Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Baġit tal-UE: Il-Kummissjoni tipproponi €1.26 biljun biex issaħħaħ il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

Brussell, il-11ta' gunju 2018

Għall-baġit fit-tul li jmiss tal-UE għall-2021-2027, il-Kummissjoni qed tipproponi programm ġdid għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà lil hinn mill-2020, b'allokazzjoni ta' €1.26 biljun biex jikbru l-opportunitajiet li joffri.

Bil-programm il-ġdid, mill-anqas 350,000 żagħżugħ u żagħżugħa Ewropej ikollhom l-opportunità jgħinu lil komunitajiet fil-bżonn permezz tal-volontarjat, l-apprendistat u l-kollokamenti f'impjieg bejn l-2021 u l-2027. Il-proposta adottata llum tikkonsolida l-Korp għall-perjodu baġitarju li jmiss.

Il-Kummissarju għall-Baġit u r-Riżorsi Umani, Günther H. Oettinger, qal: “Is-solidarjetà hi waħda mill-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u s-suċċess tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà juri li hemm ħeġġa kbira fost iż-żgħażagħ biex jieħdu sehem f'attivitajiet ta' solidarjetà. Minħabba f'hekk, fil-baġit li jmiss tal-UE qed inżidu b'mod sinifikanti l-mezzi finanzjarji għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

Skont Tibor Navracsics, il-Kummissarju tal-UE għall-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport: “B'din il-proposta, il-Kummissjoni Ewropea qed tikkonferma l-impenn tagħha li tappoġġa s-solidarjetà u tagħti s-setgħa lin-nies. Qed nagħmlu dak kollu possibbli biex il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jkun jista' jsir komunità mifruxa ta' nies u organizzazzjonijiet li lesti jwieżnu lill-persuni fil-bżonn madwar il-kontinent tagħna u lil hinn, u dan jgħin biex jissawru soċjetajiet reżiljenti u koeżivi. Min-naħa l-oħra, iż-żgħażagħ se jiksbu ħiliet, jibnu ħbiberiji ġodda, u jkabbru sens qawwi ta' appartenenza fil-komunità Ewropea.”

Il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobbiltà tal-Ħaddiema, Marianne Thyssen, qalet: “Filwaqt li qed insejsuha fuq l-esperjenza li ksibna s'issa, din il-proposta taħseb għal approċċ aktar inklużiv u flessibbli u, fl-aħħar mill-aħħar f'aktar libertà tal-għażla għall-parteċipanti, jekk jixtiqux jagħmlu volontarjat jew kollokament f'impjieg professjonali.

Il-programm il-ġdid hu msejjes fuq il-kisbiet tal-Korp fl-ewwel snin tiegħu u joħloq aċċess uniku għaż-żgħażagħ li lesti jimpenjaw ruħhom fis-solidarjetà. B'mod partikolari, il-programm jinkludi:

  • Attivitajiet tal-volontarjat li jappoġġaw l-operazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja fil-pajjiżi li mhumiex fl-UE: Minbarra l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, din l-iskema tal-UE għall-għajnuna umanitarja tant stabbilita, li sal-lum kienet tissejjaħ il-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, se tipprovdi opportunitajiet ta' volontarjat barra mill-UE u se tikkumplimenta l-opportunitajiet eżistenti permezz tal-Korpi ta' Solidarjetà għal volontarjat individwali jew bħala grupp, għal taħriġ jew għal ksib ta' impjieg fil-qasam tas-solidarjetà fl-Ewropa jew lil hinn.
  • Miżuri mmirati: Dawn jinkludu finanzjament addizzjonali jew ċerti attivitajiet speċifiċi li pereżempju jkunu iqsar jew fl-istess pajjiż tal-parteċipant, biex jagħmluha eħfef għaż-żgħażagħ żvantaġġati biex jieħdu sehem fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

Il-passi li jmiss

Hemm bżonn jintlaħaq ftehim mingħajr dewmien dwar il-baġit tal-UE fit-tul kumplessiv u fuq il-proposti settorjali tiegħu ħalli jkun żgurat li l-fondi tal-UE jibdew jiksbu r-riżultati fil-prattika malajr kemm jista' jkun.

Id-dewmien jista' jqajjem dubju dwar l-implimentazzjoni tal-ewwel sena tal-programm tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Ftehim dwar il-baġit fit-tul li jmiss fl-2019 ikun jipprovdi għal tranżizzjoni bla xkiel mill-baġit fit-tul attwali (2014-2020) għall-baġit il-ġdid, u jiżgura l-prevedibbiltà u l-kontinwità tal-finanzjament għall-ġid ta' kulħadd.

Il-kuntest

Waqt id-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2016, il-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker ħabbar it-twaqqif tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, li joffri l-opportunità lil żgħażagħ ta' bejn it-18 u t-30 sena biex jieħdu sehem f'firxa wiesgħa ta' attivitajiet ta' solidarjetà madwar l-UE u lil hinn. Minn mindu tnieda fis-7 ta' Diċembru 2016, kważi 64,000 żagħżugħ u żagħżugħa ngħaqdu mal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, u kważi 5,000 parteċipant bdew l-attività tagħhom.

Tul l-ewwel fażi mnedija f'Diċembru 2016, fetħu tmien programmi differenti li joffru volontarjat, apprendistat jew opportunitajiet ta' impjieg, ilkoll permezz tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. F'Mejju 2017, il-Kummissjoni ressqet proposta biex il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jkollu l-mekkaniżmu ta' finanzjament u l-qafas legali tiegħu stess.. Bħalissa din il-proposta qed jiddiskutuha l-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Dan se jgħin biex jiżdiedu aktar il-koerenza u l-impatt tiegħu. Ġie allokat baġit ta' €376.5 miljun għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà mill-2018 sal-2020 ħalli 100,000 żagħżugħ u żagħżugħa Ewropej ikunu jistgħu jgħinu lil komunitajiet u jiżviluppaw il-kompetenzi tagħhom sa tmiem l-2020.

Kull korp pubbliku jew privat li jissodisfa rekwiżiti stretti tal-kwalità jista' jipproponi proġetti għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Dan se jiġi implimentat mill-Kummissjoni Ewropea, l-Aġenziji Nazzjonali ta' Erasmus+ fl-Istati Membri, u l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.

Għal aktar informazzjoni

MEMO: Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà lil hinn mill-2020: Mistoqsijiet u Tweġibiet

Skeda informattiva: Il-Baġit tal-UE għall-futur: Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà lil hinn mill-2020

Skeda informattiva: Il-Baġit tal-UE għall-futur: Il-Korpi Ewropej ta' Solidarjetà fl-azzjoni:

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u li jħassar [ir-Regolament tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà] u r-Regolament (UE) Nru 375/2014 (COM(2018) 440/2)

Portal tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

Is-sit web dwar il-baġit tal-UE għall-futur

IP/18/4035

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar