Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Baġit tal-UE: il-Kummissjoni tipproponi aktar fondi għal investiment biex l-Ewropej ikunu konnessi b'infrastruttura ta' prestazzjoni għolja

Brussell, is-6ta' gunju 2018

Bħala parti mill-baġit tal-UE fit-tul li jmiss għall-2021-2027, il-Kummissjoni Ewropea llum qed tipproponi li ġġedded il-“Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa”, b'€42.3 biljun biex tappoġġa investimenti fin-netwerks ta' infrastruttura trans-Ewropej għas-settur tat-trasport (€30.6 biljun), tal-enerġija (€8.7 biljun) u dak diġitali (€3 biljun).

Dan jirrappreżenta żieda ta' 47 % meta mqabbel mal-2014-2020[1], li juri l-impenn tal-UE għal Unjoni konnessa u integrata tajjeb fejn iċ-ċittadini u n-negozji jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-moviment liberu u mis-suq uniku. Għall-2021-2027, il-Kummissjoni qed tipproponi li ssaħħaħ id-dimensjoni ambjentali tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, b'mira ta' 60 % tal-baġit tagħha li jikkontribwixxi għall-objettivi tal-klima. Dan se jgħin biex tissaħħaħ l-Unjoni tal-Enerġija, jiġu ssodisfati l-impenji tal-UE skont il-Ftehim ta' Pariġi u tiġi kkonsolidata t-tmexxija globali tal-Ewropa fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Il-Viċi President għall-Unjoni tal-Enerġija, Maroš Šefčovič qal:Minn mindu ntlaħaq il-Ftehim ta' Pariġi, il-ħolqien ta' rabtiet bejn is-setturi huwa importanti ħafna. Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa l-ġdida se tinsisti fuq aktar sinerġiji bejn is-setturi tat-trasport, l-enerġija u diġitali sabiex jiġi massimizzat l-impatt tat-tranżizzjoni tal-enerġija. Barra minn hekk, il-baġit akbar tagħha u t-taħlit possibbli ma' strumenti oħrajn se jgħinu biex globalment l-Ewropa tibqa' fuq quddiem fi proġetti innovattivi bħall-grilji intelliġenti u l-ħżin tal-enerġija.”

Il-Kummissarju għall-Azzjoni Klimatika u l-Enerġija, Miguel Arias Cañete sostna: “Din il-proposta se tibni l-infrastruttura meħtieġa għat-tranżizzjoni tal-enerġija nadifa u tgħin biex jinkisbu l-miri ambizzjużi tal-klima u l-enerġija għall-2030. Il-programm il-ġdid se jgħinna wkoll inlestu proġetti strateġiċi, bħas-sinkronizzazzjoni tal-pajjiżi Baltiċi mal-grilja Ewropea tal-elettriku, li huma essenzjali għal Unjoni tal-Enerġija reali.”

Il-Kummissarju għat-Trasport, Violeta Bulc qalet: “It-trasport huwa qasam fejn l-UE tagħti benefiċċji konkreti liċ-ċittadini tagħha, u llum qed nipproponu baġit bla preċedent biex tittejjeb il-mobbiltà fil-kontinent tagħna. Irridu li l-Ewropej jivvjaġġaw fuq in-netwerk l-aktar modern, sikur, nadif u konness fid-dinja.” Ma jistħoqqilhom xejn inqas minn hekk.”

Il-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li tintegra aħjar is-setturi tat-trasport, l-enerġija u diġitali, sabiex jitħaffu d-dekarbonizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE. Is-soluzzjonijiet ta' mobbiltà nadifa – bħall-mobbiltà elettrika – pereżempju għandhom bżonn integrazzjoni mill-qrib bejn is-setturi tat-trasport u l-enerġija. Xi eżempji oħrajn jinkludu l-mobbiltà awtonoma, il-ħżin tal-enerġija u l-grilji intelliġenti.

1. It-trasport: mobbiltà sikura, nadifa u konnessa

Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa se tagħti sostenn lill-mobbiltà intelliġenti, sostenibbli, inklużiva, sigura u bla periklu, f'konformità mal-proposti ta' “L-Ewropa Attiva” u l-politika tal-infrastruttura tat-trasport tal-UE. Hija se tgħin, pereżempju, fid-dekarbonizzazzjoni tat-trasport billi tagħti prijorità lil mezzi ta' trasport li jirrispettaw l-ambjent (eż. il-ferrovija) u bl-iżvilupp ta' punti tal-iċċarġjar għal fjuwils alternattivi. Hija proposta wkoll enfasi aktar qawwija fuq il-modernizzazzjoni tan-netwerk, partikolarment biex isir aktar sigur. Bħala espressjoni konkreta tas-solidarjetà Ewropea, parti mill-baġit (€11.3 biljun) se tkun riżervata għal Stati Membri eliġibbli għall-fond ta' koeżjoni.

Għall-ewwel darba, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa se tappoġġa infrastruttura ta' trasport b'użu doppju ċivili-militari b'€6.5 biljun. L-objettiv huwa li n-netwerk tat-trasport tal-Ewropa jiġi adattat għar-rekwiżiti militari u li tittejjeb il-mobbiltà militari tal-UE. Dan se jagħti kontribut importanti għal Unjoni tad-Difiża kompluta sal-2025, li hija prijorità politika ta' din il-Kummissjoni. Il-proposta tal-lum timplimenta l-Komunikazzjoni Konġunta ta' Novembru 2017 u l-Pjan ta' Azzjoni ta' Marzu 2018.

2. L-enerġija: affordabbli, sigura u sostenibbli

Fis-settur tal-enerġija, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa l-ġdida se tippermetti l-ħolqien ta' Unjoni tal-Enerġija ġenwina u tappoġġa t-tranżizzjoni tal-enerġija f'konformità mal-objettivi tal-proposti għal Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha. Dan se jippermetti li l-Ewropa tibqa' fuq quddiem nett fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa f'konformità ma' din il-prijorità politika tal-Kummissjoni Juncker biex issir il-mexxejja dinjija fl-enerġija rinnovabbli.

Għal dan il-għan, element ġdid tal-baġit se jrawwem il-kooperazzjoni tal-Istati Membri dwar proġetti transfruntieri għall-ġenerazzjoni ta' enerġija rinnovabbli, sabiex jiġi promoss l-użu strateġiku ta' teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli lesti għas-suq. Il-programm se jkompli jappoġġa wkoll in-netwerks ta' infrastrutturi trans-Ewropej, li jippermettu aktar integrazzjoni tas-suq intern tal-enerġija, isaħħu l-interoperabbiltà tan-netwerks transfruntieri u transettorjali, u jiffaċilitaw id-dekarbonizzazzjoni u jiggarantixxu s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija.

3. Is-settur diġitali: netwerk broadband ta' kapaċità għolja

Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa se tappoġġa infrastruttura diġitali tal-ogħla livell teknoloġiku, li tistabbilixxi l-pedament għal Suq Uniku Diġitali li jaħdem tajjeb. Id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea u l-modernizzazzjoni ta' setturi bħat-trasport, l-enerġija, il-kura tas-saħħa u l-amministrazzjoni pubblika jiddependu mill-aċċess universali għal netwerks affidabbli, affordabbli, ta' kwalità, kemm b'kapaċità għolja kif ukoll b'kapaċità għolja ħafna. B'domanda dejjem akbar għal netwerks u infrastruttura ta' kapaċità għolja fil-komunikazzjoni elettronika, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa l-ġdida se tagħti aktar importanza lill-infrastruttura ta' konnettività diġitali.

Il-Passi li jmiss

Hemm bżonn jintlaħaq ftehim mingħajr dewmien dwar il-baġit tal-UE fit-tul kumplessiv u fuq il-proposti settorjali tiegħu ħalli jkun żgurat li l-fondi tal-UE jibdew jiksbu r-riżultati fil-prattika malajr kemm jista' jkun. Inkella, proġetti ta' infrastruttura fuq skala kbira se jintlaqtu sew mid-dewmien. Fis-settur tat-trasport dan jaffettwa proġetti ewlenin bħall-konnessjonijiet ferrovjarji Rail Baltica, Brenner Tunnel, Lyon-Turin, Evora-Merida, eċċ. Rail Baltica, pereżempju irid ikun kapaċi jniedi l-akkwisti ewlenin li għandu bżonn għall-kostruzzjoni fl-2021. Dan huwa kruċjali għat-twettiq ta' proġett li se jgħin biex ħames miljun ruħ fil-Baltiku jkunu konnessi.

Ftehim dwar il-baġit fit-tul li jmiss fl-2019 jipprovdi għal tranżizzjoni bla xkiel bejn il-baġit fit-tul attwali (2014-2020) u dak ġdid, u jkun jiżgura prevedibbiltà u kontinwità tal-finanzjament għall-benefiċċju ta' kulħadd.

Il-kuntest

In-netwerks trans-Ewropej u l-kooperazzjoni transfruntiera huma kruċjali mhux biss għall-funzjonament tas-Suq Uniku, imma huma wkoll strateġiċi għall-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija, is-Suq Uniku Diġitali u l-iżvilupp ta' mezzi tat-trasport sostenibbli. Madankollu, mingħajr l-intervent tal-UE, l-operaturi privati u l-awtoritajiet nazzjonali ma għandhomx inċentiv biżżejjed biex jinvestu fi proġetti ta' infrastruttura transfruntieri.

Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għandha l-għan li tirrimedja din is-sitwazzjoni bis-saħħa tal-kofinanzjament tal-UE. Il-finanzjament huwa allokat abbażi ta' sejħiet għal proposti kompetittivi mmaniġġjati mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks (INEA).

Flimkien mal-programm InvestEU, dan jgħin ukoll biex timtela l-lakuna tal-investiment fl-Ewropa, u biex jinħolqu l-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku.

Għal iktar informazzjoni

Test legali u skeda informattiva

Il-baġit tal-UE għall-futur

Aġġustamenti proposti għan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport

 

[1] Tqabbil fi prezzijiet kurrenti għall-EU-27 fl-2014-2020 vs. EU-27 fl-2021-2028. Iż-żieda hija ta' 29 % fi prezzijiet kostanti tal-2018.

IP/18/4029

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar