Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Baġit tal-UE: Il-Kummissjoni tipproponi żieda fil-finanzjament b'appoġġ għall-ambjent u l-azzjoni klimatika

Brussell, I-1ta' gunju 2018

Għall-baġit ta' terminu twil li jmiss tal-UE għall-perjodu 2021–2027, il-Kummissjoni qed tipproponi żieda fil-finanzjament bi kważi 60 % għall-programm LIFE, il-programm tal-UE għall-ambjent u l-azzjoni klimatika.

Il-programm LIFE huwa fost il-programmi ta' finanzjament tal-UE li għalih il-Kummissjoni qed tipproponi l-akbar żieda proporzjonali, b'baġit ta' EUR 5.45 biljun għall-perjodu 2021-2027.* Il-Kummissjoni integrat l-azzjoni klimatika f'kull programm ewlieni ta' nfiq tal-UE, b'mod partikolari l-politika ta' koeżjoni, l-iżvilupp reġjonali, l-enerġija, it-trasport, ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-Politika Agrikola Komuni kif ukoll il-politika ta' żvilupp tal-UE, biex b'hekk il-baġit tal-UE isir mezz li jixpruna s-sostenibbiltà. Sabiex timplimenta l-Ftehim ta' Pariġi u twettaq l-impenn favur l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kummissjoni tipproponi li l-livell ta' finanzjament għall-programmi favur il-klima jiżdied b'mill-inqas 25 % tan-nefqa tal-UE li tikkontribwixxi għall-objettivi tal-klima.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Karmenu Vella qal: “L-UE hija mexxejja dinjija fil-protezzjoni ambjentali u l-azzjoni klimatika; dan għandu jiġi rifless fil-mod ta' kif nonfqu flusna. Permezz ta' aktar fondi, nistgħu nsaħħu l-programm LIFE tagħna biex niżguraw li dan jikkontribwixxi b'mod effikaċi għall-protezzjoni tal-ambjent tagħna u biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn ekonomija nadifa, effiċjenti fl-użu tal-enerġija, b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima – din hija prijorità tal-Kummissjoni Juncker.”

Miguel Arias Cañete, il-Kummissarju għall-Azzjoni Klimatika u l-Enerġija żied jgħid: "Il-programm LIFE imsaħħaħ se jkollu rwol importanti fl-espansjoni ta' investimenti fl-azzjoni klimatika u l-enerġija nadifa madwar l-Ewropa. Permezz ta' appoġġ kontinwu għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, il-programm LIFE se jkompli jgħin ukoll lill-UE tilħaq l-għanijiet u l-impenji tagħha fir-rigward tal-klima skont il-Ftehim ta' Pariġi kif ukoll l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.”

Il-karatteristiċi ewlenin tal-Programm LIFE il-ġdid huma:

  • Enfasi akbar fuq l-enerġija nadifa: Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-programm LIFE il-ġdid huwa li jistimola l-investiment u li jappoġġa l-attivitajiet iffokati fuq l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, b'mod speċjali f'reġjuni Ewropej li għadhom lura fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa;
  • Enfasi akbar fuq in-natura u l-bijodiversità: Il-programm LIFE il-ġdid se jappoġġa proġetti li jippromwovu l-aħjar prattiki fir-rigward tan-natura u l-bijodiversità, kif ukoll “Proġetti Strateġiċi dwar in-Natura” speċifiċi ġodda biex jgħin l-Istati Membri kollha jintegraw l-objettivi tal-politika tan-natura u tal-bijodiversità f'politiki u programmi ta' finanzjament oħra, bħalma huma l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, u b'hekk jiġi żgurat approċċ aktar koerenti fis-setturi kollha;
  • Appoġġ kontinwu għall-ekonomija ċirkolari u għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima: Il-programm il-ġdid se jkompli jappoġġa l-objettivi importanti tal-politika tal-UE, bħat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-arja u tal-ilma tal-UE, l-implimentazzjoni tal-qafas ta' politika dwar l-enerġija u l-klima għall-2030 u t-twettiq tal-impenji tal-Unjoni skont il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima;
  • Approċċ sempliċi u flessibbli: Il-programm il-ġdid ġie mfassal biex ikun aktar sempliċi, aktar flessibbli u biex jippermetti aċċess ġeografiku usa'. L-enfasi tal-programm se tkun fuq l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' metodi innovattivi li jwieġbu għall-isfidi ambjentali u klimatiċi. Se jiżgura wkoll li jkun hemm biżżejjed flessibbiltà biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet ġodda u kritiċi li jfeġġu tul iż-żmien tal-programm.

Il-Passi li Jmiss

Hemm bżonn jintlaħaq ftehim mingħajr dewmien dwar il-baġit ta' terminu twil kumplessiv tal-UE u dwar il-proposti settorjali tiegħu biex jiġi żgurat li l-fondi tal-UE jibdew jiksbu r-riżultati fil-prattika malajr kemm jista' jkun.

Jekk ikun hemm dewmien bħalma ġara fil-bidu tal-perjodu baġitarju attwali 2014-2020, dan ikun ifisser li l-proġetti ma jkunux jistgħu jinbdew fil-ħin; li l-bliet u r-reġjuni ma jirċevux il-finanzjament meħtieġ biex itejbu l-kwalità tal-arja u tal-ilma għaċ-ċittadini tagħhom, biex jittrattaw l-iskart tagħhom kif xieraq jew biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu.

Ftehim dwar il-baġit ta' terminu twil li jmiss fl-2019 jista' jipprovdi għal tranżizzjoni bla xkiel bejn il-baġit ta' terminu twil attwali (2014-2020) u l-baġit il-ġdid u jista' jiżgura l-prevedibbiltà u l-kontinwità tal-finanzjament għall-benefiċċju ta' kulħadd.

Kuntest

Il-programm LIFE, li tnieda fl-1992, huwa wieħed mill-aqwa mezzi ta' finanzjament tal-UE għall-ambjent u l-klima. Dan il-programm diġà ffinanzja aktar minn 4,500 proġett, u kkontribwixxa EUR 5.9 biljun għall-protezzjoni tal-ambjent u l-azzjoni klimatika. Il-programm LIFE attwali nbeda fl-2014 u ser ikompli sal-2020, b'baġit ta' EUR 3.5 biljun.

LIFE kellu rwol sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali ewlenija tal-UE li tinkludi d-Direttivi dwar il-Ħabitats u dwar l-Għasafar. Il-proposta għall-programm il-ġdid għall-perjodu 2021-2027 hija bbażata fuq ir-riżultati ta' evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-programm attwali kif ukoll fuq valutazzjoni tal-impatt.

Għal iktar informazzjoni

L-iskeda informattiva u l-proposta leġislattiva huma disponibbli hawn

Aktar informazzjoni dwar il-programm LIFE hija disponibbli hawn

Aktar informazzjoni dwar il-baġit tal-UE għall-futur tista' tinsab hawn

 

*aġġornat fl-01/06/2018 fil-ħin ta' 14:23

IP/18/4002

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar