Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni Ewropea tirreaġixxi għar-restrizzjonijiet mill-Istati Uniti fuq l-azzar u l-aluminju li jaffettwaw l-UE

Brussell, il-31ta' mejju 2018

L-Istati Uniti ħabbret li mill-1 ta' Ġunju 2018 se timponi dazji addizzjonali ta' 25 % u 10 % rispettivament fuq importazzjonijiet tal-azzar u l-aluminju mill-UE.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker qal: “Jien ninsab imħasseb b'din id-deċiżjoni. L-UE temmen li dawn it-tariffi unilaterali tal-Istati Uniti m'humiex ġustifikati u jmorru kontra r-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Dan huwa protezzjoniżmu, pur u sempliċi. Matul l-aħħar xhur, konna dejjem impenjati mal-Istati Uniti fil-livelli kollha possibbli biex flimkien nindirizzaw il-problema ta' kapaċità żejda fis-settur tal-azzar. Il-kapaċità żejda tibqa' fil-qalba tal-problema u l-UE m'hijiex is-sors tagħha iżda, għall-kuntrarju, tinsab ugwalment milquta minnha. Din hija r-raġuni għaliex aħna determinati li naħdmu lejn soluzzjonijiet strutturali flimkien mas-sħab tagħna. Aħna wrejna wkoll b'mod konsistenti li lesti niddiskutu dwar modi kif intejbu r-relazzjonijiet tal-kummerċ bilaterali mal-Istati Uniti, iżda għamilniha ċara li l-UE mhux se tinnegozja taħt theddid. Billi tpoġġi fil-mira lil dawk li m'humiex responsabbli għall-kapaċitajiet żejda, l-Istati Uniti qed tagħti vantaġġ lil dawk li huma responsabbli għall-problema. Issa, l-Istat Uniti ma tħallilna l-ebda għażla ħlief li nipproċedu b'każ ta' soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO u bl-impożizzjoni ta' dazji addizzjonali fuq għadd ta' importazzjonijiet mill-Istati Uniti. Aħna se niddefendu l-interessi tal-Unjoni, f'konformità sħiħa mal-liġi internazzjonali tal-kummerċ.”

Il-Kummissarju għall-Kummerċ, Cecilia Malmström, qalet: “Illum ġurnata ħażina għall-kummerċ dinji. Għamilna minn kollox biex nevitaw dan l-eżitu. Matul dawn l-aħħar ftit xhur, tkellimt f'diversi okkażjonijiet mas-Segretarju tal-Kummerċ tal-Istati Uniti. Argumentajt biex l-UE u l-Istati Uniti jimpenjaw ruħhom għal aġenda pożittiva tal-kummerċ transatlantiku, u biex l-UE tiġi eżentata b'mod sħiħ, permanenti u mhux kondizzjonali minn dawn it-tariffi. Dan huwa wkoll dak li talbu l-mexxejja tal-UE. Matul dawn it-taħditiet, l-Istati Uniti ppruvat tuża t-theddida ta' restrizzjonijiet kummerċjali bħala lieva biex tikseb konċessjonijiet mill-UE. Dan m'huwiex il-mod kif naħdmu, u ċertament mhux il-mod bejn sħab, ħbieb u alleati li ilhom jeżistu. Issa li l-affarijiet huma ċari, ir-rispons tal-UE se jkun proporzjonat u f'konformità mar-regoli tad-WTO. Issa se nagħtu bidu għal każ ta' soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO, billi dawn il-miżuri tal-Istati Uniti jmorru b'mod ċar kontra r-regoli internazzjonali. Aħna se nimponu wkoll miżuri ta' riekwilibriju u nieħdu kwalunkwe pass meħtieġ biex nipproteġu s-suq tal-UE mid-devjazzjoni tat-traffiku kummerċjali kkawżat minn dawn ir-restrizzjonijiet tal-Istati Uniti.”

Sfond

Il-miżuri tal-Istati Uniti jaffettwaw esportazzjonijiet tal-UE b'valur ta' EUR 6.4 biljun fl-2017. Waqt li ppruvat tevita s-sitwazzjoni tal-lum, l-UE ilha tipprepara matul dawn l-aħħar xhur u issa tinsab lesta biex tirreaġixxi għar-restrizzjonijiet kummerċjali tal-Istati Uniti fuq l-azzar u l-aluminju b'mod rapidu, sod, proporzjonat u kompatibbli bis-sħiħ mad-WTO.

L-UE se tniedi proċedimenti legali kontra l-Istati Uniti fid-WTO fl-1 ta' Ġunju. Dan ġie deċiż mill-Kulleġġ tal-Kummissarji fid-29 ta' Mejju u l-Istati Membri ġew ikkonsultati fl-istess jum. Il-miżuri tal-Istati Uniti huma primarjament maħsuba biex jipproteġu l-industrija domestika tal-Istati Uniti minn kompetizzjoni fl-importazzjonijiet, li b'mod ċar imur kontra r-regoli tad-WTO. Minbarra s-soluzzjoni ta' tilwim tad-WTO li qed inniedu kontra l-miżuri tal-Istati Uniti, hija prevista wkoll azzjoni kkoordinata f'dan il-qasam ma' sħab oħra affettwati.

Fir-rigward tal-miżuri tariffarji tal-Istati Uniti, l-UE se tuża l-possibbiltà skont ir-regoli tad-WTO għal riekwilibriju tas-sitwazzjoni billi tolqot lista ta' prodotti tal-Istati Uniti b'dazji addizzjonali. Il-livell ta' tariffi li għandhom jiġu applikati se jirrifletti d-dannu kkawżat mir-restrizzjonijiet kummerċjali ġodda tal-Istati Uniti fuq il-prodotti tal-UE. Il-lista ta' prodotti tal-Istati Uniti hija lesta: ġiet ikkonsultata ma' partijiet ikkonċernati Ewropej u appoġġata mill-Istati Membri. L-UE nnotifikat il-miżuri potenzjali ta' riekwilibriju tagħha lid-WTO fit-18 ta' Mejju u, f'konformità mar-regoli tal-Organizzazzjoni, tista' tattivahom 30 jum wara. Issa l-Kummissjoni, f'koordinazzjoni mal-Istati Membri, se tieħu deċiżjoni formali biex tipproċedi għar-riekwilibriju.

Il-Kummissjoni hija determinata li tipproteġi s-swieq tal-azzar u tal-aluminju tal-UE minn dannu kkawżat minn importazzjonijiet addizzjonali li jistgħu jidħlu fl-UE riżultat tal-għeluq tas-suq tal-Istati Uniti. Fis-26 ta' Marzu, ġiet imnedija investigazzjoni rigward l-impożizzjoni possibbli ta' miżuri ta' salvagwardja għall-azzar. Il-Kummissjoni għandha disa' xhur biex tiddeċiedi jekk il-miżuri ta' salvagwardja humiex meħtieġa. Din id-deċiżjoni tista' tittieħed ukoll ferm iktar kmieni fil-proċedimenti, jekk l-investigazzjoni tikkonferma l-ħtieġa ta' azzjoni rapida. Il-Kummissjoni implimentat ukoll sistema ta' sorveljanza għall-importazzjonijiet tal-aluminju biex tkun ippreparata f'każ li se tkun meħtieġa azzjoni f'dak is-settur.

Għal iktar informazzjoni

Pjan tal-UE biex jiġġieled ir-restrizzjonijiet kummerċjali mill-Istati Uniti, kif ippreżentat fis-7 ta' Marzu

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni wara dak li ħabbret l-Istati Uniti fl-1 ta' Mejju

Lista ta' prodotti għar-riekwilibriju

Proċedimenti ta' salvagwardja dwar l-azzar

Riżoluzzjoni tat-tilwim tad-WTO

Aktar dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali UE - Stati Uniti

IP/18/4006

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar