' sigurtà kkawżati mis-CBRN, b'mod partikolari mit-theddid kimiku, huma reali. L-UE se tesplora miżuri biex iżżomm ir-rispett għal regoli u standards internazzjonali, inkluż permezz tal-possibilità ta' reġim ta' sanzjonijiet tal-UE dwar l-armi kimiċi. B'mod parallel, il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jżidu x-xogħol biex jaċċelleraw aktar il-ħidma dwar theddid kimiku sa tmiem l-2018, inkluż permezz ta':

  • L-Iżvilupp ta' lista ta' sustanzi kimiċi li joffru theddida partikolari għas-sigurtà;
  • It-twaqqif ta' djalogu ma' links għall-katina tal-provvistabiex jiġi indirizzat theddid minn kimiki li jistgħu jintużaw bħala prekursuri;
  • It-titjib tal-iskoperta ta' theddid ta' natura kimika billi jiġu riveduti x-xenarji ta' theddid u jiġu analizzati metodi ta' detezzjoni eżistenti;
  • It-tqajjim tal-kuxjenza fost dawk li jagħtu l-ewwel rispons, b'mod partikolari persunal tal-infurzar tal-liġi u tal-protezzjoni ċivili;
  • Il-ħolqien ta' inventarji ta' ħażniet ta'kontromiżuri mediċi essenzjali, kapaċitajiet ta' laboratorju, ta' trattament u kapaċitajiet oħra, u ġbir regolari ta' informazzjoni dwar id-disponibilità tagħhom madwar l-Ewropa.

Progress dwar fajls ta' prijorità għas-sigurtà

Ir-Rapport ta' Progress dwar l-Unjoni tas-Sigurtà ppreżentat illum jagħti aġġornament dwar it-tneħħija ta' kontenut terroristiku online u t-triq 'il quddiem dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni wara r-rapport finali tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar ir-Radikalizzazzjoni ppreżentat fit-18 ta' Mejju. Ir-rapport jeżamina wkoll il-progress li sar f'oqsma oħra ta' prijorità għas-sigurtà inkluża l-interoperabbiltà, l-iskambju tal-informazzjoni, iċ-ċibersigurtà u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Fl-aħħar, illum il-Kummissjoni qed tippreżenta Pjan ta' Azzjoni tal-UE biex ittejjeb is-sigurtà tal-passiġġieri u l-persunal ferrovjarju, u twassal l-impenn tagħha biex tipproteġi aħjar spazji pubbliċi. Il-Pjan ta' Azzjoni għandu l-għan li jipprevjeni u jirrispondi għal attakki possibbli mmirati lejn is-servizzi ferrovjarji permezz ta' kooperazzjoni ġdida u qafas ta' koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, inkluż permezz ta' Pjattaforma għas-Sigurtà tal-Passiġġieri tal-Ferroviji tal-UE ġdida.

Il-Kummissjoni llum ippreżentat ukoll rapport dwar l-impatt tal-possibilità ta' restrizzjonijiet dwar pagamenti fi flus kontantili kkonkluda li restrizzjonijiet bħal dawn mhux bilfors jipprevjenu l-finanzjament tat-terroriżmu. F'dan l-istadju, il-Kummissjoni mhu qed tqis l-ebda inizjattiva leġiżlattiva f'dan ir-rigward.

Il-passi li jmiss

Il-Komunikazzjoni Konġunta tal-lum dwar it-theddid ibridu tgħarraf lill-Kunsill Ewropew bix-xogħol li qed isir diġà u bl-oqsma fejn għandhom ikunu intensifikati l-isforzi. Huwa f'idejn l-Istati Membri tal-UE, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli biex jiżguraw segwitu rapidu.

Il-Kummissjoni se tkompli l-ħidma tagħha dwar il-fajls ta' prijorità kollha tas-sigurtà, l-aktar minħabba l-laqgħa informali tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern dwar is-sigurtà interna f'Settembru.

Sfond

Is-sigurtà kienet prijorità politika sa mill-bidu tal-mandat tal-Kummissjoni Juncker – mil-Linji Gwida Politiċi tal-President Juncker ta' Lulju 2014, sal-aħħar Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni fit-13 ta' Settembru 2017.

L-attivitajiet ibridi minn gruppi tal-Istat u mhux tal-Istat qed ikomplu jkunu ta' theddida serja u akuta għall-UE u l-Istati Membri tagħha. Kampanji ibridi huma multidimensjonali, u jabbinaw miżuri koerċittivi u sovversivi, bl-użu ta' mezzi u tattiki kemm konvenzjonali kif ukoll mhux konvenzjonali. Huma mfassla biex ikun diffiċli li jiġu identifikati jew li jiġu attribwiti għal kwalunkwe individwu jew grupp. L-attakk tal-aġent nervin ta' Marzu fir-Renju Unit enfasizza l-firxa wiesgħa ta' gwerra ibrida u l-ħtieġa għal aktar reżiljenza f'dan ir-rigward.

Għal Aktar Informazzjoni

Komunikazzjoni Konġunta: Iż-żieda fir-reżiljenza u tal-kapaċitajiet ta' tisħiħ biex jiġi indirizzat it-theddid ibridu

Rapport Konġunt dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas Konġunt dwar il-ġlieda kontra theddid ibridu minn Lulju 2017 sa Ġunju 2018

Skeda informattiva: Theddid ibridu

Il-Ħmistax-il Rapport ta' Progress lejn Unjoni ta' Sigurtà effettiva u ġenwina

Anness 1: Pjan ta' Azzjoni tal-UE biex titjieb is-sigurtà tal-passiġġieri ferrovjarji

Rapport Finali tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar ir-Radikalizzazzjoni

Skeda informattiva: L-Unjoni tas-Sigurtà – Ewropa li Tipproteġi

Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-attakk ta' Salisbury, 22 ta' Marzu 2018

Ingħaqad fil-konverżazzjoni fuq l-internet ma' #SecurityUnion u #EUDefence

IP/18/4123

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar