Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Baġit tal-UE: It-tisħiħ tar-rwol tal-UE bħala fornitur tas-sigurtà u d-difiża

Strasburgu, it-13ta' gunju 2018

Għall-baġit fit-tul li jmiss tal-UE mill-2021 sal-2027, il-Kummissjoni qed tipproponi li żżid l-awtonomija strateġika tal-UE u ssaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tipproteġi liċ-ċittadini tagħha u ssawwar lill-UE f'attur globali aktar b'saħħtu.

Bi €13-il biljun, il-Fond Ewropew għad-Difiża se jkompli jipprovdi l-munizzjon finanzjarju għal investimenti transfruntieri fl-aktar teknoloġija u tagħmir avvanzati u kompletament interoperabbli f'oqsma bħas-softwer kriptat u t-teknoloġija tad-droni. Barra minn hekk, ir-Rappreżentant Għoli, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, qed tipproponi llum ammont ġdid ta' €10.5 biljun għall-Faċilità Ewropea għall-Paċi, li hija strument 'il hinn mill-baġit fit-tul tal-UE, li se tgħin biex titjieb il-kapaċità tal-UE li tipprevjeni l-kunflitti, isseddaq il-paċi u tiggarantixxi s-sigurtà internazzjonali.

Federica Mogherini, ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni, żiedet tgħid: “Tul l-aħħar snin, l-Unjoni Ewropea ħadet passi fis-sigurtà u d-difiża li lanqas konna nimmaġinawhom qabel. Issa nistgħu nappoġġaw ir-riċerka u l-kooperazzjoni ħalli niżviluppaw il-kapaċitajiet tad-difiża. Qed nieħdu miżuri li jiffaċilitaw il-moviment rapidu tal-forzi tal-Istati Membri fl-Ewropa. Barra minn hekk, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, qed nipproponi t-twaqqif ta' Faċilità Ewropea għall-Paċi li se ttejjeb il-finanzjament tal-operazzjonijiet militari tal-UE u tttejjeb l-appoġġ li nagħtu lill-azzjonijiet ta' sħabna.”

Fi kliem, Jyrki Katainen, il-Viċi President responsabbli mill-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività: “Dak li qed nipproponu se jgħin lill-UE tieħu d-destin tagħha f'idejha. Qed nerfgħu responsabbiltà akbar tad-difiża u l-protezzjoni taċ-ċittadini tagħna. Għall-ewwel darba fl-istorja tal-Unjoni Ewropea, parti mill-baġit Ewropew hija ddedikata f'investiment kollettiv ħalli jiġu żviluppati teknoloġiji u tagħmir ġodda li jipproteġu lill-poplu tagħna. Il-Fond Ewropew għad-Difiża huwa għodda tassew Ewropea li tinkoraġġixxi investimenti konġunti u tamplifika l-isforzi tal-Istati Membri fil-qasam tad-difiża.”

Elżbieta Bieńkowska, il-Kummissarju responsabbli mis-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, żiedet:"Il-Fond Ewropew għad-Difiża se jaqleb il-paġna għall-kooperazzjoni fid-difiża fl-Ewropa. Abbażi tal-ewwel inizjattivi ttestjati dawn l-aħħar sentejn, issa qed inkattruh fi strument Ewropew ambizzjuż li jappoġġa proġetti kollaborattivi fil-qasam tad-difiża tul iċ-ċiklu tal-iżvilupp kollu tagħhom. Il-Fond ta' €13-il biljun jixhed li din il-Kummissjoni hija serja fit-tiswir ta' Ewropa li tiddefendi u tipproteġi ċ-ċittadini tagħha.”

Il-Fond Ewropew għad-Difiża

Mit-€13-il biljun, il-Fond Ewropew għad-Difiża se jipprovdi €4.1 biljun biex jiffinanzja direttament proġetti tar-riċerka kompetittivi u kollaborattivi, b'mod partikolari permezz ta' għotjiet. Lil hinn mill-fażi tar-riċerka, €8.9 biljun se jkunu disponibbli biex jikkumplimentaw l-investiment tal-Istati Membri permezz ta' kofinanzjament tal-ispejjeż għall-iżvilupp ta' prototipi u r-rekwiżiti ta' ċertifikazzjoni u ttestjar sussegwenti. Il-Fond se jqiegħed lill-UE fost l-akbar erba' investituri fir-riċerka u t-teknoloġija fil-qasam tad-difiża fl-Ewropa, u se jaġixxi bħala katalist għal bażi industrijali u xjentifika innovattiva u kompetittiva.

Il-karatteristiċi prinċipali tal-Fond Ewropew għad-Difiża huma:

  • L-iffinanzjar ta' proġetti li jgħinu biex l-UE tkun aktar sigura u li jikkorrispondu mal-prijoritajiet maqbula mill-Istati Membri fil-qafas tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni u ma' organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali oħra bħan-NATO;

  • Huma eliġibbli biss proġetti kollaborattivi li jinvolvu mill-inqas 3 parteċipanti minn 3 Stati Membri;

  • L-UE se tikkofinanzja biss l-iżvilupp ta' prototipi komuni li fil-każ tagħhom, l-Istati Membri jintrabtu li jixtru l-prodott finali;

  • Il-parteċipazzjoni transfruntiera tal-SMEs u tal-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja hija inċentivata bil-qawwi permezz tal-provvediment ta' rati ogħla ta' finanzjament, li jiffavorixxu proġetti minn konsorzji li jinkludu l-SMEs u, jekk ikun hemm bżonn, tniedi sejħiet għal proposti apposta;

  • L-immirar lejn innovazzjoni rivoluzzjonarja, b'5 % tal-fondi ddedikati għal teknoloġija u tagħmir innovattivi li jippermettu lill-UE ssaħħaħ it-tmexxija teknoloġika fit-tul tagħha;

  • Il-proġetti b'Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO), jekk ikunu eliġibbli, jistgħu jirċievu bonus ta' kofinanzjament addizzjonali ta' 10%, iżda l-finanzjament mhux awtomatiku;

Il-Faċilità Ewropea għall-Paċi

Ir-Rappreżentant Għoli, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, qed tipproponi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi l-ġdida li se tiswa €10.5 biljuni f'fondi lil hinn mill-baġit, li se tiġbor flimkien mekkaniżmi lil hinn mill-baġit eżistenti ddedikati għas-sigurtà u d-difiża sabiex jingħelbu n-nuqqasijiet u l-limitazzjonijiet li hemm bħalissa. Din se żżid l-effikaċja tal-finanzjament tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) għal missjonijiet u operazzjonijiet militari. Se tiffaċilita l-kontribuzzjonijiet tal-UE għal operazzjonijiet tal-paċi mmexxija mis-sħab u se twessa' l-ambitu tal-appoġġ militari u tad-difiża li tista' toffri l-UE. Hija tkopri nefqa li ma tistax tiġi ffinanzjata mill-baġit tal-UE minħabba l-implikazzjonijiet militari u ta' difiża tagħha.

Il-passi li jmiss

Hemm bżonn jintlaħaq ftehim mingħajr dewmien dwar il-baġit fit-tul kumplessiv tal-UE u fuq il-proposti settorjali tiegħu ħalli jkun żgurat li l-fondi tal-UE jibdew jiksbu r-riżultati fil-prattika malajr kemm jista' jkun.

Dewmien simili għal dawk esperjenzati fil-bidu tal-perjodu baġitarju 2014-2020 attwali jkun ifisser li s-sejħiet għal proposti għal proġetti kollaborattivi f'oqsma bħall-metamaterjali, is-softwer kriptat u t-teknoloġija tad-droni jew tal-komunikazzjoni bis-satellita jkollhom jiġu posposti.

Ftehim dwar il-baġit fit-tul li jmiss fl-2019 ikun jipprevedi tranżizzjoni bla xkiel mill-baġit fit-tul attwali (2014-2020) għall-baġit il-ġdid, u jiżgura l-prevedibbiltà u l-kontinwità tal-finanzjament għall-ġid ta' kulħadd.

Wara li tkun kisbet l-appoġġ tal-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli se tippreżenta l-proposta għal Faċilità Ewropea għall-Paċi lill-Kunsill, li jrid jieħu deċiżjoni dwarha b'mod unanimu.

Il-kuntest

Fil-linji gwida politiċi tiegħu f'Ġunju 2014, il-President Juncker iqis it-tisħiħ tas-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej bħala prijorità. Huwa ħabbar il-ħolqien ta' Fond Ewropew għad-Difiża fid-diskors tiegħu tal-2016 dwar l-Istat tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel verżjoni tal-Fond Ewropew għad-Difiża f'Ġunju 2017, li ppermettiet li l-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża fil-livell tal-UE tiġi ttestjata permezz tal-Azzjoni Preparatorja dwar ir-Riċerka tad-Difiża (PADR) għall-2017-2019 u l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP) għall-2019-2020. 

Il-proposta tal-lum dwar il-Fond Ewropew għad-Difiża twettaq l-impenn magħmul f'Ġunju 2017 li jiżdied il-finanzjament inizjali fil-perjodu sal-2020 b'Fond aktar sostanzjali.

Il-Fond Ewropew għad-Difiża se jikkumplimenta programmi oħrajn tal-UE, b'mod partikolari il-baġit ta' €6.5 biljun allokati għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa biex jisseddqu l-infrastrutturi strateġiċi tat-trasport tal-UE biex jiġu adattati għall-mobbiltà militari, u l-programm il-ġdid ta' €100 biljun għar-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont Ewropa.

Aktar informazzjoni 

Testi legali u skedi informattivi:

  • Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi il-Fond Ewropew għad-Difiża, COM(2018) 476

  • Anness tal-proposta għal Regolament

  • Valutazzjoni tal-Impatt, SWD(2018) 345

  • Sommarju tal-valutazzjoni tal-impatt

  • Skeda informattiva: Il-Fond Ewropew għad-Difiża

Skeda informattiva: Il-Faċilità Ewropea għall-Paċi

Mistoqsijiet u Tweġibiet: Il-Faċilità Ewropea għall-Paċi 

Iktar informazzjoni fuq il-baġit tal-UE għall-futur tinsab hawn 

IP/18/4121

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar