Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Baġit tal-UE: Nagħmlu l-UE xierqa għar-rwol tagħha bħala attur globali b'saħħtu

Brussell, I-14ta' gunju 2018

Għall-baġit tal-UE fit-tul li jmiss 2021–2027, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi żieda fil-baġit tal-azzjoni esterna għal EUR 123 biljun, biex tissimplifika b'mod sinifikanti l-istruttura tiegħu, u tagħmlu ferm aktar flessibbli u effettiv biex jiġu indirizzati l-isfidi globali tal-lum.

Il-baġit tal-azzjoni esterna se jkun l-għodda prinċipali tal-UE biex tappoġġa l-pajjiżi sħab tagħha fit-trasformazzjonijiet politiċi u ekonomiċi tagħhom lejn l-iżvilupp sostenibbli, l-istabbiltà, il-konsolidazzjoni tad-demokrazija, l-iżvilupp soċjoekonomiku u l-qerda tal-faqar. Dan se jippermetti wkoll lill-UE li tkompli tipprovdi għajnuna umanitarja madwar id-dinja kollha. Fir-rigward tal-viċinat tal-UE, dan se jkun ukoll l-għodda li tgħin lill-pajjiżi tal-viċinat fl-approssimazzjoni ekonomika tagħhom fis-Suq Uniku tal-UE.

Ir-Rappreżenant Għoli/il-Viċi President Federica Mogherini qalet: “Aħna nipproponu baġit għall-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea ta' EUR 123 biljun għas-seba' snin li ġejjin: żieda ta' 30 % li huwa investiment mingħajr preċedent fir-rwol globali tagħna. Aktar riżorsi għal aktar azzjoni bħala attur globali affidabbli, prevedibbli u kooperattiv — eżattament dak li ċ-ċittadini tagħna u s-sħab tagħna jistennew f'dawn iż-żminijiet diffiċli. Huwa r-rikonoxximent tal-valur miżjud tal-UE dwar il-politika barranija. Flimkien nistgħu ikollna impatt li l-ebda Stat Membru waħdu ma jista' jkollu fid-dinja tal-lum.”

Il-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir, Johannes Hahn, enfasizza: “Il-baġit miżjud u riformat se jippermettilna nkomplu naħdmu ma' dawk il-pajjiżi li huma impenjati li jissieħbu fl-UE, kif ukoll inżommu r-relazzjoni speċjali tagħna mal-ġirien tal-Lvant u tan-Nofsinhar tagħna. Dan se jappoġġa l-għan strateġiku tagħha tal-kisba ta' spazju komuni ta' stabbiltà, sigurtà u prosperità viċin il-fruntieri tal-UE.”

Il-Kummissarju għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali, Neven Mimica żied jgħid: “L-UE hija promotur ewlieni tal-Aġenda tan-NU tal-2030 u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tagħha. Il-proposti tagħna jistabbilixxu bażi finanzjarja għall-UE biex iżżomm ir-rwol tagħha bħala attur ewlieni fl-iżvilupp, u tgħin lis-sħab tagħna biex jinqered il-faqar u biex twieġeb għall-isfidi globali, filwaqt li jiġi żgurat li ma nħallu lil ħadd barra.”

Il-Kummissarju Ewropew għall-Għajnuna Umanitarja u Ġestjoni tal-Kriżijiet Stylianides, qal: “Billi l-emerġenzi umanitarji fid-dinja qed jiżdiedu kull sena u jsiru iktar kumplessi, l-UE qed issaħħaħ ir-rwol ewlieni tagħha bħala fornitur ewlieni ta' għajnuna umanitarja. B'żieda fil-baġit, se nkomplu nuru solidarjetà ma' miljuni ta' persuni fil-bżonn.”

Elementi prinċipali tal-proposta fuq baġit estern ġdid:

  • Iktar finanzjament: Il-finanzjament se jiżdied minn EUR 94.5 biljun fil-perjodu 2014–2020 għal EUR 123 biljun mill-2027–2021, żieda ta' 30 %.
  • Simplifikazzjoni: Il-Kummissjoni tipproponi li tnaqqas l-għadd ta' strumenti, kif ukoll li tintegra l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp fil-baġit tal-UE. Dan se jippermetti iktar koerenza u enfasi aktar ċara fuq l-objettivi politiċi u l-impenji mas-sħab, f'konformità mal-valuri u l-prijoritajiet tal-UE.
  • Flessibbiltà: L-istruttura baġitarja ġdida se tippermetti l-użu u l-użu mill-ġdid ta' fondi mhux utilizzati fuq bażi multiannwali. Dan se jippermetti lill-UE biex twieġeb aħjar għaċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu f'konformità mal-prijoritajiet tagħha tal-eliminazzjoni tal-faqar, il-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, il-prosperità, il-paċi u l-istabbiltà.
  • Aktar trasparenza u skrutinju demokratiku akbar: pereżempju billi jiġi inkorporat il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp fil-baġit tal-UE.

L-istrumenti l-ġodda proposti għall-azzjoni esterna tal-UE:

  • L-Istrument tal-Viċinat, l-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) b'EUR 89.2 biljun: Dan l-istrument ġdid razzjonalizzat se jikkonsisti minn tliet pilastri: 1. Pilastru ġeografiku, b'enfażi partikolari għaż-żona tal-Viċinat u l-Afrika sub-Saħarjana, se jiġi miżjud b'mod konsiderevoli biex jindirizza b'mod konġunt sfidi globali bħall-iżvilupp tal-bniedem inkluża l-ugwaljanza bejn is-sessi, it-tibdil fil-klima, il-ħarsien tal-ambjent, il-migrazzjoni, u s-sigurtà tal-ikel; 2. Pilastru tematiku, li se jikkumplimenta l-pilastru ġeografiku permezz tal-appoġġ għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, is-soċjetà ċivili, l-istabbiltà u l-paċi, peress li dawn għandhom jiġu indirizzati fil-livell globali, kif ukoll sfidi globali oħrajn li ma jkunux koperti taħt il-pilastru ġeografiku; 3. Pilastru ta' reazzjoni rapida li se jippermettu lill-UE twieġeb b'mod rapidu għall-kriżijiet, kif ukoll biex tiġi appoġġata l-prevenzjoni tal-konflitti, tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-istati, is-soċjetajiet, il-komunitajiet u l-individwi, ir-rabta bejn l-għajnuna umanitarja u l-iżvilupp, kif ukoll l-azzjoni bikrija biex jiġu indirizzati objettivi oħra tal-politika barranija.
  • Strument Ewropew ġdid għas-Sikurezza Nukleari: B'EUR 300 miljun, dan se jikkumplimenta l-attivitajiet taħt l-istrument issimplifikat ġdid abbażi tat-Trattat Euratom;
  • L-Istrument għall-Għajnuna ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA III): EUR 14.5 biljun se joffru appoġġ ikbar lill-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali tal-UE fi triqithom lejn l-issodisfar tal-kriterji għall-adeżjoni mal-UE permezz ta' riformi fil-fond u komprensivi.
  • L-istrument għall-għajnuna umanitarja: EUR 11-il biljun se jippermettu l-assistenza tal-UE fuq bażi ta' ħtieġa sabiex jissalvaw u jiġu ppreservati l-ħajjiet, tiġi evitata u mnaqqsa s-sofferenza umana u jiġu salvagwardjati l-integrità u d-dinjità tal-popolazzjonijiet milquta minn diżastri naturali u kriżijiet ikkawżati mill-bniedem.
  • Il-baġit għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni b'EUR 3 biljun. Dan il-finanzjament se jintuża biex jirrispondi għal konflitti u kriżijiet esterni, biex jibni l-kapaċità ta' pajjiżi sħab u biex jipproteġi l-UE u ċ-ċittadini tagħha.
  • Il-kooperazzjoni mal-pajjiżi u territorji extra-Ewropej inkluża Greenland, b'EUR 500 miljun. Dan il-finanzjament se jappoġġa u jsaħħaħ ir-rabtiet ekonomiċi, politiċi u kulturali bejn l-UE u t-13-il pajjiż u territorju barranin marbuta mal-Istati Membri tal-UE.
  • L-ammont li jifdal ta' madwar EUR 4.5 biljun jikkonsisti fil-marġni baġitarju (EUR 3.2 biljun) u partiti baġitarji oħra, bħal għotjiet għal assistenza makrofinanzjarja, miżuri ta' evalwazzjoni u awditjar jew ħidma relatata ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u aġenziji deċentralizzati.
  • Il-proposta tal-Kummissjoni tinkludi qafas ta' investiment għal azzjoni esterna b'saħħa mijuda ta' sa EUR 60 biljun. Bil-bini fuq l-esperjenza ta' suċċess tal-Pjan ta' Investiment Estern tal-UE, dan se jgħin biex jitqajjmu u jitqawwu riżorsi finanzjarji addizzjonali għall-iżvilupp sostenibbli mis-settur privat.
  • Barra minn hekk, u minn barra l-baġit tal-UE, ir-Rappreżentant Għoli, bl-appoġġ tal-Kummissjoni qed jipproponi li jistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, b' EUR 10.5 biljun. Il-Faċilità Ewropea għall-Paċi se tiffinanzja azzjonijiet operattivi taħt il-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni li għandhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża, u għalhekk ma tistax tiġi ffinanzjata taħt il-baġit tal-UE. Din se ssaħħaħ il-kapaċità tal-Unjoni li żżomm il-paċi, tipprevjeni l-konflitti u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali, f'konformità mat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u l-iskopijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

 

Il-passi li jmiss

Ftehim rapidu mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, dwar il-baġit fit-tul tal-UE b'mod ġenerali, u l-proposti settorjali tagħha, sabiex jiġi żgurat li l-fondi tal-UE jagħtu riżultati konkreti malajr kemm jista' jkun.

Dewmien simili għal dawk esperjenzati fil-bidu tal-perjodu baġitarju 2014–2020 attwali jistgħu jirriżultaw f'restrizzjonijiet serji fl-issodisfar tal-obbligi u l-impenji internazzjonali tal-UE lejn is-sħab.

Ftehim dwar il-baġit fit-tul li jmiss fl-2019 ikun jipprovdi għal tranżizzjoni bla xkiel bejn il-baġit fit-tul attwali (2014-2020) u dak ġdid u jkun jiżgura prevedibbiltà u kontinwità tal-finanzjament għall-benefiċċju ta' kulħadd.

 

Għal aktar tagħrif

MEMORANDUM

Skedi informattivi u testi legali dwar il-Viċinat u d-Dinja

Il-Faċilità Ewropea għall-Paċi

Aktar informazzjoni tinsab fuq il-baġit tal-UE għall-futur

IP/18/4086

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar